Proċedura : 2019/2814(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0088/2020

Testi mressqa :

B9-0088/2020

Dibattiti :

PV 11/02/2020 - 17
CRE 11/02/2020 - 17

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2020 - 11.11
CRE 12/02/2020 - 11.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2020)0035

<Date>{05/02/2020}5.2.2020</Date>
<NoDocSe>B9-0088/2020</NoDocSe>
PDF 195kWORD 57k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B9-0004/2020 u B9-0003/2020</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar il-protezzjoni tas-suq intern u tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE mill-implikazzjonijiet negattivi tal-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija</Titre>

<DocRef>(2019/2814(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Stanislav Polčák, Sylwia Spurek, Martin Hojsík, Jadwiga Wiśniewska, Anja Hazekamp, Eleonora Evi</Depute>

<Commission>{ENVI}f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel</Commission>

</RepeatBlock-By>


B9-0088/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-protezzjoni tas-suq intern u tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE mill-implikazzjonijiet negattivi tal-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija

(2019/2814(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni, mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(1) għad-Direttiva 90/425/KEE[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jistipula li, fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri jridu jagħtu konsiderazzjoni sħiħa lill-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali minħabba li huma kreaturi li jħossu,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 114 tat-TFUE dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq uniku u l-Artikolu 169 tat-TFUE dwar il-miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali (il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali)[2] u s-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni permezz ta' dan ir-regolament,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-moviment mhux kummerċjali ta' annimali tad-dar u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003[3] u wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta' Ġunju 2013 dwar id-dokumenti ta' identifikazzjoni mudell għall-moviment mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u inmsa, it-twaqqif ta' listi ta' territorji u pajjiżi terzi u r-rekwiżiti ta' format, tqassim tal-paġni u l-lingwa tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma' ċerti kondizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4].

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar l-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha[5],

 wara li kkunsidra l-istudju ffinanzjat mill-Kummissjoni (SANCO 2013/12364) dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali magħmul skont id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa mar-Regolament (UE) Nru 576/2013[6],

 wara li kkunsidra r-riżultati tal-Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates[7],

 wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-protezzjoni tas-suq intern u tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE mill-implikazzjonijiet negattivi tal-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija (O-000011/2020 – B9-0004/2020 u O-000010/2020 – B9-0003/2020),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A. billi NGOs, servizzi tal-infurzar tal-liġi, awtoritajiet kompetenti u veterinarji pproduċew evidenza tal-għadd dejjem jikber ta' annimali tal-kumpanija li qed ikunu nnegozjati illegalment bejn l-Istati Membri, sikwit minn netwerks tal-kriminalità organizzata li jevadu l-kontrolli, jiffalsifikaw dokumenti u jabbużaw b'mod mifrux mir-Regolament (UE) Nru 576/2013, li hu maħsub għall-moviment mhux kummerċjali ta' annimali domestiċi, meta fil-fatt għandhom ikunu trasportati skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE;

B. billi hu stmat li l-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija fi ħdan l-UE jista' jiġġenera profitti għoljin ħafna b'riskji minimi ta' detezzjoni għall-atturi involuti, inklużi dawk li jrabbu illegalment, u b'hekk jolqot ħażin id-dħul ta' dawk fis-settur li jrabbu legalment;

C. billi ħafna reklami li joffru annimali għall-bejgħ online huma ġejjin minn sorsi illegali;

D. billi ma jeżistu l-ebda regoli komuni fil-livell tal-UE dwar it-trobbija ta' annimali tal-kumpanija u d-differenzi leġiżlattivi bejn l-Istati Membri fl-istandards tal-benesseri tal-annimali ta' dawk li jrabbu wasslu għal differenzi konsiderevoli fil-prezzijiet ta' annimali tal-kumpanija mibjugħa fis-suq intern, differenzi li jiġu sfruttati minn operaturi illegali;

E billi t-traffikanti u l-bejjiegħa illegali sikwit jaġixxu b'impunità sħiħa peress li jafu li l-maġġoranza tal-konsumaturi li xtraw annimal tal-kumpanija fi stat ħażin tas-saħħa mhux se jieħdu azzjoni legali;

F. billi t-trobbija illegali ta' qtates u klieb spiss jitwettaq f'kundizzjonijiet terribbli u l-ispejjeż jinżammu baxxi kemm jista' jkun; billi dawn l-annimali tat-twelid imrobbija illegalment sikwit jiġu separati minn ommhom kmieni wisq, ikollhom soċjalizzazzjoni fqira, faċli jimirdu u jbatu minn stress, malnutrizzjoni, deidratazzjoni u r-riskju akbar ta' ipotermja filwaqt li jkunu soġġetti għal vjaġġi twal madwar l-UE f'kundizzjonijiet ta' spazji ffullati u maħmuġa mingħajr ebda ikel, ilma, jew arja kondizzjonata, u mingħajr waqfien; billi hija ħaġa komuni li l-ġriewi u l-qtates żgħar jaslu fil-pajjiż tad-destinazzjoni mingħajr ma jkunu miftuma u mingħajr ebda ħiliet bażiċi ta' soċjalizzazzjoni;

G. billi, minkejja t-titjib, għad hemm tħassib kbir madwar il-passaporti tal-annimali tad-dar, bħall-verifika tal-età għal annimali individwali u l-possibbiltà li jsir tibdil fil-passaporti; billi ġew irreġistrat għadd kbir ta' passaporti foloz għall-annimali tad-dar, sikwit b'kollużjoni tal-veterinarji mat-traffikanti f'din il-prattika illegali, b'hekk il-kontrolli u l-investigazzjonijiet isiru aktar kumplessi[8];

H. billi l-annimali tal-kumpanija li jitrabbew illegalment ta' sikwit ma jkunux imlaqqma jew imlaqqma parzjalment jew inkella ma jkunux ġew trattati kif xieraq għal mard ieħor; billi hemm diversi riskji żoonotiċi assoċjati mat-traffikar illegali ta' annimali tal-kumpanija, inkluża l-introduzzjoni tar-rabja minn partijiet endemiċi tal-Ewropa f'pajjiżi li huma ħielsa mill-idrofobija u l-parassiti bħal Echinococcus multilocularis, li jinfirex faċilment u huwa diffiċli li jiġi kkontrollat[9];

I. billi l-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali li se tapplika mill-21 ta' April 2021, se tiffaċilita trasparenza akbar fil-kummerċ online tal-qtates u tal-klieb, u se ttejjeb is-saħħa u l-benesseri tal-annimali; billi l-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali tobbliga b'mod strett lill-bejjiegħa, lil min irabbi, lit-trasportaturi u liċ-ċentri tal-ġbir, jirreġistraw l-istabbilimenti tagħhom mal-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti;

J. billi, minbarra li jagħmel ħsara lill-benesseri tal-annimali, it-traffikar illegali ta' annimali tal-kumpanija għandu impatti negattivi fuq il-protezzjoni tal-konsumatur, il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern tal-UE minħabba kompetizzjoni inġusta, u l-finanzi pubbliċi minħabba telf ta' dħul mit-taxxa;

K. billi metodu komuni użat ferm għax-xiri ta' annimali tal-kumpanija fl-UE issa qed iseħħ permezz ta' reklami klassifikati online, segwit mill-qrib mill-midja soċjali[10]; billi l-konsumaturi li jixtru annimali tal-kumpanija permezz ta' riklami online ftit għandhom protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, kemm jekk fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE; billi għadd kbir ta' annimali tal-kumpanija mrobbija illegalment jinbiegħu fis-swieq fl-Istati Membri jew direttament minn karozzi matul il-fruntieri interni tal-UE;

L. billi 65 % ta' dawk li wieġbu stħarriġ tal-Flash Eurobarometer dwar kontenut illegali online ma jaħsbux li l-Internet huwa sikur għall-utenti tiegħu u 90 % jaqblu li s-servizzi ta' hosting online għandhom immedjatament ineħħu l-kontenut immarkat bħala illegali mill-awtoritajiet pubbliċi jew tal-infurzar tal-liġi; billi 60 % tal-utenti tal-internet qalu li jużaw netwerk soċjali online tal-inqas darba fil-ġimgħa u ħafna jużaw ukoll postijiet tas-suq online tal-anqas okkażjonalment, filwaqt li 30 % jużawhom tal-anqas darba fil-ġimgħa; billi 69 % tal-utenti tal-internet fl-UE jixtru online u l-għadd tagħhom qiegħed jiżdied ta' kull sena ukoll fejn jidħol bejgħ ta' annimali[11];

M. billi t-trattament ħażin ta' annimali tal-kumpanija, inkluż l-annimali mrobbija, miżmuma u mibjugħa bil-għan li jsiru annimali tad-dar, l-annimali tal-kumpanija użati għad-divertiment, l-isport u x-xogħol bħall-greyhounds u l-galgos, u l-annimali tat-triq għadu ta' tħassib kbir għal ħafna ċittadini; billi l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni (aħjar) tal-annimali tad-dar jistgħu jkunu għodda utli fil-ġlieda kontra l-abbuż tal-annimali;

N. billi aktar minn 70 % tal-mard ġdid li laqat lill-bniedem f'dawn l-aħħar deċennji oriġina mill-annimali, u l-annimali li ġeneralment jinżammu bħala annimali tad-dar iġorru fuqhom aktar minn 41 tip ta' żoonożi, inkluża r-rabja[12];

O. billi l-annimali tad-dar tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 ma jistgħux jittieħdu minn Stat Membru għal ieħor, sakemm ma jkunux immarkati bl-impjantazzjoni ta' transponder; billi ma hemm l-ebda rekwiżit għall-identifikazzjoni obbligatorja armonizzata ta' qtates u klieb li jibqgħu fi ħdan il-fruntieri nazzjonali u li mhumiex qed jittieħdu lejn Stati Membri oħrajn; billi ħafna qtates u klieb fl-Istati Membri għadhom mhux identifikati u reġistrati;

P. billi l-Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE (CCP) dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates sab inkonsistenza bejn l-istatus tal-kummerċjanti u l-attivitajiet tagħhom f'42 % tar-riklami kkontrollati[13];

Q. billi ċerti siti web bir-riklami kklassifikati qed jibdew jadottaw, fuq bażi volontarja, regoli aktar stretti biex jivverifikaw l-identità tal-bejjiegħa online u jtejbu l-benessri tal-annimali;

R. billi l-maġġoranza tal-Istati Membri diġà stabbilew ċertu livell ta' rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-klieb u l-qtates; billi r-rekwiżiti ta' identifikazzjoni għall-qtates, il-klieb u l-inmsa mhumiex armonizzati u dan jirriżulta, fost l-oħrajn, f'użu ħażin tal-kodiċijiet tal-pajjiżi, kodiċijiet duplikati u mhux korretti[14]; billi l-biċċa l-kbira tal-bażijiet tad-data tar-reġistrazzjoni mhumiex interkonnessi u għalhekk jillimitaw it-traċċabbiltà fl-UE;

1. Jenfasizza li l-kummerċ illegali tal-klieb u l-qtates mhux biss għandu riperkussjonijiet katastrofiċi f'dak li jirrigwarda l-benessri tal-annimali iżda għandu riskji wkoll għas-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur;

Identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-qtates u l-klieb

2. Jenfasizza li sistema armonizzata madwar l-UE kollha tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni obbligatorja tal-qtates u l-klieb huwa l-ewwel pass neċessarju u kruċjali fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija, u li r-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni huma kundizzjonijiet importanti għall-kontroll, l-infurzar u t-traċċabilità;

3. Iqis li huwa essenzjali li l-annimali tal-kumpanija jkollhom mikroċippa minn veterinarju u jiġu rreġistrati f'fajl nazzjonali għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali biex tkun żgurata t-traċċabbiltà effettiva tagħhom; iqis li huwa ta' importanza vitali li l-fajls ta' identifikazzjoni u ta' reġistrazzjoni jkun fihom in-numri ta' reġistrazzjoni ta' kull min kellu sehem fil-ħajja tal-annimal, inklużi min ikun rabbihom, il-bejjiegħa, il-veterinarji, it-trasportaturi u s-sidien;

4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ tas-setgħat delegati tagħha skont l-Artikoli 109(2) u 118 tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali u tressaq proposta għal sistemi dettaljati u kompatibbli fl-UE kollha għall-mezzi u l-metodi ta' identifikazzjoni u ta' reġistrazzjoni tal-qtates u l-klieb li jistabbilixxu limitu minimu ta' informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni individwali tal-annimali u li jistabbilixxu regoli għall-iskambju ta' data elettronika bejn il-bażijiet tad-data fl-Istati Membri, li għandhom ikunu interkonnessi sa tmiem dan it-terminu leġiżlattiv;

5. Jappella għal rabta ċara bejn il-passaport tal-UE għall-annimali tad-dar u l-mikroċippa ta' reġistrazzjoni tal-annimali tad-dar biex jiġi żgurat li l-oriġini ta' annimali tal-kumpanija jibqa' ċar anke jekk il-passaport tal-annimali tad-dar jiġi sostitwit;

6. Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu politiki bil-għan li jimmarkaw u jirreġistraw lill-qtates u l-klieb kollha b'mod awtomatiku bħala parti mill-ġlieda kontra l-abbuż tal-annimali;

7. Jenfasizza li l-informazzjoni miġbura għall-identifikazzjoni ta' annimali tal-kumpanija għandha tinkludi data personali u għandha tiġi protetta f'konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; jemmen li tali data personali m'għandhiex tintuża għal skopijiet kummerċjali;

Pjan ta' azzjoni tal-UE li jindirizza l-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija

8. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' azzjoni transettorjali tal-UE biex tindirizza l-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija fl-UE; iqis li l-pjan ta' azzjoni għandu jqis il-fehmiet tal-Parlament Ewropew, tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u għandu jiddefinixxi b'mod ċar ir-responsabbiltajiet tal-partijiet ikkonċernati kollha u dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet, inklużi l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-fruntieri, doganali u veterinarji, il-veterinarji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

9. Jirrakkomanda li fil-pjan ta' azzjoni tagħha l-Kummissjoni tinvolvi lid-direttorati ġenerali differenti li jaħdmu fuq il-benessri tal-annimali, is-saħħa pubblika, il-ħarsien tal-konsumatur, is-suq intern u kwistjonijiet ta' traffikar;

10. Iqis li hi meħtieġa definizzjoni uniformi tal-UE dwar faċilitajiet tat-trobbija fuq skala kummerċjali kbira, magħrufa bħala l-imtieħen tal-ġriewi, sabiex jiġi indirizzat il-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija;

11. Iqis li jeħtieġ li ċ-ċittadini jkunu infurmati aħjar dwar il-kummerċ ta' annimali tal-kumpanija u r-riskji possibbli meta jinxtraw l-annimali online jew mingħajr ma jitqiesu l-proċeduri legali;

12. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi li jixtru annimali tal-kumpanija permezz ta' reklami online bħala parti mill-Aġenda Diġitali tagħha;

13. Jappoġġa l-fatt li l-bejgħ ta' annimali ħajjin min-negozjant lill-konsumatur ikun eskluż mill-ambitu tad-direttiva li jmiss dwar il-kuntratti għall-bejgħ online u bejgħ mill-bogħod ieħor ta' oġġetti;

Kontrolli u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-UE

14. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-infurzar tal-liġi u japplikaw sanzjonijiet aktar iebsa – li għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi – kontra l-operaturi ekonomiċi, il-veterinarji u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali mill-pajjiżi tal-oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni li jfornu passaporti ffalsifikati għall-annimali tad-dar bil-ħsieb li jrażżnu b'mod effiċjenti t-traffikar illegali ta' annimali tal-kumpanija;

15. Jistieden lill-Istati Membri japplikaw penali finanzjarji bi qbil mar-Regolament (EU) Nru 2017/625[15] li jegħlbu l-benefiċċju li fittxew li jiksbu l-operaturi ekonomiċi inklużi dawk li jrabbu u l-bejjiegħa li jirreklamaw annimali online għall-gwadann ekonomiku u bi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji għar-regolazzjoni jew l-awtoregolazzjoni ta' reklami online ta' annimali tal-kumpanija sabiex itemmu r-reklamar qarrieqi u biex jiġi kkontrollat aħjar il-bejgħ online tal-qtates u tal-klieb;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi rekwiżiti obbligatorji għall-pjattaformi online biex jitwettqu verifiki ta' validazzjoni minima tal-identità ta' utenti li jirreklamaw annimali tad-dar għall-bejgħ online; jissottolinja l-fatt li kwalunkwe reviżjoni potenzjali tal-qafas leġiżlattiv rilevanti jeħtieġ twassal għal protezzjoni aħjar tal-konsumaturi u tal-annimali;

18. Jitlob li fil-programmi ta' spezzjoni tad-Direttorat għall-Awditi u l-Analiżi tal-Ikel u tas-Saħħa (Kummissjoni Ewropea – DĠ Saħħa u Sikurezza tal-Ikel) jiġu inklużi kontrolli fuq il-konformità tal-Istati Membri mar-Regolament (UE) Nru 576/2013;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi standards komuni għat-trobbija u l-kummerċjalizzazzjoni tal-qtates u l-klieb li għandhom jiġu implimentati fl-UE kollha bil-għan li jiġu evitati prattiki kummerċjali inġusti u l-bejgħ abbużiv ta' dawn l-annimali tal-kumpanija, filwaqt li tiġi illimitata l-kontinwazzjoni ta' kwistjonijiet ta' saħħa u ta' benessri speċifiċi għar-razza u li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi;

20. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm regoli dettaljati għall-monitoraġġ ta' dawk li jrabbu l-annimali tal-kumpanija u sorveljanza xierqa mill-veterinarji;

21. Iqis li l-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa jistabbilixxu reġistru obbligatorju ta' bejjiegħa u ta' dawk li jrabbu l-annimali tal-kumpanija awtorizzati li jkollhom aċċess għalih dawk responsabbli fi Stati Membri oħrajn;

22. Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu monitoraġġ tal-konformità fil-pajjiż b'kontrolli regolari fuq in-negozjanti u d-detenturi tal-permessi, bħal ħwienet li jbigħu annimali tal-kumpanija, dawk li jrabbu, ċentri ta' riċerka u mixtliet, minbarra l-kontrolli fil-fruntieri meħtieġa skont ir-Regolament (KE) Nru 338/97[16];

23. Jemmen li l-frekwenza tal-ispezzjonijiet għandha ukoll tiġi armonizzata fl-UE kollha u li l-ispezzjonijiet jitwettqu f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali, tal-pulizija u mas-servizzi veterinarji tal-Istati Membri;

24. Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-Regolament (UE) Nru 576/2013, isegwu l-proċeduri stabbiliti fih u jiżguraw li jiddaħħlu lura f'dar dawk l-annimali tal-kumpanija kollha li jkunu sekwestrati; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jappoġġaw b'mod adegwat iċ-ċentri ta' salvataġġ tal-annimali;

25. Jilqa' r-riżultati miksuba fi ħdan il-Pjattaforma tal-UE dwar il-Benesseri tal-Annimali u s-Sottogrupp tal-Inizjattiva Volontarja dwar is-Saħħa u l-Benesseri tal-Annimali tad-Dar fil-Kummerċ; jappella għall-inklużjoni tal-Parlament Ewropew u għar-rappreżentanza bbilanċjata tas-soċjetà ċivili, tal-awtoritajiet kompetenti, tan-negozji u x-xjenzjati fil-ħidma futura dwar il-benessri tal-annimali fil-livell tal-UE, kif ukoll għal livell suffiċjenti ta' riżorsi sabiex jiġi żgurat progress ottimali;

Kooperazzjoni, komunikazzjoni u taħriġ

26. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu u jxerrdu r-riżultati tas-Sottogrupp tal-Inizjattiva Volontarja dwar is-Saħħa u l-Benesseri tal-Annimali tad-Dar fil-Kummerċ fil-qafas tal-Pjattaforma tal-UE dwar il-Benesseri tal-Annimali u jadottaw miżuri biex jindirizzaw il-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija fix-xogħol leġiżlattiv u mhux leġiżlattiv li jmiss sal-2024; iqis, f'dan il-kuntest, li hemm ħtieġa urġenti għal kooperazzjoni attiva u skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri kollha;

27. Jistieden lill-Istati Membri biex sistematikament jinformaw lill-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati meta jiftħu kawża legali kontra kummerċjant illegali tal-klieb u l-qtates li l-attivitajiet tiegħu jistgħu jaffettwaw dawk l-Istati Membri l-oħrajn;

28. Hu favur metodi ta' ħidma kollaborattiva fost l-aġenziji biex jindirizzaw il-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija, u biex jimmitigaw ir-riskju żoonotiku assoċjat, inkluż l-iżvilupp ta' sistema ta' intelliġence biex tirreġistra u tikkondividi d-data fir-rigward tal-kummerċ illegali ta' kunsinni kummerċjali tal-annimali u sistema ta' twissija biex tavża dwar kull anomalija li tiġi identifikata;

29. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri li jinkludu l-użu ta' teknoloġiji u taħriġ imfassal apposta biex l-awtoritajiet doganali u veterinarji jkunu mgħammra aħjar ħalli jidentifikaw il-kuntrabandu ta' annimali tal-kumpanija;

30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates permezz tal-iżvilupp ta' sħubijiet bejn l-awtoritajiet, il-bażijiet ta' data, is-siti elettroniċi u l-organizzazzjonijiet għall-benessri tal-annimali, sabiex ifasslu miżuri preċiżi kontra r-reklamar qarrieqi u l-kummerċ illegali online tal-klieb u l-qtates;

31. Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-assoċjazzjonijiet u l-NGOs għall-protezzjoni tal-annimali fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' annimali tal-kumpanija; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jipprovdu liċ-ċentri ta' salvataġġ tal-annimali u lill-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-annimali/NGOs appoġġ adegwat, kemm finanzjarju kif ukoll appoġġ materjali u mhux materjali ieħor;

32. Jistieden lill-Istati Membri jallokaw riżorsi suffiċjenti għall-infurzar tar-rekwiżit tar-reġistrazzjoni għall-operaturi tal-istabbilimenti kollha tat-trobbija, iż-żamma jew in-negozjar tal-annimali kif mitlub mil-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali sabiex jitrażżan il-kummerċ illegali online ta' annimali tal-kumpanija;

33. Iqis li għandu jsir aktar biex titqajjem sensibilizzazzjoni fost ix-xerrejja potenzjali u l-operaturi ekonomiċi, inkluż il-fornituri tas-servizzi online, f'dak li għandu x'jaqsam ma' bejgħ illegali ta' annimali tal-kumpanija u standards rispettivi baxxi tal-benessri;

34. Jenfasizza l-fatt li diġà jeżistu bażijiet tad-data nazzjonali u f'xi każijiet reġjonali li fihom informazzjoni ta' identifikazzjoni dwar annimali tal-kumpanija; iqis li dawn il-bażijiet tad-data għandhom jintużaw bħala sistemi interkonnessi, kompatibbli u interoperabbli biex jippermettu t-traċċabbiltà fl-UE kollha;

35. Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-persunal fil-fruntieri jkunu mħarrġa b'mod adegwat fil-proċeduri u fir-regoli li japplikaw għall-importazzjoni ta' annimali tal-kumpanija minn pajjiżi terzi elenkati u mhux elenkati u li huma jkunu qed jinfurzaw dawn ir-regoli;

36. Jistieden lill-Istati Membri jwettqu aktar kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar l-effetti negattivi tal-kummerċ illegali ta' annimali tal-kumpanija u biex jixtru biss annimali tal-kumpanija li jkunu trabbew, inżammu u ġew innegozjati b'mod responsabbli u b'attenzjoni xierqa għall-benessri tal-annimali;

°

° °

37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

[1] ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

[2] ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

[3] ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.

[4] ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109.

[5] ĠU L 35, 31.1.2018, p. 139.

[6] Studju dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti fil-prattiki kummerċjali ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea SANCO 2013/12364.

https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/animals/docs/aw_eu-strategy_study_dogs-cats-commercial-practices_en.pdf

[7] Il-Kummissjoni Ewropea (2019). Analiżi tar-riżultati tal-Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates,

https://ec.europa.eu/food/animals/welfare/other_aspects/online_dog-cat_en

[8] Rapport ta' FOUR PAWS tal-2013 intitolat "Puppy trade in Europe"

http://www.carodog.eu/wp-content/uploads/2014/10/REPORT_EUROPEAN_PUPPY_TRADE2.pdf

[9] Studju dwar it-trattament xieraq tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali (2015), iffinanzjat mill-Kummissjoni taħt Kuntratt Speċifiku SANCO 2013/12364, pp. 55-56.

https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/animals/docs/aw_eu-strategy_study_dogs-cats-commercial-practices_en.pdf;

EU Dog & Cat Alliance (2016). Tgħarrif dwar ir-rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar il-moviment tal-annimali domestiċi skont il-"Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali".

https://s3-eu-west-1.amazonaws.com/assets.dogandcatwelfare.eu/live/media/publicationtemp/EU_Dog_Cat_‌Alliance_briefing_AHL_pet_movement_review.pdf

[10] EU Dog and Cat Alliance + Blue Cross (2017). Online Pet Sales in the EU: What's the cost? (Bejgħ online ta' Annimali Domestiċi fl-UE: X'inhu l-prezz?)

https://s3-eu-west-1.amazonaws.com/assets.dogandcatwelfare.eu/live/media/publicationtemp/12195_-_EU_Pet_‌sales_report_spreads.pdf

[11] Flash Eurobarometer 469/2018 Report on illegal content online: (Rapport dwar il-kontenut illegali online) http://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/ResultDoc/download/DocumentKy/83669

[12] Michael J. Day et al (2012). Surveillance of Zoonotic Infectious Disease Transmitted by Small Companion Animals (Is-sorveljanza ta' Infezzjonijiet Żoonotiċi Trażmessi minn Annimali Żgħar tal-Kumpanija):

https://wwwnc.cdc.gov/eid/article/18/12/12-0664_article

[13] EU Coordinated Control Plan on online sales of dogs and cats (Pjan ta' Kontroll Koordinat tal-UE dwar il-bejgħ online ta' klieb u qtates). https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/animals/docs/reg-com_ahw_20190612_asf_aw-control-coord-plan-sale-dog-cats_eur.pdf

[14] Rapport FOUR PAWS tal-2016 "Identification, vaccination and movement of dogs and cats in the EU: How to improve the Pet Passport and TRACES systems?" (L-identifikazzjoni, it-tilqim u l-moviment tal-klieb u l-qtates fl-UE: Kif nistgħu ntejbu l-Passaport tal-Annimali tad-Dar u s-sistemi TRACES)

http://www.lawyersforanimalprotection.eu/wp-content/uploads/2016/07/INSIDE-1.pdf

[15] Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1)

[16] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza