Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0050/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0050/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara t-tentattiv tal-elezzjoni illegali tal-Presidenza l-ġdida u tal-Uffiċċju l-ġdid tal-Assemblea Nazzjonali (kolp ta' stat parlamentari)

13.1.2020 - (2020/2507(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Kati Piri, Javi López
f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0048/2020

Proċedura : 2020/2507(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0050/2020
Testi mressqa :
B9-0050/2020
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0050/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara t-tentattiv tal-elezzjoni illegali tal-Presidenza l-ġdida u tal-Uffiċċju l-ġdid tal-Assemblea Nazzjonali (kolp ta' stat parlamentari)

(2020/2507(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dik tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2], tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3], tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4], tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[5], tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[6], tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela[7], tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezuela u fuq il-fruntieri tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil[8], tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[9], tal-31 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[10], tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela[11], u tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[12],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Jannar 2020 tal-Kelliem dwar l-avvenimenti fl-Assemblea Nazzjonali u d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Jannar 2020 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar l-aħħar żviluppi fl-Assemblea Nazzjonali,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Jannar 2020 tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar il-Venezwela;

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tal-10 ta' Jannar 2020 intitolata "Rigward l-avvenimenti reċenti fil-Venezwela",

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Lima tal-5 ta' Jannar 2020,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1893 tal-11 ta' Novembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela[13], li testendi l-miżuri restrittivi mmirati tal-preżent sal-14 ta'Novembru 2020,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Parlament Ewropew tennew li l-Assemblea Nazzjonali hija l-uniku korp leġittimu u elett demokratikament fil-Venezwela; billi skont l-Artikolu 194 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, "l-Assemblea Nazzjonali għandha teleġġi fost il-membri tagħha President wieħed u żewġ Viċi Presidenti, kif ukoll Segretarju wieħed u Sottosegretarju wieħed, mhux membru tal-Assemblea, għal perjodu ta' sena"; billi din l-elezzjoni kellha ssir fil-5 ta' Jannar 2020;

B. billi fit-23 ta' Jannar 2019, il-President tal-Assemblea Nazzjonali elett b'mod leġittimu u demokratiku, Juan Guaidó, ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-president interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela; billi huwa ġie rikonoxxut bħala l-President interim tal-Venezwela minn 'il fuq minn 50 pajjiż, fosthom il-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, u l-UE nfisha;

C. billi fil-5 ta' Jannar 2020, il-forzi tas-sigurtà tar-reġim ta' Nicolás Maduro żammew lil membri tal-Assemblea Nazzjonali milli jiltaqgħu biex seta' jsir ir-reshuffle tal-Bord tad-Diretturi tal-Assemblea Nazzjonali; billi ż-żona madwar il-palazz leġiżlattiv ġiet militarizzata għalkollox, u l-aċċess imblukkat permezz ta' punti ta' kontroll; billi colectivos armati li joperaw fil-madwar attakkaw u ffastidjaw lil membri tal-Assemblea Nazzjonali, ġurnalisti u rappreżentanti diplomatiċi;

D. billi f'sessjoni kaotika u mqanqla, leġiżlaturi mill-Partit Soċjalista Magħqud tal-Venezwela (PSUV), flimkien ma' għadd ta' dissidenti tal-oppożizzjoni, eleġġew lil Luis Parra bħala l-President il-ġdid tal-Assemblea Nazzjonali, bi ksur ċar tan-normi demokratiċi; billi l-UE tqis li s-sessjoni ta' votazzjoni li wasslet għall-elezzjoni ta' Luis Parra mhijiex leġittima, peress li la tirrispetta l-proċeduri xierqa stabbiliti fir-regolamenti, bħal pereżempju l-kworum, u lanqas il-prinċipji kostituzzjonali demokratiċi;

E. billi Juan Guaidó inżamm b'mod vjolenti milli jidħol fil-kamra u dan wassal biex saret sessjoni speċjali tal-Assemblea Nazzjonali fil-kwartieri ġenerali tal-ġurnal El Nacional; billi waqt din is-sessjoni huwa ġie rielett President tal-Assemblea Nazzjonali minn 100 leġiżlatur, b'mod li l-kworum ta' 84 intlaħaq bil-kumdità; billi l-Membri Parlamentari Juan Pablo Guanipa u Carlos Berribeitia ġew eletti l-ewwel u t‑tieni Viċi Presidenti, filwaqt li Angelo Palmeri nħatar Segretarju Ġenerali;

F. billi, b'mod parallel, Nicolás Maduro rrikonoxxa lil Luis Parra bħala President leġittimu tal-Assemblea Nazzjonali u ħabbar taħditiet biex jibqa' għaddej bil-konformazzjoni ta' Kunsill Elettorali Nazzjonali ġdid sabiex jissejħu elezzjonijiet parlamentari fil-futur qarib; billi ftit wara li seħħew dawn l-avventimenti waslet il-kundanna min-naħa tal-Grupp ta' Lima, u l-OAS, l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada, il-Brażil, l-Ekwador, il-Bolivja, il-Kolombja, il-Paragwaj, il-Panama, il-Costa Rica, iċ-Ċilì, il-Gwatemala, l-Urugwaj u l-Arġentina ma jirrikonoxxux lil Parra u tennew li jirrikonoxxu lil Guaidó bħala l-President leġittimu; billi r-Russja biss irrikonoxxiet lil Parra bħala l-President leġittimu tal-Assemblea Nazzjonali;

G. billi dawn l-avvenimenti komplew jaggravaw il-polarizzazzjoni u l-kriżi politika li qed iġarrab il-pajjiż u billi dawn komplew joħolqu ostakli għall-isforzi lejn soluzzjoni paċifika u demokratika tal-kriżi; billi l-Venezwela issa għandha: Assemblea Nazzjonali bil-Bord tagħha elett kif xieraq; bord parallel tal-Assemblea Nazzjonali, appoġġat mill-PSUV u minn minoranza tal-oppożizzjoni; assemblea kostitwenti illegali li qed tużurpa l-funzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali; Tribunal Suprem kompost mir-reġim, b'imħallfin maħtura illegalment; grupp ta' mħallfin maħtura mill-Assemblea Nazzjonali li ffurmaw "Tribunal Suprem fl-eżilju"; lil Juan Guaidó bħala President interim; u lil Nicolás Maduro li jgħid li hu l-Kap tal-Istat;

H. billi l-UE tibqa' konvinta li soluzzjoni politika demokratika paċifika hija l-uniku mod sostenibbli biex il-Venezwela toħroġ mill-kriżi, u qed tikkomunika mas-sħab internazzjonali u reġjonali permezz tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali; billi t-tentattivi preċedenti biex il-kriżi tiġi indirizzata permezz ta' proċess ta' negozjati u djalogu ma pproduċewx riżultati tanġibbli;

1. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Venezwela, u l-appoġġ sħiħ tiegħu lejn dan il-poplu, li qed iġarrab l-effetti ta' kriżi umanitarja u politika severa;

2. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Assemblea Nazzjonali, li fil-preżent hija l-uniku korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, u li l-poteri tagħha jeħtieġ li jingħatawlha lura u jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu lil Juan Guaidó bħala l-uniku President leġittimu tal-Assemblea Nazzjonali;

3. Jirrifjuta bil-qawwa l-ksur tal-funzjonament demokratiku, kostituzzjonali u trasparenti tal-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll l-atti kontinwi ta' intimidazzjoni, tixħim, estorsjoni u vjolenza, u d-deċiżjonijiet arbitrarji kontinwi kontra l-membri tagħha;

4. Jerġa' jafferma l-pożizzjonijiet preċedenti tiegħu li soluzzjoni paċifika, demokratika u inklużiva hija l-uniku mod sostenibbli kif il-pajjiż joħroġ mill-istall politiku attwali u mill-kriżi soċjali u umanitarja severa ipprovokata minnu;

5. Itenni t-talbiet preċedenti tiegħu lill-Kunsill biex jimponi sanzjonijiet addizzjonali li jkollhom fil-mira lill-awtoritajiet statali de facto responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni; jappoġġa d-dikjarazzjoni tal-UE f'dan is-sens;

6. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha: itenni l-appelli preċedenti tiegħu lill-Gvern Venezwelan biex itemm minnufih ir-repressjoni tal-mexxejja politiċi, tal-ġurnalisti u tal-membri tal-oppożizzjoni;

7. Jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikompli jaħdem permezz tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali fi sforz biex tinkiseb soluzzjoni paċifika u demokratika permezz ta' elezzjonijiet presidenzjali liberi u ġusti;

8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President interim leġittimu tar-Repubblika u President tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Jannar 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza