Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0070/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0070/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli

22.1.2020 - (2019/2983(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Andreas Schwab, Róża Thun und Hohenstein, Antonius Manders, Ivan Štefanec, Edina Tóth, Pablo Arias Echeverría, Tomislav Sokol, Maria da Graça Carvalho
f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0070/2020

Proċedura : 2019/2983(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0070/2020
Testi mressqa :
B9-0070/2020
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0070/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli

(2019/2983(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE,

 wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil rigward l-armonizzazzjoni tal-kapaċità tal-iċċarġjar għat-telefons mobbli tal-5 ta' Ġunju 2009,

 wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil dwar is-soluzzjoni futura ta' ċċarġjar komuni għat-telefons mobbli tal-20 ta' Marzu 2018,

 wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim tad-Direttiva 2014/53/UE dwar it-Tagħmir tar-Radju tal-11 ta' Novembru 2018,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-suq uniku kien, u għadu, il-bażi għas-suċċess ekonomiku tal-Ewropa, kif ukoll il-pedament tal-integrazzjoni Ewropea u mutur għat-tkabbir u l-impjiegi;

B. billi l-potenzjal tas-suq uniku mhux qed jiġi għal kollox sfruttat;

C. billi l-Membri tal-Parlament Ewropew ilhom għaddejjin b'kampanja għal aktar minn għaxar snin favur ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli, inklużi t-telefons mobbli, it-tablets, l-apparati għall-qari ta' kotba elettroniċi, il-kameras intelliġenti, it-tagħmir elettroniku li jintlibes u apparati elettroniċi oħrajn ta' daqs medju jew żgħir;

D. billi, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni, il-ftehimiet volontarji bejn l-atturi tal-industrija ma ħallewx riżultati sodisfaċenti, u billi l-konsumaturi għadhom obbligati jixtru ċarġers ġodda ma' kull apparat ġdid;

E. billi kull sena jiġu ġġenerati madwar 50 miljun tunnellata metrika ta' skart elettroniku fid-dinja, b'medja ta' aktar minn 6 kg għal kull persuna; billi l-produzzjoni totali ta' skart elettroniku fl-Ewropa fl-2016 kienet tammonta għal 12,3 miljun tunnellata metrika, li tammonta għal 16,6 kg għal kull persuna[1];

F. billi x-xejriet tal-konsumaturi f'dawn l-aħħar għaxar snin juru li l-każijiet fejn persuna jkollha aktar minn apparat wieħed żdiedu, kif ukoll li ċ-ċikli tal-ħajja ta' xi tagħmir tar-radju, bħal smartphones, saru saħansitra iqsar; billi ħafna drabi t-tagħmir iktar qadim jiġi sostitwit mhux meta jinkiser jew ikun għadda żmienu, iżda sempliċement għax jitqies skadut;

G. billi meta l-konsumaturi jkunu qegħdin jivvjaġġaw, huma effettivament sfurzati jġorru magħhom ċarġers differenti għal apparati simili, u li dan għalhekk jirrestrinġi l-libertà ta' moviment u l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà taċ-ċittadini tal-UE; billi din il-prattika tiġġenera impatt ambjentali mhux meħtieġ;

H. billi n-nies illum jiddependu fuq l-apparati mobbli tagħhom fil-każ ta' emerġenza, anke minħabba n-nuqqas ta' telefons pubbliċi; billi n-nies għandhom bżonn ta' telefon mobbli ċċarġjat, pereżempju biex jagħmlu pagamenti, ifittxu l-informazzjoni jew bħala apparat tan-navigazzjoni eċċ.;

1. Jenfasizza bil-qawwa li hemm bżonn urġenti għal azzjoni tal-UE biex tnaqqas l-ammont ta' skart elettroniku, tagħti s-setgħa lill-konsumaturi ħalli jagħmlu għażliet sostenibbli, u tippermettihom jipparteċipaw bis-sħiħ f'suq intern effiċjenti u li jiffunzjona kif suppost;

2. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm standard għal ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli, li għandu jiġi adottat b'urġenza sabiex tiġi evitata kull frammentazzjoni ulterjuri tas-suq intern;

3. Jitlob, għaldaqstant, li l-Kummissjoni tadotta, sa mhux aktar tard minn Lulju 2020, l-att delegat li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE dwar it-tagħmir tar-radju jew miżura leġiżlattiva oħra li jiżgura li ċarġer komuni jiddaħħal mingħajr dewmien ulterjuri;

4. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mingħajr dewmien ulterjuri, ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt rigward l-introduzzjoni ta' ċarġers komuni għat-telefons mobbli u apparati kompatibbli oħrajn;

5. Jindika li l-użu tat-teknoloġija tal-iċċarġjar bla fili joffri benefiċċji potenzjali addizzjonali; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura bl-aħjar mod l-interoperabbiltà ta' ċarġers bla fili differenti ma' tagħmir tar-radju mobbli differenti;

6. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra inizjattivi leġiżlattivi biex iżżid il-volum ta' fili u ċarġers li jinġabru u jiġu riċiklati fl-Istati Membri;

7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsumaturi ma jibqgħux ikunu obbligati jixtru ċarġers ġodda ma' kull apparat ġdid, biex b'hekk jitnaqqas l-ammont ta' fili u ċarġers prodotti kull sena;

8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza