MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri
22.1.2020 - (2019/2870(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Sandra Pereira, Anja Hazekamp, Manuel Bompard, Pernando Barrena Arza, Alexis Georgoulis, Leila Chaibi, Özlem Demirel, Marisa Matias, José Gusmão, Anne‑Sophie Pelletier, Konstantinos Arvanitis, Eugenia Rodríguez Palop, Miguel Urbán Crespo, Idoia Villanueva Ruiz, Stelios Kouloglou, Younous Omarjee, Marc Botenga, Manu Pineda, Sira Rego, Dimitrios Papadimoulis, Mick Wallace, Clare Daly, Giorgos Georgiou, Niyazi Kizilyürek
f'isem il-Grupp GUE/NGL
B9‑0084/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 153 (dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa), u l-Artikoli 10 u 19 (dwar in-nondiskriminazzjoni) tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tiegħu, li jistabbilixxu l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala valuri fundamentali tal-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u b'mod partikolari l-Artikoli 21 (dwar in-nondiskriminazzjoni), 23 (dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel) tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 22 u 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 tan-NU u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari l-Għanijiet 1, 5, 8 u 10 u l-miri u l-indikaturi rispettivi tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar ir-Remunerazzjoni Indaqs tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-1951 (Nru. 100),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol[1],
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE tal-Kummissjoni dwar l-indirizzar tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri għall-2017-2019 (COM(2017)0678),
– wara li kkunsidra r-rapport dwar il-pagi globali tal-ILO għall-perjodu 2018-2019,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi 69 sena wara l-adozzjoni tal-Konvenzjoni Nru. 100 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ir-Remunerazzjoni Indaqs, u minkejja l-avvanzi li saru min-nisa f'termini tal-integrazzjoni tagħhom fl-impjieg formali, iż-żieda fil-livelli ta' edukazzjoni tagħhom u l-iżvilupp tal-indipendenza politika u ekonomika tagħhom, id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri għadha problema fid-dinja kollha kif ukoll fl-Istati Membri tal-UE;
B. billi dfl-UE, id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri tilħaq is-16 %; li jfisser li fl-ekonomija kollha, bħala medja n-nisa fl-UE jaqilgħu 16 % inqas fis-siegħa mill-irġiel; billi dan ifisser li n-nisa qed jaħdmu b'mod effettiv bla ħlas għal 59 jum tas-sena meta mqabbla mal-irġiel, li huwa riflessjoni tal-fatt li n-nisa jiffaċċjaw sfruttament akbar fis-suq tax-xogħol; billi d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri tiżdied għal 40 % meta jitqiesu r-rati tal-impjieg u l-parteċipazzjoni globali fis-suq tax-xogħol;
C. billi s-sitwazzjoni hija saħansitra agħar meta n-nisa jirtiraw mix-xogħol, minħabba li l-pensjonijiet tagħhom huma ta' madwar 37 % inqas minn dawk tal-irġiel b'konsegwenza tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, fost fatturi oħra; billi dan jirriżulta minn inugwaljanzi akkumulati matul il-ħajja tax-xogħol tan-nisa u minn perjodi ta' assenza fis-suq tax-xogħol li huma imposti fuq in-nisa b'riżultat ta' dan;
D. billi madwar żewġ terzi tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri ma jistgħux jiġu spjegati minn differenzi fl-attributi tas-suq tax-xogħol bħalma huma l-età, l-esperjenza, l-edukazzjoni, il-kategorija okkupazzjonali, il-ħin tax-xogħol jew attributi osservabbli oħra, li juri li d-diskriminazzjoni hija fattur ċar, filwaqt li d-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa tikkoinċidi wkoll mad-diskriminazzjoni abbażi tar-razza, l-etniċità, l-istatus ta' migrazzjoni, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, l-età u d-diżabilità, fost oħrajn; billi approċċ intersezzjonali huwa kruċjali biex nifhmu l-forom multipli ta' diskriminazzjoni li jaggravaw id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri għal nisa b'għadd ta' identitajiet u biex nifhmu kif il-ġeneru jirreleta ma' fatturi soċjali oħra;
E. billi l-kawżi tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri huma numerużi u jinkludu swieq u setturi tax-xogħol segregati skont il-ġeneru, is-sottovalutazzjoni tax-xogħol tan-nisa, l-isteriotipi sessisti, nuqqas ta' għażliet għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u l-aspettattivi li n-nisa għandhom ikunu l-indokratur primarju, li fl-aħħar mill-aħħar jirriżultaw f'waqfiet fil-karriera, xogħol part-time u paga u kundizzjonijiet tax-xogħol dejjem aktar prekarji;
F. billi l-effetti kumulattivi tad-diversi forom ta' diskriminazzjoni li jiffaċċjaw in-nisa jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għad-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri, filwaqt li n-nisa jitħallew f'riskju akbar ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, u t-tfal u l-familji tagħhom ikollhom jiffaċċjaw ir-riperkussjonijiet; billi l-faqar huwa kkonċentrat l-aktar fil-familji fejn in-nisa jkunu l-unika persuna b'paga, u 35 % tal-ommijiet waħedhom fl-UE kienu f'riskju ta' faqar fl-2017, meta mqabbla ma' 28 % tal-missirijiet waħedhom; billi r-riskju tal-faqar jiżdied b'mod qawwi tul il-ħajja, u l-faqar fost dawk li għandhom 75 sena jew aktar huwa kkonċentrat b'mod konsistenti fost in-nisa;
G. billi n-nisa huma partikolarment affettwati mix-xogħol prekarju; billi r-rati tal-qgħad żdiedu bejn l-2008 u l-2014 minħabba l-kriżi ekonomika serja li daħlet fiha l-UE kollha kemm hi; billi fl-2014 ir-rata tal-qgħad fost in-nisa (10,4 %) kienet għadha ogħla mir-rata għall-irġiel (10,2 %); billi l-kriżi ekonomika kellha impatt fuq l-Unjoni Ewropea kollha, filwaqt li ż-żoni rurali b'mod speċjali esperjenzaw livelli devastanti ta' qgħad, faqar u depopolazzjoni, li jolqtu lin-nisa b'mod partikolari;
H. billi 31,3 % tan-nisa impjegati ta' bejn l-20 u l-64 sena fl-UE ħadmu fuq bażi part-time fl-2018, meta mqabbla ma' 8,7 % tal-irġiel; billi anke bi tnaqqis gradwali tad-differenza fl-impjiegi, ir-rata ta' impjieg għall-Istati Membri kollha kienet għadha ogħla għall-irġiel (79 %) milli għan-nisa (67,4 %) fl-2018;
I. billi ħafna nisa qed jaħdmu f'setturi informali tal-ekonomija; billi jridu jiġu indirizzati l-konsegwenzi li jirriżultaw minn xogħol informali ferm prekarju u mhux regolat, bħall-esternalizzazzjoni u l-għoti ta' sottokuntratti minn kumpaniji kbar;
J. billi d-drittijiet legalment stabbiliti għal paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali ħafna drabi huma limitati jew mhux issodisfati; billi n-negozjar kollettiv huwa fattur deċiżiv biex jitreġġgħu lura u jingħelbu l-inugwaljanzi; billi għal dawk fil-faqar, il-garanzija ta' paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali mhijiex biżżejjed fiha nnifisha u għalhekk għandu jkun hemm paga ugwali bħala parti minn żieda ġenerali fis-salarji tal-ħaddiema;
K. billi l-iżvilupp ta' politiki ta' ugwaljanza għandu jkun ibbażat fuq l-aċċess ugwali għal opportunitajiet għan-nisa u l-irġiel; billi d-diskriminazzjoni kontinwa bejn in-nisa u l-irġiel hija promossa deliberatament sabiex jiġu intensifikati l-politiki li jfittxu li jiksbu pagi baxxi u deregolamentazzjoni tax-xogħol;
L. billi n-nisa huma rrappreżentati żżejjed fl-aktar pożizzjonijiet baxxi jew f'pożizzjonijiet inferjuri; billi huwa importanti li l-paga minima determinata minn kull Stat Membru tiggarantixxi li n-nies ikunu jistgħu jlaħħqu ma' l-għoli tal-ħajja;
M. billi sabiex jingħelbu l-inugwaljanzi fil-pensjonijiet u jitħarsu u jiżdiedu l-pensjonijiet b'mod ġenerali, huwa essenzjali li s-sistemi tas-sigurtà soċjali jibqgħu jeżistu fl-isfera pubblika u jiġu integrati l-prinċipji tas-solidarjetà u r-ridistribuzzjoni u li jittieħdu l-aktar sforzi qawwija biex jiġi miġġieled ix-xogħol prekarju u deregolat;
1. Jesprimi dispjaċir profond dwar il-fatt li d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri għadha tippersisti fl-UE, b'riperkussjonijiet negattivi għas-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tan-nisa u għas-soċjetà kollha kemm hi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti u urġenti biex jingħelbu l-inugwaljanzi fil-pagi u biex jiggarantixxu paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali filwaqt li jippromwovu wkoll żieda ġenerali fis-salarji; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jieħdu miżuri mmirati biex jeliminaw id-differenza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri, partikolarment permezz ta' żieda ġenerali, ta' darba u sinifikanti, fil-pensjonijiet;
2. Ifakkar li d-differenza fi-pagi bejn il-ġeneri u l-kawżi tagħha għandhom konsegwenzi ta' ħsara esponenzjali għan-nisa tul ħajjithom kollha, u dan iwassal għal differenza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri li hija aktar mid-doppju tad-differenza fil-pagi; ifakkar li n-nisa jinsabu f'riskju akbar ta' faqar fix-xjuħija u mill-irġiel minħabba d-differenzi tul il-ħajja fil-paga u fil-ħin tax-xogħol, l-etajiet tal-pensjoni differenti għall-irġiel u għan-nisa f'xi Stati Membri, u l-fatt li hemm aktar nisa anzjani jgħixu waħedhom; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri speċifiċi biex jiġi miġġieled ir-riskju tal-faqar għan-nisa akbar fl-età, billi jiżdiedu l-pensjonijiet iżda wkoll billi jiġi offrut appoġġ soċjali;
3. Jafferma li minbarra l-promozzjoni ta' regolamentazzjoni tax-xogħol ibbażata fuq drittijiet akbar tax-xogħol, xogħol irregolat u l-projbizzjoni ta' xogħol prekarju, in-negozjar kollettiv għandu jiġi restawrat, difiż u promoss bħala għodda deċiżiva biex jingħelbu l-inugwaljanzi, b'mod partikolari f'termini ta' salarji;
4. Jappella għal sforzi konġunti biex jitjieb l-aċċess għall-opportunitajiet ta' impjieg għan-nisa u biex jinħolqu opportunitajiet ta' żvilupp li jwasslu għal livelli ogħla ta' paga f'okkupazzjonijiet iddominati min-nisa, bħala parti mill-pjanijiet ta' azzjoni meħtieġa;
5. Jitlob li jiġu mfassla u implimentati b'mod sħiħ miżuri biex jogħlew il-livelli tal-paga minima sabiex in-nies ikunu jistgħu ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja;
6. Jenfasizza li l-aċċess għax-xogħol u l-kundizzjonijiet li jiffaċilitawh huma ċentrali biex jiġu żgurati l-emanċipazzjoni u l-indipendenza tan-nisa f'kull qasam tal-ħajja, minn fuq ix-xogħol sal-parteċipazzjoni soċjali, ekonomika u politika, fost oħrajn;
7. Jirrimarka li l-effetti fit-tul tal-miżuri ta' awsterità f'ħafna Stati Membri qed ikollhom impatt negattiv fuq l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u fuq it-twettiq tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'qgħad li qed jiżdied, deregolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol, żieda fil-prekarjetà u livelli baxxi ta' pagi li jaffettwaw b'mod partikolari lin-nisa, filwaqt li t-tnaqqis tas-servizzi pubbliċi, b'mod partikolari fis-saħħa u l-edukazzjoni, u tal-benefiċċji soċjali qed ikomplu jżidu l-forom multipli ta' diskriminazzjoni u inugwaljanzi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa;
8. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jtemmu u jreġġgħu lura l-miżuri ta' awsterità u t-tnaqqis li japplikaw għall-programmazzjoni fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, is-servizzi pubbliċi u, b'mod partikolari, l-għoti ta' kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva;
9. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jeliminaw id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri billi jinfurzaw b'mod strett il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, mhux biss permezz tal-leġiżlazzjoni iżda wkoll billi jsaħħu, jippromwovu u jiddefendu n-negozjar kollettiv; jitlob, barra minn hekk, miżuri li jindirizzaw is-segregazzjoni vertikali u orizzontali fl-impjiegi u l-prattiki diskriminatorji f'deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-reklutaġġ u l-promozzjoni;
10. Jitlob li l-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu l-protezzjoni tal-maternità u l-paternità fil-leġiżlazzjoni tax-xogħol, b'mod partikolari billi jżidu l-ammont ta' liv u jiggarantixxu li dan jitħallas kollu, u jnaqqsu n-numru ta' sigħat ta' xogħol matul it-treddigħ, u billi jieħdu miżuri xierqa biex jinfurzaw tali protezzjoni, iżda wkoll billi jinvestu fil-forniment ta' netwerk pubbliku ħieles ta' servizzi ta' edukazzjoni u ta' indukrar tat-tfal żgħar u ta' servizzi ta' kura fit-tul; jirrifjuta, f'dan ir-rigward, l-użu ta' arranġamenti ta' xogħol personali u flessibbli — għodda li tirregola s-suq tax-xogħol u ddgħajjef id-drittijiet tax-xogħol;
11. Jinnota li nuqqas ta' disponibbiltà, l-ispejjeż projbittivi u nuqqas ta' infrastruttura suffiċjenti li toffri servizzi għall-indukrar tat-tfal ta' kwalità jibqgħu ostaklu sinifikanti, primarjament għall-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fl-aspetti kollha tas-soċjetà, inkluż l-impjieg;
12. Jenfasizza li l-politiki msemmija hawn fuq għandhom jiffaċilitaw l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jirriżervaw fokus speċjali fuq familji b'introjtu baxx, familji b'ġenitur wieħed u gruppi żvantaġġati oħra;
13. Jistieden lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki fit-tfassil tas-swieq tax-xogħol tagħhom b'tali mod li jgħinu biex jiġu eliminati d-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri;
14. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità tal-awtoritajiet tax-xogħol pubbliċi, partikolarment fil-livell tar-riżorsi umani, sabiex jiggarantixxu li l-azzjoni meħtieġa tittieħed biex jiġu infurzati d-drittijiet tax-xogħol determinati minn leġiżlazzjoni jew minn ftehim kollettiv, inkluż billi jiġu imposti sanzjonijiet fuq kumpaniji li jonqsu milli jikkonformaw; jitlob, barra minn hekk, li ssir valutazzjoni dwar li l-għoti ta' fondi tal-UE lill-kumpaniji jkun kundizzjonali fuq l-applikazzjoni ta' standards tax-xogħol għoljin u dwar in-nuqqas ta' prattiki diskriminatorji lejn in-nisa;
15. Jenfasizza li l-ġbir ta' data diżaggregata skont il-ġeneri jeħtieġ li jittejjeb aktar f'oqsma bħall-impjiegi informali, l-intraprenditorija, l-aċċess għall-fondi u s-servizzi tal-kura tas-saħħa, il-vjolenza kontra n-nisa u x-xogħol mingħajr ħlas; jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar u tintuża data u evidenza ta' kwalità għal tfassil ta' politika infurmat u bbażat fuq l-evidenza; jistieden kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jiġbru data diżaggregata sabiex jivvalutaw u jimmontorjaw il-progress biex jeliminaw id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi li jesperjenzaw forom ta' diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali bħal nisa b'diżabilità, nisa migranti u ta' minoranzi etniċi, nisa Roma, nisa akbar fl-età, ommijiet waħedhom u persuni LGBTIQ;
16. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lura milli tippromwovi kwalunkwe rakkomandazzjoni politika li twassal għal żieda fir-relazzjonijiet tax-xogħol prekarji, deregolamentazzjoni tax-xogħol u s-sigħat tax-xogħol, tnaqqis fis-salarji, attakk fuq in-negozjar kollettiv, jew privatizzazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;
17. Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżblokka d-direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivam mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, li għandha l-għan li testendi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni permezz ta' approċċ orizzontali;
18. Ifakkar li l-iżgurar tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-indirizzar tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri u tad-differenza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri għandu benefiċċji soċjali u ekonomiċi sinifikanti għall-familji u s-soċjetajiet;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.
- [1] ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.