Proċedura : 2020/2616(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0143/2020

Testi mressqa :

B9-0143/2020

Dibattiti :

PV 16/04/2020 - 17
CRE 16/04/2020 - 17

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0054

<Date>{14/04/2020}14.4.2020</Date>
<NoDocSe>B9‑0143/2020</NoDocSe>
PDF 162kWORD 50k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID‑19 u l-konsegwenzi tagħha</Titre>

<DocRef>(2020/2616(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Dacian Cioloş</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0143/2020

B9‑0143/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID‑19 u l-konsegwenzi tagħha

(2020/2616(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi t-tifrix tal-virus qed jolqot il-ħajja ta' kull Ewropew, u huwa prova għalina bħala Unjoni;

B. billi l-kura tas-saħħa hija, fuq kollox, kompetenza nazzjonali, u l-UE tista' tgħin fil-koordinament tal-azzjonijiet tal-Istati Membri iżda ma tistax taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess;

C. billi bl-ekonomija tagħna ffriżata, l-effetti tat-taqlib konsegwenti fuq iċ-ċittadini Ewropej, dawk li jaħdmu għal rashom, in-negozji u l-ħaddiema Ewropej se jkunu drammatiċi u bla qies;

D. billi s-solidarjetà mhijiex għażla iżda obbligu fl-ambitu tat-Trattati;

E. billi dan hu mument ta' verità għall-Unjoni Ewropea li se jiddetermina l-ġejjiena tagħha;

1. Jesprimi l-iktar sogħba profonda tiegħu għat-telf tal-ħajjiet u t-traġedja umana li l-pandemija ġabet magħha għall-Ewropej u qrabathom u għaċ-ċittadini madwar id-dinja kollha, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lil dawk kollha li tilfu li xi ħadd għażiż għalihom; jesprimi l-kumpassjoni sinċiera tiegħu ma' dawk li huma morda u jixtiqilhom fejqan ta' malajr;

2. Jagħti ġieħ lil dawk kollha li qed jaħdmu fl-ewwel linja biex jiġġieldu l-pandemija, bħat-tobba u l-infermiera; jesprimi gratitudni sinċiera lill-eroj anonimi kollha li jaqdu dmirijiet essenzjali, bħal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-ikel u t-twassil tiegħu, l-edukazzjoni, l-agrikoltura, it-trasport u l-ġbir tal-iskart biex iżommu għaddejjin il-ħajja u s-servizzi pubbliċi u biex jiggarantixxu aċċess għal prodotti essenzjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri għall-ħaddiema kollha fl-ewwel linja ta' din l-epidemija, b'mod partikolari l-persunal mediku tal-ewwel linja, billi jimplimentaw miżuri nazzjonali xierqa u koordinati, inkluż il-forniment ta' biżżejjed tagħmir protettiv personali (PPE); jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri;

3. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' dawk l-Istati Membri li ntlaqtu l-aktar mill-virus, u mall-pajjiżi l-oħra kollha li qed iħabbtu wiċċhom mal-effetti tal-pandemija; jesprimi l-aktar solidarjetà sinċiera tiegħu ma' dawk li tilfu xogħolhom u dawk li l-ħajja professjonali tagħhom inqalbet ta' taħt fuq minħabba l-pandemija; jenfasizza li l-UE mhi se tħalli lil ebda pajjiż waħdu;

4. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' ħila inizjali tal-UE li taġixxi b'mod kollettiv; jitlob li l-azzjonijiet futuri kollha meħuda mill-Istati Membri jkunu ggwidati mill-prinċipju fundatur tal-Unjoni tas-solidarjetà u l-kooperazzjoni leali; jemmen li l-kriżi tal-COVID‑19 aċċentwat l-importanza ta' azzjoni Ewropea konġunta; jenfasizza l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ir-riżorsi komuni biex jiġġieldu l-pandemija u l-konsegwenzi tgħha, iżda dan unikament meta jaħdmu spalla ma' spalla; jirrikonoxxi li l-Istati Membri, wara li aġixxew b'mod unilaterali fil-bidu tal-kriżi, issa jifhmu li l-kooperazzjoni, il-fiduċja u s-solidarjetà huma l-uniku mezz biex tintrebaħ din il-kriżi;

5. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jaġixxu flimkien biex jiżguraw li l-Unjoni toħroġ aktar soda minn din il-kriżi; jenfasizza li l-Parlament se jikkopera mal-istituzzjoni l-oħra tal-UE biex isalva l-ħajjiet, jipproteġi l-impjiegi u n-negozji, u jmexxi l-irkupru ekonomiku, u li se jkun lest biex iżommhom responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;

Is-solidarjetà u l-azzjoni Ewropej fis-settur tas-saħħa

6. Jilqa' s-solidarjetà Ewropea fl-azzjoni murija mill-Istati Membri li qed jikkuraw pazjenti minn Stati Membri oħra, ifornu tagħmir għall-kura tas-saħħa, inkluż permezz ta' inizjattivi ta' akkwist konġunt u ta' kumulazzjoni ta' riżervi, jew ir-ripatrijazzjoni ta' ċittadini; jenfasizza li l-fruntieri jeħtieġ li jibqgħu miftuħin fi ħdan l-UE għaċ-ċirkulazzjoni ta' PPE, ikel, mediċini, apparat mediku, prodotti derivati mid-demm u organi; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi faċilitata l-mobilizzazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa u jitlob l-iskjerar tal-Korp Mediku Ewropew biex jipprovdi assistenza medika; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat it-trasport ta' pazjenti minn sptarijiet mgħobbijin żżejjed fi Stat Membru partikolari lejn ieħor li jkun għad għandu kapaċità disponibbli;

7. Jitlob tisħiħ sostanzjali tal-baġit u l-persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-kompetenzi tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini sabiex dawn ikunu jistgħu jikkoordinaw ir-risponsi mediċi fi żminijiet ta' kriżi;

8. Jitlob li jinħoloq mekkaniżmu Ewropew ta' rispons sanitarju biex iħejji u jirrispondi aħjar b'mod komuni u kkoordinat għal kwalunkwe tip ta' kriżi tas-saħħa jew sanitarja li titfaċċa fil-livell tal-UE sabiex tkun protetta s-saħħa taċ-ċittadini tagħna;

9. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-elementi kollha tal-ġestjoni tal-kriżijiet u r-rispons għad-diżastri, u biex issaħħaħ b'mod ulterjuri strumenti bħal RescEU biex ikun żgurat rispons ġenwinament komuni, koordinat u effettiv fil-livell tal-UE; jemmen li l-ġestjoni tar-riskju, l-istat tat-tħejjija u l-prevenzjoni tad-diżastri fil-livell Ewropew għandhom jitjiebu flimkien ma' tagħmir, materjal u ħażniet ta' mediċini komuni, sabiex jippermettu l-mobilizzazzjoni rapida tagħhom biex jipproteġu l-ħajjiet u l-għajxien taċ-ċittadini tal-UE;

10. Jistieden lill-Istati Membri talloka l-fondi kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni disponibbli għal inizjattivi tar-riċerka li għandhom l-għan li jifhmu l-marda u jħaffu l-pass tal-ittestjar tad-dijanjożi u l-iżvilupp tal-vaċċin; jemmen li r-riċerkaturi, l-SMEs innovattivi u l-industrija Ewropej għandhom jingħataw l-appoġġ kollu li jeħtieġu biex tinstab kura;

11. Jenfasizza l-ħtieġa immedjata ta' aktar azzjoni għall-SMEs, għajnuna biex ikun jistgħu iżommu l-impjiegi u jiġġestixxu l-likwidità tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet prudenzjali u superviżorji Ewropej, kif ukoll lill-Istati Membri, jesploraw l-għażliet kollha biex inaqqsu l-piż minn fuq l-SMEs; jitlob strateġija orizzontali Ewropea għall-irkupru tal-SMEs biex tappoġġahom billi jiġu mnaqqsa l-burokrazija u l-ispejjeż tal-aċċess għall-finanzji, u billi jitrawmu investimenti fi ktajjen ta' valur strateġiċi f'konformità mal-Patt Ekoloġiku; 

12. Jemmen li l-UE jeħtiġilha taħtaf l-opportunità u terġa' tieħu f'idejha l-kontroll teknoloġiku f'oqsma strateġiċi bħall-ingredjenti farmaċewtiċi attivi li huma essenzjali għall-manifattura tal-mediċia, u b'hekk tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq pajjiżi terzi mingħajr ma ddgħajjef il-vantaġġi li l-ekonomiji miftuħa jidderivaw mill-kummerċ internazzjonali;

13. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tesplora u tikkunsidra l-possibbiltà tat-tneħħija ta' kwalunkwe ostakolu ma' pajjiżi terzi dwar prodotti essenzjali biex tindirizza din il-kriżi - bħal tagħmir mediku, sanitizzatur tal-idejn, sapun tal-idejn, maskri tal-wiċċ u mediċini - sabiex tagħmilhom aktar disponibbli fl-UE kollha kemm hi;

14. Jissottolinja li l-pandemija m'għandhiex fruntieri jew ideoloġiji u li hi meħtieġa l-kooperazzjoni u s-solidarjetà tal-komunità internazzjonali kollha u tisħiħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; iqis li hu essenzjali għall-UE li titlob iċ-Ċina tixħet dawl komplut fuq din il-pandemija, iż-żmien tal-emerġenza tagħha u l-prezz uman reali tagħha; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u l-appoġġ għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, għall-eqreb ġirien tagħna fil-viċinati u s-sħab tal-Lvant u tan-Nofsinhar, u għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikulari l-Afrika;

Soluzzjonijiet Ewropej biex jiġu mirbuħa l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali

15. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi pakkett massiv ta' rkupru u rikostruzzjoni għall-investiment biex jappoġġa l-ekonomija tal-Ewropa wara l-kriżi, lil hinn minn dak li qed jagħmlu diġà l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) il-ġdid; jemmen li pakkett ta' dan it-tip għandu jitħaddem għat-tul taż-żmien li jdum it-taqlib ekonomiku kkawżat minn din il-kriżi; iqis li l-istrument meħtieġ ikun iffinanzjat minn QFP miżjud, il-fondi u l-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE, u bonds ta' rkupru ggarantiti mill-baġit tal-UE; hu tal-fehma li dan il-pakkett m'għandux jinvolvi l-mutwalizzazzjoni ta' dejn eżistenti, u għandu jkun orjentat lejn investiment futur;

16. Jisħaq fuq il-fatt li dan il-pakkett ta' rkupru u rikostruzzjoni għandu jagħti spinta lill-ekonomija, itejjeb ir-reżiljenza tagħha u joħloq l-impjiegi, filwaqt li fl-istess ħin jgħin it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp ekonomiku, inkluża l-awtonomija strateġika, tal-kontinent tagħna, u jgħin l-implimentazzjoni tal-istrateġija industrijali tagħna u t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet tagħna; ifakkar fl-importanza ewlenija tal-Patt Ekoloġiku f'dan ir-rigward, u l-ħtieġa li nallinjaw ir-rispons tagħna mal-objettiv tan-newtralità klimatika;

17. Jinsisti għaldaqstant fuq l-adozzjoni ta' QFP ambizzjuż b'baġit akbar f'konformità mal-objettivi tal-Unjoni, l-impatt ipproġettat tal-kriżi fuq l-ekonomiji tal-UE u l-aspettattivi taċ-ċittadini dwar valur miżjud Ewropew, b'aktar flessibbiltà u sempliċità f'kif nużaw il-fondi għar-rispons tal-kriżijiet, u li jkun mgħammar b'karatteristiċi kontroċikliċi; jitlob, barra minn hekk, reviżjoni tal-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tas-sistema ta' riżorsi proprji sabiex tikseb biżżejjed lok għal manuvrar fiskali u tiżgura possibilità aħjar ta' previżjoni, kapaċità għal azzjoni u inqas esponiment għal perikli nazzjonali;

18. Jissottolinja l-urġenza li tingħata għajnuna lill-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma' nfiq straordinarju addizzjonali biex jevitaw kriżi ġdida tad-dejn sovran;  jenfasizza r-rwol li l-BEI, l-MES u faċilità temporanja msejsa fuq l-Artikolu 122 tat-TFUE, simili għall-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) għandu jkollhom biex jgħinu l-protezzjoni tal-impjiegi, in-negozji u s-sistemi tal-kura tas-saħħa u għall-varar mill-ġdid tal-ekonomija Ewropea; jenfasizza, madankollu, li l-kapaċità għandha tmur lil hinn mil-limitu massimu attwali tal-QFP tal-UE;

19. Jistieden lill-ministri tal-finanzi taż-żona tal-ewro jattivaw l-EUR 410 biljun tal-MES; ifakkar fil-fatt li din il-kriżi mhix ir-responsabbiltà ta' xi Stat Membru partikolari u li l-objettiv ewlieni għandu jkun il-ġlieda tal-konsegwenzi tat-tifqigħa;

20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-miżuri ta' għajnuna u mitigazzjoni tal-kriżi lill-aktar ċittadini vulnerabbli, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità, il-minoranzi etniċi u l-persuni minn reġjuni remoti u iżolati, inklużi l-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej, permezz ta' fond ta' appoġġ eċċezzjonali apposta ffukat fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa u s-setturi milquta mit-tifqigħa tal-COVID-19, kif ukoll in-nies li jinsabu taħt is-soll tal-esklużjoni soċjali, li kollha għandhom l-ogħla riskju ta' infezzjoni bil-COVID-19 u anke jsofru l-aktar mill-effetti ekonomiċi tal-pandemija; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jinkorporaw analiżi tal-ġeneru fl-isforzi kollha ta' rispons, sabiex jevitaw li jkabbru l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel, u jipprovdu n-nisa f'periklu b'appoġġ ta' emerġenza;

21. Jemmen li l-Istati Membri jeħtieġ li jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-ħaddiema fl-Ewropa, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u dawk li jaħdmu f'pajjiż ieħor, jiġu mħarsa mit-telf tad-dħul u li l-aktar setturi u kumpaniji milquta, b'mod partikulari l-SMEs, ikollhom l-appoġġ u l-likwidità finanzjarja meħtieġa; jilqa' f'dan ir-rigward il-proposta ġdida ta' Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE) tal-Kummissjoni;

22. Iqis li hu tal-akbar importanza li l-fruntieri interni tal-UE jinżammu miftuħa għall-merkanzija; ifakkar li s-suq uniku hu s-sors tal-prosperità u l-benessri kollettivi tagħna, u li huwa element ewlieni tar-rispost immedjat u kontinwu għat-tifqigħa tal-COVID-19; jappoġġa b'qawwa t-talba tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex jippermettu lill-ħaddiema transfruntiera jibqgħu jaqsmu l-fruntieri, b'mod aprtikolari f'setturi fejn il-moviment ħieles kontinwat fl-UE hu meqjus essenzjali; jitlob, f'dan ir-rigward, li jiġu stabbiliti punti tal-qsim tal-fruntieri b'"korsiji ħodor" għat-trasport bl-art (toroq u ferroviji), bil-baħar, bl-ilmijiet interni u bl-ajru;

23. Jissottolinja li din il-kriżi wriet li s-settur agroalimentari, inklużi s-sajd u l-akkwakultura, huwa essenzjali u strateġiku, għax jiżgura li ikel sikur u bi prezz li jintlaħaq jitwassal għand iċ-ċittadini permezz ta' produzzjoni soda u li trendi qligħ fir-reġjuni kollha tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, jimplimentaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-funzjonament adegwat tal-katina tal-provvista agroalimentarja, b'mod speċjali fir-riward tal-faċilitazzjoni ta' impjiegi staġunali u transfruntiera u l-aċċess għall-fatturi ewlenin tal-produzzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tattiva wkoll il-firxa sħiħ ta' appoġġ u miżuri tas-suq eċċeżżjonali taħt ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura[1];

Il-valuri Ewropej u l-istat tad-dritt qatt m'huma fakultattivi

24. Jenfasizza li anke taħt l-istat ta' emerġenza impost b'reazzjoni għall-pandemija tal-coronavirus, l-Istati Membri xorta huma marbuta jirrispettaw il-valuri tal-UE u l-qafas Ewropew tad-drittijiet tal-bniedem, u jridu jiżguraw li ċ-ċittadini jkomplu jgawdu l-istess drittijiet u protezzjoni; jesprimi t-tħassib partikolari dwar il-passi meħuda mill-gvern Pollakk f'dan ir-rigward; jikkundanna b'qawwa d-deċiżjoni tal-gvern Ungeriż li jipprolonga l-istat ta' emerġenza b'mod indefinit u li jissospendi l-parlament nazzjonali tiegħu;

25. Jenfasizza li l-miżuri straordinarji għandhom ikun proporzjonati, soġġetti għal skrutinju regolari mill-parlamenti nazzjonali u limitati fit-tul ta' żmien tagħhom, u li dan it-tip ta' miżuri għandhom ukoll jirrispettaw il-kontrokontrolli ta' demokrazija, inklużi l-indipendenza tal-ġustizzja u l-libertà tal-mezzi tax-xandir. jenfasizza li l-kontrolli fil-fruntieri u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment iridu jibqgħu proporzjonati u eċċezzjonali, u li l-libertà ta' moviment fi ħdan iż-żona Schengen għandha terġa' tiġi stabbilita malli jitqies li jkun fattibbli;

26. Jitlob rispett sħiħ tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-liġi tal-asil Ewropea; jindika li sau dispożizzjonijiet għall-ilqugħ ta' persuni li jfittxu asil f'kundizzjonijiet sanitarji xierqa, b'attenzjoni partikolari għall-migranti li qed jaslu fil-Gżejjer Griegi;

27. Jieħu nota tal-pjan tal-Kummissjoni li titlob lill-fornituri tat-telekomunikazzjonijiet li jgħaddu d-data anonimizzata u aggregata sabiex tillimita t-tifrix tal-coronavirus, ta' programm nazzjonali tar-rintraċċar diġà fis-seħħ, u tal-introduzzjoni ta' apps li jippermettu lill-awtoritajiet jimmonitorjaw il-movimenti, il-kuntatti u d-data tas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippubblikaw id-dettalji ta' dawn l-iskemi u jippermettu skrutinju pubbliku u sorveljanza sħiħa mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data; jinnota li d-data ta' lokalizzazzjoni mobbli taċ-ċittadini tista' tiġi pproċessata biss meta tkun anonimizzata għalkollox u b'mod irriversibbli, jew bil-kunsens liberu tal-individwi; jistenna li l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej jikkonformaw għalkollox mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza, u li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jinfurzawha;

28. Jenfasizza li d-diżinformazzjoni dwar il-COVID‑19 f'dan il-waqt hija problema maġġuri tas-saħħa pubblika; iħeġġeġ lill-UE tistabbilixxi kanal ta' informazzjoni Ewropew, fil-lingwi uffiċjali kollha, biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha għandhom aċċess għal informazzjoni preċiża u verifikata;  jemmen li l-ECDC għandu jkun inkarigat mill-kooordinament u l-allinjament tad-data tal-Istati Membri biex jitjiebu l-kwalità u l-kumpatabbiltà;

29. Jenfasizza li l-UE jeħtieġ issir aktar reżiljenti kontra l-kriżijiet b'mod ġenerali, tibqa' ħielsa minn influwenza politika u ekonomika indebita, bħal pereżempju mir-Russja u ċ-Ċina, u trid tkun lesta li tikkomunika b'mod strateġiku, tiġġiled id-diżinformazzjoni esterna, l-aħbarijiet foloz u l-attakki ċibernetiċi, u tadatta kontinwament għax-xenarju ġeopolitiku li jinbidel;

Unjoni Ewropea ta' wara l-kriżi li tkun aktar b'saħħitha u li tieħu azzjoni aktar effettiva għaċ-ċittadini tagħha

30. Jesprimi l-intenzjoni soda tiegħu li jagħmel kulma jeħtieġ biex l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha joħorġu mill-kriżi, u jistieden lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-UE jagħmlu użu immedjat mid-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tat-Trattati u jaġixxu hekk fl-ispirtu tas-solidarjetà; ifakkar fil-fatt li din il-kriżi ħadd ma ħoloqha hu, u li m'għandha tkisser lil ħadd;

31. Jemmen li l-pandemija wriet il-limiti tal-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi b'mod deċiżiv u wriet in-nuqqas ta' setgħat eżekuttiv u baġitarji tal-Kummissjoni; jemmen li l-Unjoni jeħtiġilha tgħaddi minn riforma profonda u adegwata b'rispons għal dan; iqs li hu meħtieġ f'din l-urġenza li tiġi attivata l-klawżola 'passarelle' ġenerali biex tħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kwistjonijiet kollha li jistgħu jgħinu l-indirizzar tal-isfidi tal-kriżi tas-saħħa attwali;

32. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwarrbu ma' ġenb id-differenzi tagħhom u jaġixxu fl-interess komuni u fl-ispirtu tas-solidarjetà; jitlobhom jagħmlu użu immedjat tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattati biex jaġixxu skont dan;

33. Jenfasizza li l-Unjoni jeħtieġ tkun imħejjija biex tibda riflessjoni profonda ta' kif issir aktar effettiva u demokratika, u li l-kriżi attwali saħansitra żżid l-urġenza ta' din ir-riflessjoni; jemmen li l-Konferenza ppjanata dwar il-Futur tal-Ewropa hija l-forum xieraq biex dan isir; huwa għaldaqstant tal-fehma li l-Konferenza jeħtieġ li titlaqqa' malajr kemm jista' jkun u li din jeħtieġ tressaq proposti ċari, fosthom billi tinvolvi ċ-ċittadini b'mod dirett, għal riforma profonda tal-Unjoni Ewropea, li tagħmilha aktar effettiva, solidari, demokratika, sovrana u reżiljenti;

34. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu fuq spallejha r-responsabbiltà tagħha msejsa fuq it-Trattati, u tieħu inizjattivi kuraġġużi;

35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Presidenza fil-Kariga tal-Kunsill.

[1] ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1.

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza