Proċedura : 2019/2983(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0072/2020

Testi mressqa :

B9-0072/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2020)0024

<Date>{22/01/2020}22.1.2020</Date>
<NoDocSe>B9‑0072/2020</NoDocSe>
PDF 145kWORD 46k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli</Titre>

<DocRef>(2019/2983(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Christel Schaldemose, Alex Agius Saliba</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0070/2020

B9‑0072/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli

(2019/2983(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/53/UE (id-Direttiva Tagħmir tar-Radju) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-suq uniku kien, u għadu, il-bażi għas-suċċess ekonomiku tal-Ewropa, il-pedament tal-integrazzjoni Ewropea u mutur għat-tkabbir u l-impjiegi;

B. billi s-suq uniku mhux qed jisfrutta għal kollox il-potenzjal tiegħu, u l-kontinwazzjoni tal-frammentazzjoni tas-suq għaċ-ċarġers tat-telefon mobbli u ċ-ċarġers ta' apparati elettroniċi ta' daqs żgħir u medju oħrajn tissarraf f'effetti detrimentali sinifikanti fuq is-suq, inkluż żieda fl-iskart elettroniku u l-użu tal-plastik, il-frustrazzjoni tal-konsumaturi u l-ostakli għall-kompetizzjoni fil-manifattura taċ-ċarġers;

C. billi l-Membri tal-Parlament Ewropew ilhom għal aktar minn 10 snin jeżiġu ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli, inklużi telefons mobbli u apparati elettroniċi oħrajn bħat-tablets, l-apparati għall-qari ta' kotba elettroniċi, kameras intelliġenti u apparat elettroniku li jintlibes;

D. billi, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni, il-ftehimiet volontarji bejn l-atturi tal-industrija ma ħallewx riżultati sodisfaċenti u wrew li kienu ineffettivi fit-trawwim ta' bidla fis-suq u ta' suq uniku kompetittiv, peress li l-konsumaturi għadhom obbligati jixtru ċarġers ġodda ma' kull apparat ġdid;

E. billi kull sena huwa ġġenerat madwar 50 miljun tunnellata metrika ta' skart elettroniku fid-dinja, b'medja ta' aktar minn 6 kg għal kull persuna, b'effett negattiv fuq ir-rimi ta' skart elettroniku f'pajjiżi terzi; billi l-Ewropa kienet it-tieni l-akbar ġeneratur tal-iskart elettroniku fl-2016, b'total ta' 12,3 miljun tunnellata metrika li jikkorrispondu għal medja ta' 16,6 kg għal kull abitant;

F. billi l-piż kombinat taċ-ċarġers kollha għat-telefons mobbli u apparati elettroniċi oħrajn prodotti kull sena huwa stmat għal 1 miljun tunnellata; billi, fil-qafas tal-impenn tal-Kummissjoni biex twassal għall-Patt Ekoloġiku, dan jenfasizza l-importanza li tinstab soluzzjoni sostenibbli biex jitnaqqas l-għadd ta' dawn l-apparati tal-provvista tal-enerġija għal ċarġer universali wieħed kompatibbli ma' apparati differenti;

G. billi x-xejriet tal-konsumaturi f'dawn l-aħħar 10 snin juru li l-ammont ta' tagħmir elettroniku li għadda żmienu qed jiżdied aktar minħabba ċ-ċikli ta' sostituzzjoni u ċ-ċikli tal-ħajja relattivament qosra ta' xi tagħmir elettroniku bħal smartphones li ħafna drabi jiġu sostitwiti mhux minħabba li dawn ikunu miksura jew ikun għadda żmienhom iżda minħabba li jitqiesu skaduti;

H. billi l-konsumaturi stess jużaw u ħafna drabi jġorru magħhom ħafna ċarġers differenti għal apparati simili li jaħdmu bil-batteriji; billi l-provvista żejda preżenti ta' ċarġers – kemm għall-istess marka kif ukoll bejn marki differenti – b'hekk tiġġenera spejjeż eċċessivi u inkonvenjenza għall-konsumaturi u impronta ambjentali bla bżonn;

I. billi l-konsumaturi ma għandhom l-ebda inċentiv finanzjarju biex jixtru prodotti mingħajr ċarġers, peress li x-xiri ta' ċarġer individwali jiswa, bħala medja, aktar milli meta dawn jiġu kkonsenjati mal-prodott; billi dan iwassal lill-konsumaturi għal drawwiet u xejriet mhux sostenibbli tal-konsumatur, li jirriżultaw fi spejjeż u piżijiet mhux meħtieġa fuq l-ambjent minħabba l-estrazzjoni ta' materja prima għall-kostruzzjoni ta' ċarġers u t-trasport, it-trasport bil-baħar u r-rimi sussegwenti tagħhom;

J. billi llum it-tagħmir mobbli huwa għodda importanti f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u ta' forza maġġuri, u n-nies draw jiddependu, b'mod faċli u fil-pront, fuq telefons mobbli sabiex jiksbu aċċess rapidu għal servizzi ta' tiftix ta' informazzjoni, ta' navigazzjoni jew ta' emerġenza, eċċ.;

K. billi t-tagħmir mobbli huwa għodda essenzjali għall-parteċipazzjoni fis-suq u għall-inklużjoni soċjali, peress li l-użu tiegħu fit-tranżazzjonijiet u l-komunikazzjoni ta' kuljum żdied b'mod sinifikanti;

1. Jenfasizza b'mod qawwi li hemm bżonn urġenti ta' azzjoni regolatorja tal-UE sabiex l-ammont ta' skart elettroniku u n-numru ta' ċarġers jitnaqqsu għal ċarġer universali, kif ukoll biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa li jagħmlu għażliet aktar sostenibbli u jkunu jistgħu jipparteċipaw għalkollox f'suq intern effiċjenti u li jiffunzjona kif suppost;

2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika u tippreżenta, mingħajr aktar dewmien, ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt rigward l-introduzzjoni ta' ċarġers komuni għat-telefons mobbli u għal apparati kompatibbli oħrajn, bil-ħsieb li jiġu proposti dispożizzjonijiet obbligatorji;

3. Għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tadotta, sa mhux aktar tard minn Lulju 2020, l-att delegat li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE dwar it-tagħmir tar-radju biex tiżgura li jiddaħħal mingħajr dewmien ulterjuri ċarġer komuni tat-telefons mobbli; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tadotta miżura leġiżlattiva oħra fir-rigward ta' soluzzjonijiet tal-iċċarġjar għal apparati elettroniċi oħrajn mill-aktar fis possibbli sabiex jinħoloq suq sostenibbli għall-apparati mobbli;

4. Jenfasizza l-bżonn li l-Kummissjoni titlob għall-iżvilupp ta' standard Ewropew uniku għal ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli u apparati oħrajn, li għandu jiġi adottat b'urġenza sabiex tiġi evitata kull frammentazzjoni ulterjuri tas-suq intern;

5. Jindika li l-użu tat-teknoloġija tal-iċċarġjar bla fili joffri benefiċċji potenzjali addizzjonali; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tevita kwalunkwe frammentazzjoni tas-suq f'dan il-qasam ukoll, u biex tieħu miżuri ħalli tiżgura bl-aħjar mod l-interoperabbiltà u l-veloċità ta' ċċarġjar ta' ċargers bla fili differenti ma' tagħmir tar-radju mobbli differenti;

6. Jistieden lill-Kummissjoni tnaqqas l-ostakoli u l-ispejjeż għall-konsumaturi u tiffaċilita, għall-persuni b'diżabbiltà, soluzzjonijiet ta' ċċarġjar li jkunu faċli għall-utenti;

7. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tadotta inizjattivi leġiżlattivi biex tnaqqas il-volum ta' fili u ċarġers li jinġabru u jiġu riċiklati fl-Istati Membri, biex tħeġġeġ l-użu mill-ġdid ta' materjali li għadda żmienhom, u biex twassal għal benefiċċji fil-kuntest tas-sikurezza, tal-ekonomija u tal-ambjent fl-interessi tal-konsumaturi u tal-ambjent;

8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsumaturi ma jibqgħux obbligati li jixtru ċarġer ġdid ma' kull apparat ġdid, u b'hekk titnaqqas l-ispiża tax-xiri, u jiġu infurmati dwar l-interoperabbiltà, il-prestazzjoni u l-veloċità tal-iċċarġjar tal-apparati tal-iċċarġjar sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-aktar għażla konvenjenti, kosteffiċjenti u sostenibbli għalihom infushom;

9. Jenfasizza li kwalunkwe miżura mmirata lejn id-diżakkoppjament tal-bejgħ ta' apparat mobbli u ċarġers għandha tkun akkumpanjata minn miżuri regolatorji li jintroduċu ċarġer universali għal tagħmir tar-radju mobbli sabiex jiġu evitati aktar inkonvenjenzi u prezzijiet potenzjalment ogħla għall-konsumaturi;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

[1] ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza