Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0052/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0052/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

13.1.2020 - (2020/2507(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Reinhard Bütikofer
f'isem il-Grupp Verts/ALE

Proċedura : 2020/2507(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0052/2020
Testi mressqa :
B9-0052/2020
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0052/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

(2020/2507(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Jannar 2020 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, f'isem l-UE dwar l-iżviluppi reċenti fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Jannar 2020 tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar il-Venezwela, maħruġa mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-8 ta' Frar 2018[1], tat-3 ta' Mejju 2018[2], tal-5 ta' Lulju 2018[3], tal-25 ta' Ottubru 2018[4], tal-31 ta' Jannar 2019[5], tat-28 ta' Marzu 2019[6] u tat-18 ta' Lulju 2019[7],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-inċidenti kaotiċi tal-5 ta' Jannar 2020 marbuta mal-elezzjoni tal-bord tad-diretturi l-ġdid tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela jqajmu tħassib serju dwar il-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet u l-kapaċità tal-partijiet kollha involuti li jiggvernaw il-pajjiż b'mod responsabbli;

B. billi fil-5 ta' Jannar 2020, skont l-osservaturi internazzjonali u l-midja, Juan Guaidó, li dakinhar kien għadu l-President fil-kariga tal-Assemblea, ġie impedut milli jidħol fil-bini tal-Assemblea tal-Venezwela għall-elezzjoni mill-ġdid tiegħu, peress li xtaq jaċċedi għall-bini akkumpanjat minn Membri sospiżi mill-Assemblea;

C. billi l-membri tal-Assemblea Nazzjonali jeħtiġilhom ikunu jistgħu jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom, kif mogħti lilhom mill-poplu Venezwelan, mingħajr ebda forma ta' intimidazzjoni jew rappreżalja;

D. billi l-elezzjoni li saret fl-Assemblea Nazzjonali, li bis-saħħa tagħha Luis Parra kiseb il-Presidenza tal-Assemblea għal-leġiżlatura 2020, flimkien mal-elezzjoni mill-ġdid ta' Juan Guaidó, li saret fil-bini tal-gazzetta El Nacional, għall-istess pożizzjoni, fissret li kien hemm żewġ Presidenti tal-Assemblea; billi tqajmu dubji serji rigward il-leġittimità taż-żewġ proċessi elettorali, peress li seħħew għadd ta' irregolaritajiet u każijiet ta' intimidazzjoni, biex ma nsemmux il-fatt li l-allegati numri ta' votanti ma jaqblux, u dan ikompli jaggrava sitwazzjoni diġà diżastruża;

E. billi ż-żewġ presidenti kienu jappartjenu għall-istess blokk politiku tal-partiti tal-oppożizzjoni, sakemm Luis Parra ġie sospiż mill-partit Primero Justicia f'Diċembru 2019 fuq allegazzjoni ta' korruzzjoni u Juan Guaidó ddeċieda li jitlaq mill-partit Voluntad Popular wara l-inċidenti tal-5 ta' Jannar 2020;

F. billi xeni kaotiċi ta' dikjarazzjonijiet, akkużi u skreditazzjonijiet ta' politiċi komplew matul il-jiem li segwew; billi hemm ħtieġa serja li jingħeleb il-kaos u li tinstab soluzzjoni negozjata għas-sitwazzjoni attwali, peress li hemm riskju ta' aktar instabbiltà istituzzjonali wara l-inċidenti marbuta mal-elezzjoni tal-President tal-Assemblea tal-Venezwela għal-leġiżlatura 2020, apparti r-riskju ta' aktar nuqqas ta' fiduċja madwar id-dinja fil-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-Venezwela;

G. billi kwalunkwe soluzzjoni għal dan il-kunflitt, li huwa profond u għandu ħafna aspetti differenti, trid tinstab fil-qafas tal-istat tad-dritt, tkun konformi mal-istandards internazzjonali u tirrispetta bis-sħiħ id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

H. billi d-destabbilizzazzjoni ulterjuri tal-istituzzjonijiet Venezwelani permezz ta' aktar awtodikjarazzjonijiet u atti simili ġġib magħha riskju serju li jkompli jintefa' l-ħatab fuq sitwazzjoni diġà inċendjarja – u saħansitra li tfaqqa' gwerra ċivili – u tista' tipproduċi effetti konsegwenzjali barra l-Venezwela, mhux l-inqas fid-dawl taż-żieda fl-għadd ta' migranti li jaħarbu lejn pajjiżi ġirien;

I. billi r-rwol tal-UE għandu jkun li tkompli toffri medjazzjoni bejn il-partijiet kollha involuti fil-kunflitt ġewwa l-pajjiż, rwol li tista' taqdi b'mod siewi, fid-dawl tar-rabta mill-qrib bejn diversi Stati Membri u l-Venezwela;

1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni u dwar id-destabbilizzazzjoni istituzzjonali ulterjuri kkawżata mill-imġiba tal-partijiet kollha involuti fil-proċess elettorali tal-2020 għall-President tal-Assemblea tal-Venezwela;

2. Jitlob kjarifika sħiħa tal-inċidenti u x-xerqien demokratiku tal-azzjonijiet tal-persuni u l-istituzzjonijiet kollha involuti;

3. Jitlob lill-partijiet kollha involuti jqiegħdu l-futur stabbli tal-pajjiż qabel il-kunsiderazzjonijiet tal-karriera personali tagħhom u jsolvu l-kunflitt marbut mat-tmexxija tal-Assemblea, li qasam kemm l-Assemblea kif ukoll l-oppożizzjoni;

4. Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jsir sforz qawwi favur l-istabbiltà istituzzjonali, bl-implimentazzjoni ta' proċeduri ċari, u jitlob lill-partijiet kollha involuti jevitaw kwalunkwe azzjoni li tista' żżid in-nuqqas ta' fiduċja fil-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-Venezwela, twassal biex il-popolazzjoni Venezwelana titlef l-interess fil-politika jew tikkaġuna l-vjolenza;

5. Jissottolinja l-fatt li kwalunkwe soluzzjoni definittiva għall-kriżi se tirrikjedi li d-demokrazija fil-Venezwela tinbena mill-ġdid fid-dimensjonijiet kollha tagħha; itenni li l-vjolenza mhijiex se twassal għall-paċi, iżda se tkompli tiddestabbilizza l-pajjiż;

6. Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet Venezwelani jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal assemblea paċifika; jistieden lill-partijiet kollha jirrinunzjaw għall-użu ta' forza eċċessiva, sproporzjonata u indiskriminata, li huwa pprojbit b'mod ċar u inekwivokabbli mid-dritt internazzjonali;

7. Jisħaq fuq l-importanza tal-awtodeterminazzjoni tal-poplu Venezwelan u l-importanza ta' espressjoni ġenwina tar-rieda demokratika tiegħu; jistieden lill-mexxejja politiċi jastjenu minn kwalunkwe azzjoni jew sejħa li tista' tagħti lok għal aktar taqlib u instabbiltà politika;

8. Jaqbel mal-fehma espressa mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet, fl-intervent tagħha fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-5 ta' Lulju 2019, li "l-unika soluzzjoni għal din il-kriżi hija li l-partijiet involuti jingħaqdu flimkien, fi djalogu";

9. Isemma' l-allarm dwar ir-riskju li l-vjolenza u t-taqlib fil-Venezwela jinxterdu fil-pajjiżi ġirien, u r-riskju li fl-aħħar mill-aħħar dan iwassal għal gwerra fir-reġjun; iħeġġeġ lill-partijiet kollha, inklużi dawk mill-komunità internazzjonali, jeskludu b'mod espliċitu kwalunkwe soluzzjoni militari u mhux paċifika għall-kriżi, inkluża l-gwerra b'intensità baxxa;

10. Jinsisti li standards doppji fir-rigward ta' pajjiżi terzi għandhom jiġu evitati u li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu konsistenti fil-pożizzjonijiet tagħhom fil-konfront ta' pajjiżi terzi; ifakkar fl-importanza ta' rispons magħqud min-naħa tal-UE bħala l-bażi għal pożizzjoni tal-UE b'saħħitha u aktar kredibbli;

11. Jissottolinja l-fatt li l-UE tinsab lesta li toffri medjazzjoni u appoġġ favur il-mixja lejn l-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż, kif ukoll il-fatt li teskludi kwalunkwe użu ta' vjolenza u intervent militari internazzjonali;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Venezwela u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana.

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Jannar 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza