Proċedura : 2020/2519(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0078/2020

Testi mressqa :

B9-0078/2020

Dibattiti :

CRE 29/01/2020 - 23

Votazzjonijiet :

Testi adottati :


<Date>{22/01/2020}22.1.2020</Date>
<NoDocSe>B9‑0078/2020</NoDocSe>
PDF 145kWORD 46k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-Att tal-2019 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal-Indja</Titre>

<DocRef>(2020/2519(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Michael Gahler, Sandra Kalniete</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0077/2020

B9‑0078/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Att tal-2019 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal-Indja

(2020/2519(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Indja,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali,

 wara li kkunsidra l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jappartjenu għal Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi tat-18 ta' Diċembru 1992,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Indjana,

 wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Indja varata fl-2004,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2018 dwar strateġija tal-UE dwar l-Indja,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fid-9 u l-11 ta' Diċembru 2019, iż-żewġ Kmamar tal-Parlament tal-Indja għaddew l-Att tal-2019 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal-Indja (CAA), tal-1955;

B. billi c-CAA iħaffef il-proċess ta' naturalizzazzjoni (tnaqqis minn 11-il sena għal 5 snin) għall-kisba taċ-ċittadinanza Indjana għal migranti u refuġjati mingħajr dokumenti li jappartjenu għall-minoranzi reliġjużi Hindu, Sikh, Buddisti, Jain, Parsi u Nsara, li ħarbu l-persekuzzjoni fil-pajjiżi ġirien bħall-Afganistan, il-Bangladesh u l-Pakistan, u li daħlu l-Indja sal-31 ta' Diċembru 2014; billi kull migrant barrani huwa eliġibbli japplika għaċ-ċittadinanza Indjana wara perjodu ta' residenza totali ta' 12-il sena;

C. billi l-Gvern tal-Indja spjega li r-raġunament wara l-leġiżlazzjoni emendata huwa li tinħoloq ċertezza ġuridika - forma ta' diskriminazzjoni pożittiva - fl-Indja għar-rappreżentanti tal-minoranzi reliġjużi ppersegwitati li jiġu mit-tliet pajjiżi ġirien imsemmija aktar kmieni, fejn l-Iżlam huwa r-reliġjon tal-Istat;

D. billi s-CAA qajjem kontroversja u kien soġġett għal kritika minħabba l-fatt li huwa selettiv u jeskludi lill-Musulmani mid-dispożizzjonijiet applikabbli għal gruppi reliġjużi oħrajn; billi fi stqarrija maħruġa fit-13 ta' Diċembru 2019, il-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjara li s-CAA kien "fundamentalment diskriminatorju min-natura tiegħu stess" u jidher li jimmina l-impenn tal-Indja favur l-ugwaljanza quddiem il-liġi kif minqux fil-kostituzzjoni tagħha u derivat mill-obbligi internazzjonali tagħha;

E. billi Amnesty International India indikat li s-CAA teskludi minoranzi ppersegwitati oħrajn, inklużi popolazzjonijiet Musulmani bħar-Rohingya fil-Burma, l-Ahmadis u l-Hazaras fil-Pakistan u l-Musulmani Bihari fil-Bangladesh;

F. billi l-adozzjoni tas-CAA pprovokat protesti fir-reġjuni madwar l-Indja, partikolarment fil-campuses universitarji; billi ġie rrapportat il-qtil ta' 24 persuna u l-korriment u l-arrest ta' ħafna oħrajn, wara l-konflitti mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; billi saru ħafna rapporti ta' brutalità fuq skala kbira mill-pulizija;

G. billi skont il-kritiċi s-CAA jimmina n-natura sekulari tal-Istat u jikser il-kostituzzjoni, b'mod partikolari l-Artikolu 14, li jiggarantixxi d-dritt ta' ugwaljanza quddiem il-liġi, u l-Artikolu 15, li jipproteġi kull persuna minn diskriminazzjoni abbażi ta' reliġjon, razza, kasta, sess jew post tat-twelid;

H. billi l-Qorti Suprema tal-Indja bdiet teżamina l-petizzjonijiet dwar is-CAA bil-għan li tivvaluta l-kostituzzjonalità tiegħu u tat lill-gvern 40 jum biex jirrispondi għal dawn il-petizzjonijiet;

I. billi l-Isħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indja hija bbażata fuq il-valuri kondiviżi tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-impenn favur ordni globali bbażat fuq ir-regoli, il-multilateraliżmu effettiv, u l-iżvilupp sostenibbli u billi għandhom interess komuni biex ikomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni bilaterali ta' bejniethom, li kompliet titjieb f'kull aspett tagħha sa mis-summits UE-Indja tal-2016 u l-2017;

1. Jesprimi tħassib dwar is-CAA u l-firxa estensiva ta' konsegwenzi negattivi li jista' jkollu għall-immaġni internazzjonali tal-Indja u għall-istabbiltà interna tagħha;

2. Jirrispetta l-isforzi tal-Gvern tal-Indja li jassisti u jirregolarizza s-sitwazzjoni ġuridika tal-minoranzi reliġjużi ppersegwitati mill-pajjiżi ġirien b'dominanza Musulmana, li jgħixu fl-Indja; iqis, madankollu, li l-ħolqien ta' ġabra ta' regoli waħda għall-minoranzi ppersegwitati indikati, u oħra, b'regoli anqas favorevoli għall-minoranzi oħrajn, hija kontroproduċenti u tista' tiġi kkunsdirata diskriminatorja; ifakkar li politika nazzjonali effettiva dwar l-asil u r-refuġjati għandha tkun ġusta u olistika fiha nnifisha u għandha tapplika għal dawk kollha li jinsabu fil-bżonn;

3. Jitlob lill-Gvern tal-Indja jivvaluta s-CAA u l-konsegwenzi tiegħu fl-ispirtu tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni u fid-dawl tal-obbligi internazzjonali tagħha;

4. Jikkundanna l-vjolenza u l-brutalità li faqqgħu f'reġjuni differenti tal-Indja wara l-adozzjoni tas-CAA; ifakkar fir-responsabbiltà speċjali tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi biex juru trażżin u jippermettu l-protesta paċifika;

5. Jinnota li s-CAA qed jiġi eżaminat mill-Qorti Suprema tal-Indja u li l-Gvern tal-Indja ngħata 40 jum biex jirrispondi għall-petizzjonijiet; jinsab fiduċjuż li tkun xi tkun id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema, din se twassal għal aktar ċarezza dwar is-CAA u l-kompatibbiltà tiegħu mal-Kostituzzjoni tal-Indja u mal-obbligi internazzjonali tagħha;

6. Jistieden lill-VP/RGħ ikompli d-djalogu kostruttiv mal-Indja dwar l-aspetti kollha ta' kooperazzjoni, inklużi d-drittijiet politiċi u tal-bniedem;

7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tal-Indja, lill-Gvern tal-Indja, lill-Prim Ministru tal-Indja u lill-Parlament Indjan.

 

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza