Proċedura : 2020/2519(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0080/2020

Testi mressqa :

B9-0080/2020

Dibattiti :

CRE 29/01/2020 - 23

Votazzjonijiet :

Testi adottati :


<Date>{22/01/2020}22.1.2020</Date>
<NoDocSe>B9‑0080/2020</NoDocSe>
PDF 154kWORD 48k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-Att tal-2019 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal-Indja</Titre>

<DocRef>(2020/2519(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Scott Ainslie, Hannah Neumann, Ernest Urtasun, Marcel Kolaja, Henrike Hahn, Anna Cavazzini, Klaus Buchner, Alice Kuhnke, Katrin Langensiepen, Reinhard Bütikofer</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0077/2020

B9‑0080/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Att tal-2019 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal-Indja

(2020/2519(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Indja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-esperti tan-NU tat-3 ta' Lulju 2019 dwar ir-riskju ta' apolidija għal miljuni ta' persuni u l-instabbiltà f'Assam, l-Indja,

 wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Indja, varata fl-2004,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, it-Tortura u l-Libertà ta' Espressjoni,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tal-Persuni Apolidi,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Att tal-2019 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal-Indja (CAA) għandu l-għan li jħaffef iċ-ċittadinanza għall-Ħindu, is-Sikhs, il-Buddisti, il-Jacins, il-Parsis u l-Insara li qed jaħarbu l-persekuzzjoni fl-Afganistan, il-Bangladesh u l-Pakistan u li ilhom residenti fil-pajjiż minn qabel l-2014, iżda ma jestendix l-istess protezzjoni għall-Musulmani; billi s-CAA għalhekk se jkollhu effett diskriminatorju fuq l-aċċess għaċ-ċittadinanza minn ċerti gruppi reliġjużi, partikolarment il-Musulmani;

B. billi s-CAA ma jagħmilx referenza għall-pajjiżi l-oħra li jmissu mal-Indja, partikolarment il-Bhutan, il-Myanmar, in-Nepal u s-Sri Lanka, u b'hekk jeskludi minoranzi bħalma huma t-Tamils tas-Sri Lanka, li bħalissa huma l-akbar grupp ta' refuġjati fl-Indja, u r-Rohingya mill-Myanmar, li, skont in-NU, huma l-aktar minoranza ppersegwitata fid-dinja;

C. billi l-liġi l-ġdida se tiġi riveduta mill-Qorti Suprema tal-Indja; billi l-Gvern ta' Kerala, fil-petizzjoni tiegħu quddiem il-Qorti Suprema, iddefinixxa s-CAA bħala "ksur tan-natura sekulari tal-kostituzzjoni Indjana" u akkuża lill-gvern li qed jaqsam in-nazzjon skont l-appartenenza reliġjuża;

D. billi l-adozzjoni tas-CAA tat bidu għal protesti massivi kontra l-implimentazzjoni tagħha, protesti li għalihom il-pulizija Indjana rreaġixxiet b'użu eċċessiv ta' forza, u dan irriżulta f'27 mejta u eluf ta' arresti; billi l-awtoritajiet imponew ukoll curfews u limiti fuq it-trasport pubbliku biex jimpedixxu l-protesti paċifiċi;

E. billi l-awtoritajiet Indjani implimentaw għeluq kważi totali tal-komunikazzjonijiet bl-internet f'diversi stati Indjani, u waqqfu kważi kull mezz ta' komunikazzjoni online għal persuni fl-Indja u ċaħdu kwalunkwe fluss ta' informazzjoni relatata mal-protesti; billi l-awtoritajiet Indjani llimitaw ukoll l-aċċess għall-internet f'ħafna żoni tal-Grigal u ta' Uttar Pradesh, fejn jgħixu proporzjon kbir ta' Musulmani Indjani; billi l-għeluq tal-komunikazzjoni bl-internet jikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali għall-aċċess għall-informazzjoni;

F. billi, fl-20 ta' Diċembru 2019, il-Ministeru tal-Informazzjoni u x-Xandir Indjan ħareġ dikjarazzjoni ta' twissija lix-xandara televiżivi tal-aħbarijiet biex "jastjenu milli juru kwalunkwe kontenut li jippromwovi attitudnijiet antinazzjonali";

G. billi sa mill-wasla tiegħu fil-poter, il-Partit Bharatiya Janata segwa aġenda ta' nazzjonaliżmu Ħindu qawwi b'konsegwenzi devastanti għall-minoranza Musulmana tal-Indja; billi matul dawn l-aħħar snin, messaġġi li jpinġu ċittadini Indjani Musulmani jew bħala terroristi jew bħala komunità li għandha l-għan li testermina l-Ħindu immultiplikaw fl-Indja; billi l-Gvern Indjan baqa' sieket fir-rigward ta' ħafna mir-reati ta' mibegħda mwettqa kontra l-Musulmani; billi skont il-Pew Research Center, il-Musulmani huma t-tieni grupp reliġjuż l-aktar ippersegwitat fid-dinja;

H. billi s-CAA ġie approvat fil-qafas tal-politika tal-Gvern Indjan intiża biex timplimenta proċess ta' verifika taċ-ċittadinanza fuq livell nazzjonali, ir-Reġistru Nazzjonali taċ-Ċittadini (NRC); billi d-dikjarazzjonijiet tal-gvern jindikaw li l-proċess tal-NRC għandu l-għan li jċaħħad lill-Musulmani d-drittijiet taċ-ċittadinanza tagħhom filwaqt li jipproteġi lil dawk tal-Ħindu u ta' dawk li mhumiex Musulmani; billi l-NRC telenka biss bħala ċittadini dawk in-nies li jistgħu jagħtu prova li huma jew l-antenati tagħhom daħlu fl-Indja qabel l-24 ta' Marzu 1971; billi konsegwentement kważi żewġ miljun persuna saru apolidi f'Assam u issa jistgħu jintbagħtu f'kampijiet ta' detenzjoni jew jiġu deportati; billi dawn il-proċessi jistgħu jaggravaw il-klima tal-ksenofobija, filwaqt li jalimentaw l-intolleranza reliġjuża u d-diskriminazzjoni fil-pajjiż;

I. billi s-CAA, flimkien mal-proċess ta' verifika taċ-ċittadinanza fuq livell nazzjonali, se jġiegħel lill-200 miljun Musulman tal-Indja jagħtu prova ta' ċittadinanza Indjana inkella jsiru apolidi;

J. billi l-Gvern Indjan allegatament iddeporta lir-rifuġjati Musulmani Rohingya lejn il-Myanmar, bi ksur tal-prinċipju ta' non-refoulement; billi l-membri tal-Gvern Indjan fl-ogħla livelli allegaw li r-Rohingya huma marbuta ma' attivitajiet illeċiti u illegali, u b'hekk komplew jistigmatizzaw il-komunità;

K. billi taħt il-gvern attwali, kien hemm żieda fit-trażżin fuq id-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, inkluż il-priġunerija ta' kritiċi paċifiċi fuq akkużi ta' sedizzjoni, malafama jew terroriżmu; billi l-awtoritajiet Indjani wettqu diversi rejds fl-2018 u fl-2019 fid-djar ta' attivisti u akkademiċi li kkritikaw b'mod miftuħ il-gvern u sostnew id-drittijiet tal-bniedem;

1. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-adozzjoni tal-Att diskriminatorju tal-2019 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal-Indja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indjani biex jemendaw minnufih id-dispożizzjonijiet li jinsabu fih, f'konformità mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Indjani jiżguraw li kwalunkwe pjan għall-verifika taċ-ċittadinanza jissodisfa l-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jinsab imħasseb ħafna li s-CAA attwali, flimkien ma' aġġornament tal-NRC, jista' jikkawża waħda mill-akbar kriżijiet ta' apolidija fid-dinja; iwissi kontra n-nazzjonaliżmu dejjem akbar li l-gvern tan-Narendra Modi rawwem u li rriżulta, fost l-oħrajn, fl-alimentazzjoni tal-intolleranza reliġjuża u l-istigmatizzazzjoni tal-Musulmani;

2. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi t-trażżin fuq id-dimostranti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indjani jirrispettaw id-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika u jeżerċitaw il-kontroll massimu fil-ġestjoni tal-protesti, f'konformità man-normi u l-istandards internazzjonali rilevanti; jinsisti li l-awtoritajiet Indjani jeħtiġilhom jirrispettaw bis-sħiħ il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li għalih hija parti l-Indja;

3. Jistieden lill-awtoritajiet Indjani biex jilliberaw, immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, lid-dimostranti u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li bħalissa qed jinżammu taħt arrest; iħeġġiġhom, barra min hekk, jiżguraw li ssir investigazzjoni fil-pront, imparzjali u indipendenti dwar il-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-bidu tal-protesti, inklużi l-allegazzjonijiet ta' trattament ħażin waqt id-detenzjoni u l-użu eċċessiv ta' forza, u li dawk responsabbli jħallsu ta' għemilhom;

4. Jenfasizza l-fatt li s-CAA jdgħajjef l-impenn favur l-ugwaljanza quddiem il-liġi minquxa fil-kostituzzjoni tal-Indja, kif ukoll l-obbligi tal-Indja assunti fil-qafas tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali, li għalihom hija parti l-Indja;

5. Jikkundanna d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Indjani li jagħlqu l-aċċess għall-internet għan-netwerks globali, u b'hekk ċaħħdu l-komunikazzjoni u l-fluss liberu ta' informazzjoni għar-residenti Indjani; jissottolinja li tali azzjonijiet huma ksur ċar tal-libertà tal-kelma;

6. Jistieden lill-awtoritajiet Indjani biex jiżguraw li n-nies li ġew esklużi mill-NRC f'Assam jew dawk b'kawżi pendenti quddiem it-Tribunali għall-Barranin ma jinċaħdux minn kwalunkwe benefiċċju tal-gvern iggarantit liċ-ċittadini tal-pajjiż;

7. Jistieden lill-awtoritajiet Indjani jindirizzaw stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u jikkooperaw magħhom b'mod proattiv; iħeġġiġhom, b'mod partikolari, biex jiżguraw aċċess għar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar kwistjonijiet tal-minoranzi, dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata, u l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin;

8. Jiddispjaċih mill-fatt li, mill-adozzjoni tas-CCA, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) ma esprimiex pubblikament it-tħassib tiegħu dwar is-CAA u l-użu eċċessiv ta' forza mill-forzi tas-sigurtà Indjani, inkluż wara ż-żjara l-aktar reċenti tiegħu fil-pajjiż; jistieden lill-VP/RGħ joħroġ dikjarazzjoni pubblika fejn jitlob l-emenda tas-CAA f'konformità mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u jikkundanna t-trażżin fuq id-dimostranti;

9. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu d-drittijiet tal-bniedem bħala qasam ta' prijorità għal azzjoni fil-Pjan Direzzjonali bejn l-UE u l-Indja għall-2025; jistenna li s-CAA u s-sitwazzjoni f'Kashmir jitqajmu waqt is-Summit bejn l-UE u l-Indja, li se jsir fit-13 ta' Marzu 2020;

10. Jikkritika bl-aktar mod qawwi ż-żjara privata ta' grupp ta' mill-inqas 22 Membru tal-Parlament Ewropew lejn l-Indja u l-Kashmir, li fiha naqsu milli jappellaw pubblikament għal aċċess għall-Proċeduri Speċjali tan-NU jew milli jiddenunzjaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żona; jikkundanna l-fatt li dan il-vjaġġ intuża biex jilleġittima l-aġenda nazzjonalista tal-Prim Ministru Modi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li sar taħt l-awtorità tiegħu; jenfasizza li skont id-Deċiżjoni tal-Bureau tiegħu tal-15 ta' April 2013, il-Membri jeħtiġilhom jiżvelaw l-attendenza tagħhom f'avvenimenti organizzati minn partijiet terzi fejn ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni, jew tas-sussistenza tagħhom, jew il-ħlas dirett ta' dawn l-ispejjeż, ikunu koperti minn parti terza; ifakkar li f'każijiet bħal dawn, il-Membri jeħtiġilhom jissottomettu d-dikjarazzjoni tagħhom sa mhux aktar tard mill-aħħar jum tax-xahar wara l-jum finali tal-attendenza tagħhom għall-avveniment; jiddispjaċih dwar il-fatt li ħames Membri li kienu parti minn dik id-delegazzjoni naqsu milli jissodisfaw dan l-obbligu; jistieden lill-President jieħu l-miżuri xierqa skont l-Artikolu 8 tal-Kodiċi ta' Mġiba, u jirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat Konsultattiv;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tal-Indja, lill-Gvern tal-Indja, lill-Prim Ministru tal-Indja u lill-Parlament Indjan.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza