MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-31 ta' Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta' proġetti ta' interess komuni
5.2.2020 - (C(2019)07772 - 2019/2907(DEA))
Marie Toussaint, Bas Eickhout
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Eric Andrieu, Maria Arena, Manon Aubry, Tiziana Beghin, Manuel Bompard, Marc Botenga, Delara Burkhardt, Mohammed Chahim, Leila Chaibi, Ignazio Corrao, Rosa D’Amato, Clare Daly, Pascal Durand, Cornelia Ernst, Eleonora Evi, Laura Ferrara, Mario Furore, Chiara Gemma, Dino Giarrusso, Raphaël Glucksmann, Sylvie Guillaume, Jytte Guteland, Martin Hojsík, Evin Incir, Aurore Lalucq, Martina Michels, Piernicola Pedicini, Sira Rego, Daniela Rondinelli, Günther Sidl, Kathleen Van Brempt, Nikolaj Villumsen, Mick Wallace, Marco Zullo
B9‑0091/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-31 ta' Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta' proġetti ta' interess komuni
(C(2019)07772 - 2019/2907(DEA))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2019)07772),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 3(4) u 16(5) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/540 tat-23 ta' Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta' proġetti ta' interess komuni[3],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Madrid, Spanja (COP25)[5],
– Wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019 li japprovaw l-objettiv li tinkiseb UE newtrali għall-klima sal-2050,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali[6],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2001)0640),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew[7],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 111(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2015, approvat fil-21 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ("il-Ftehim ta' Pariġi"), jorbot lill-Partijiet biex iżommu t-temperatura medja globali ferm taħt iż-2°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u jsegwu l-isforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1,5°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali;
B. billi l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-karburanti fossili huma l-akbar kontributur għat-tibdil fil-klima; billi l-infrastruttura ġdida għall-gass hija maħsuba biex iddum mill-anqas 40 sa 50 sena u f'xi każijiet saħansitra aktar fit-tul; billi l-Kummissjoni nnutat li r-raba' lista ta' proġetti ta' interess komuni ma kinitx soġġetta għal valutazzjoni tas-sostenibbiltà jew tal-klima;
C. billi l-kostruzzjoni ta' proġetti ġodda tal-infrastruttura tal-gass elenkati fir-regolament delegat tal-Kummissjoni toħloq lock-in ġdid tal-karburanti fossili, li huwa inkompatibbli mal-impenji skont il-Ftehim ta' Pariġi;
D. billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Parlament jitlob li ssir "reviżjoni tal-linji gwida dwar l-enerġija trans-Ewropea (TEN-E) qabel ma tiġi adottata l-lista li jmiss ta' proġetti ta' interess komuni (PCI) biex il-qafas leġiżlattiv jiġi allinjat mal-prijorità ta' implimentazzjoni ta' grilja intelliġenti u biex ma jitħalliex li jseħħ intrappolament f'investimenti li jinvolvu ħafna karbonju"; billi fil-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2019 adottata fl-ewwel qari dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li tħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014, l-Artikolu 27(2) jipprevedi li "l-Kummissjoni għandha tevalwa l-effikaċja u l-koerenza politika tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 u tippreżenta evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultat ta' din ir-reviżjoni sal-31 ta' Diċembru 2020." F'dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, fost l-oħrajn, il-miri tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima għall-2030, l-impenn fit-tul tal-UE għad-dekarbonizzazzjoni, u l-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel". L-evalwazzjoni tista', fejn xieraq, tkun akkumpanjata minn proposta leġiżlattiva biex jiġi rivedut dak ir-Regolament;
E. billi l-Parlament jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex fil-lista tal-Unjoni ta' proġetti ta' interess komuni żżomm numru stabbli ta' proġetti tal-elettriku, li huma meħtieġa biex b'mod effikaċi jwittu t-triq għat-tranżizzjoni tal-enerġija Ewropea;
F. billi huwa kruċjali li jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-provvista u l-indipendenza enerġetika, iżda billi l-istimi eċċessivi, il-kapaċità żejda u l-installazzjonijiet mhux użati ser iwasslu biss għal tariffi ogħla, li jxekklu l-kompetittività tal-industriji tal-Unjoni u jgħollu l-kontijiet tal-enerġija għaċ-ċittadini kollha;
1. Joġġezzjona għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-Regolament delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta att delegat ġdid li jevita l-kostruzzjoni ta' kull infrastruttura tal-karburanti fossili ġdida b'konsegwenzi ta' lock-in potenzjali u li jkun kompletament kompatibbli mal-impenji tal-Istati Membri skont il-Ftehim ta' Pariġi;
4. Jenfasizza l-ħtieġa li r-Regolament (UE) Nru 347/2013 jiġi rivedut sal-31 ta' Diċembru 2020 u li fl-istess ħin jinħarġu linji gwida dwar l-infiq taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, kif ukoll għall-għażla ta' proġetti għall-ħames lista ta' proġetti ta' interess komuni skont l-impenji tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont il-Ftehim ta' Pariġi;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.
- [2] ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.
- [3] ĠU L 90, 6.4.2018, p. 38.
- [4] ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1.
- [5] Testi adottati, P9_TA(2019)0079.
- [6] Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
- [7] Testi adottati, P9_TA(2020)0005.