Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0083/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0083/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri

22.1.2020 - (2019/2870(RSP))

imressqa wara dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Christine Anderson, France Jamet, Nicolaus Fest, Joachim Kuhs
f'isem il-Grupp ID

Proċedura : 2019/2870(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0083/2020
Testi mressqa :
B9-0083/2020
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0083/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri

(2019/2870(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2019 dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri,

 wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-Mistoqsija bil-Miktub P-003684/2019,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri (GPG) hija definita bħala d-differenza bejn id-dħul gross medju fis-siegħa tal-irġiel u tan-nisa, espress bħala perċentwal tad-dħul gross medju fis-siegħa tal-irġiel;

B. billi l-GPG hija uffiċjalment definita bħala "mhux aġġustata", fi kliem ieħor mhux aġġustata skont il-karatteristiċi individwali;

C. billi l-UE ilha tagħmel sforzi konġunti għal ħafna żmien biex tagħlaq il-GPG;

D. billi d-data dwar il-medji ta' GPG li huma speċifiċi għas-settur bħalissa mhijiex disponibbli, u l-Kummissjoni ma tiġborx data bħal din;

1. Ifakkar li l-mekkaniżmi għall-iffissar tal-pagi huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri u tas-sħab soċjali;

2. Ifakkar li l-Artikolu 153(5) tat-TFUE jeskludi b'mod espliċitu l-ħlas mill-ambitu tal-azzjoni tal-UE;

3. Iqis li, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni m'għandhiex tinterferixxi mas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u l-oqfsa rispettivi tagħhom;

4. Ifakkar fin-natura mhux kompluta tad-definizzjoni tal-GPG, li mhijiex aġġustata u għaldaqstant ma tqisx il-karatteristiċi individwali li jistgħu jispjegaw parti mid-differenza fid-dħul jew id-differenza kollha, bħad-differenzi fl-edukazzjoni, fis-sigħat maħduma, fit-tip ta' xogħol u fil-waqfiet mill-karriera jew fix-xogħol part-time wara li jitwieldu t-tfal;

5. Jirrimarka li l-Kummissjoni tispjega l-GPG residwali f'ċerti studji billi tirreferi għal fatturi varjabbli mhux osservabbli (bħal waqfiet mill-karriera) u fatturi varjabbli mhux osservabbli (bħal vantaġġi ta' negozjar), kif ukoll preferenzi speċifiċi għall-ġeneru għall-għażla tal-edukazzjoni u l-karriera;

6. Ifakkar li bosta studji juru li jekk tintuża miżura aġġustata, il-GPG bilkemm taqbeż it-tolleranza tal-iżball statistiku;

7. Jitlob li l-analiżi kollha fil-futur tibni fuq GPG aġġustata, filwaqt li jitqiesu l-aspetti osservabbli kollha li jistgħu potenzjalment jinfluwenzaw il-pagi, bħal waqfiet mill-karriera, preferenzi speċifiċi għall-ġeneru għall-għażla tal-karrieri f'ċerti setturi, eċċ.;

8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni, lill-Kunsill, lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza