MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri
22.1.2020 - (2019/2870(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Jadwiga Wiśniewska, Elżbieta Rafalska
f'isem il-Grupp ECR
B9‑0069/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 151, 153 u 157 u l-Protokoll 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 tan-NU u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari l-Għanijiet 1, 5, 8 u 10 u l-miri u l-indikaturi rispettivi tagħhom,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2019 tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2019 dwar Innaqqsu d-Differenza bejn il-Pagi tal-Irġiel u n-Nisa: Politiki u Miżuri Ewlenin,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Novembru 2019 dwar Ekonomiji li Jiffavorixxu l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-UE: It-Triq 'il Quddiem,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ġlieda kontra d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri tibqa' prijorità għall-Istati Membri kollha;
B. billi l-Istati Membri huma dawk primarjament responsabbli mill-iżgurar tal-progress soċjali u mit-tkabbir ekonomiku permezz ta', pereżempju, riformi strutturali nazzjonali u politiki fiskali b'saħħithom; billi l-inizjattivi tal-UE ma jistgħux u m'għandhomx ifittxu li jissostitwixxu responsabbiltajiet nazzjonali f'dan ir-rigward;
C. billi l-politiki tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jimbottaw it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv 'il quddiem u huma prekondizzjoni għall-promozzjoni tal-prosperità, il-kompetittività u l-impjiegi, kif ukoll għall-inklużività u l-koeżjoni soċjali;
D. billi madwar l-UE, id-dħul tan-nisa huwa sproporzjonatament aktar baxx minn dak tal-irġiel; billi skont il-Eurostat, il-ħlas gross medju fis-siegħa għan-nisa huwa anqas minn dak tal-irġiel u d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri fl-UE għadha ta' madwar 16 % u qed tiċkien biss bil-mod ħafna, jew saħansitra qed tikber f'xi Stati Membri; billi, barra minn hekk, l-indikatur tad-differenza fil-qligħ globali bejn il-ġeneri juri differenza ta' madwar 40 % fit-28 pajjiż tal-UE;
E. billi d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri hija definita bħala d-differenza bejn id-dħul gross medju fis-siegħa tal-irġiel u tan-nisa, espress bħala perċentwal tad-dħul gross medju fis-siegħa tal-irġiel; billi d-differenza bejn il-ġeneri fid-dħul gross fix-xahar fost l-impjegati bejn il-15 u l-24 sena (7 %) kienet aktar minn ħames darbiet aktar baxxa milli fost l-impjegati ta' 65 sena jew aktar (differenza bejn il-ġeneri ta' 38 %); billi l-faqar huwa kkonċentrat l-aktar fil-familji fejn in-nisa jkunu l-unika persuna b'paga, u 35 % tal-ommijiet waħedhom fl-UE kienu f'riskju ta' faqar fl-2017, meta mqabbla ma' 28 % tal-missirijiet waħedhom[2];
F. billi aktar minn nofs in-nisa fl-età tax-xogħol u li għandhom diżabilità mhumiex ekonomikament attivi; billi fl-Istati Membri kollha r-rata ta' privazzjoni materjali estrema tan-nisa b'diżabilità hija ogħla minn dik tan-nisa mingħajr diżabilità;
G. billi d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri hija riżultat ta' firxa sħiħa ta' żbilanċi bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol, inklużi s-segregazzjoni tas-sessi fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-impjieg, is-segregazzjoni okkupazzjonali, l-iżbilanċ bejn il-ġeneri f'pożizzjonijiet maniġerjali u ta' teħid ta' deċiżjonijiet u l-involviment aktar frekwenti tan-nisa fix-xogħol part-time;
H. billi 30,8 % tan-nisa impjegati ta' bejn l-20 u l-64 sena fl-UE ħadmu fuq bażi part-time fl-2018, meta mqabbla ma' 8 % għall-irġiel;
I. billi x-xogħol part-time biex dak li jkun jieħu ħsieb tfal jew adulti inabilitati kien irrapportat aktar spiss min-nisa (29 %) milli mill-irġiel (6 %); billi l-fatt li wieħed jieħu ħsieb it-tfal, l-anzjani, il-morda jew il-membri tal-familja b'diżabilità u l-adulti inabilitati jirrikjedi impenn, rari jitħallas u mhuwiex apprezzat b'mod adegwat mis-soċjetà, minkejja li huwa ta' importanza soċjali enormi, u jikkontribwixxi għall-benesseri soċjali u jista' jitkejjel minn indikaturi ekonomiċi bħall-PDG;
J. billi, għalkemm in-nisa jirrappreżentaw kważi 60 % tal-gradwati fl-UE, huma jibqgħu sottorappreżentati b'mod sproporzjonat fl-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM) u fil-karrieri diġitali; billi, konsegwentement, l-inugwaljanza fl-impjiegi qed tieħu forom ġodda u, minkejja l-investiment fl-edukazzjoni, in-nisa żgħażagħ xorta huma darbtejn iktar probabbli li jkunu ekonomikament inattivi mill-irġiel żgħażagħ;
K. billi l-UE għandha mezzi biex tgħin lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki ħalli jassistu lil dawk l-Istati Membri fil-bżonn, b'mod partikolari fil-qasam tal-ugwaljanza u d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri;
1. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri billi jinfurzaw il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali fil-livell nazzjonali, inklużi miżuri li jtejbu t-trasparenza fil-pagi;
2. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw politiki li jippromwovu l-impjieg tan-nisa u l-indipendenza finanzjarja tagħhom, u b'mod partikolari politiki li jippromwovu l-integrazzjoni tan-nisa minn gruppi marġinalizzati fis-suq tax-xogħol;
3. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri effettivi biex jippromwovu l-ugwaljanza fl-edukazzjoni u l-impjiegi sabiex jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol billi jinvestu fl-edukazzjoni formali, informali u mhux formali, it-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ vokazzjonali għan-nisa biex jiżguraw li jkollhom aċċess għal impjiegi u opportunitajiet ta' kwalità għolja b'tali mod li jiksbu ħiliet mill-ġdid u jtejbu l-ħiliet tagħhom għad-domanda futura fis-suq tax-xogħol; jitlob, b'mod partikolari, li jkun hemm promozzjoni akbar tal-intraprenditorija, is-suġġetti STEM, l-edukazzjoni diġitali u l-litteriżmu finanzjarju għall-bniet minn età bikrija sabiex jiġu miġġielda l-istereotipi edukattivi eżistenti u jiġi żgurat li aktar nisa jidħlu f'setturi li qed jiżviluppaw u li fihom l-impjegati huma mħallsa tajjeb;
4. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri u jimplimentaw miżuri eżistenti tal-UE b'mod effettiv sabiex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja billi, pereżempju, itejbu l-għoti ta' servizzi ta' kura aċċessibbli, ta' kwalità u għall-but ta' kulħadd;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu approċċ integrat fl-isforzi kollha biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri u biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż billi jitrawmu sinerġiji bejn l-istrateġiji dwar l-impjiegi u politiki ekonomiċi u soċjali oħra, bħaż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, it-taxxa, il-benefiċċji tal-familja, il-protezzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa, f'konformità mal-kompetenzi tagħhom;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu d-djalogu mal-partijiet interessati rilevanti, kif ukoll mas-sħab soċjali, in-negozji, il-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu f'dan il-qasam;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.