Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0147/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0147/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha

14.4.2020 - (2020/2616(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Philippe Lamberts
f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0143/2020

Proċedura : 2020/2616(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0147/2020
Testi mressqa :
B9-0147/2020
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9-0147/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha

(2020/2616(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-kriżi tal-COVID-19, li swiet il-ħajja ta' aktar minn mitt elf persuna madwar id-dinja kollha, b'aktar minn nofshom fl-UE, u li rrikjediet limitazzjonijiet straordinarji fuq l-attività ekonomika u soċjali, tirrappreżenta xokk eżoġenu u simettriku għas-sistemi tas-saħħa, is-soċjetajiet u l-ekonomiji tal-UE ta' proporzjonijiet bla preċedent li jitlob rispons tal-UE mingħajr preċedent fid-daqs, fil-kamp ta' applikazzjoni u fis-solidarjetà;

B. billi l-fiduċja fl-UE tal-persuni fi ħdanha tiddependi kruċjalment fuq ir-rieda u l-kapaċità tal-UE u l-Istati Membri tagħha li jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-ispejjeż tas-saħħa, soċjali u ekonomiċi tal-kriżi jittaffew kemm jista' jkun u jinġarru minn dawk li l-aktar jistgħu jagħmlu dan;

C. billi r-rispons fl-UE għall-pandemija tal-COVID-19 s'issa kien ikkaratterizzat minn nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri f'termini ta' miżuri tas-saħħa pubblika, inklużi restrizzjonijiet fuq il-moviment kemm ġewwa l-fruntieri kif ukoll transfruntier tal-persuni u s-sospensjoni ta' drittijiet u liġijiet oħra;

D. billi l-Istati Membri milquta bl-akbar impatt ekonomiku u fuq is-saħħa pubblika għadhom ma rċevewx materjal loġistiku u appoġġ finanzjarju suffiċjenti minn dawk l-Istati Membri f'pożizzjoni li jipprovduhom;

E. billi l-ebda Stat Membru ma għandu jiġi mfixkel fl-isforzi tiegħu li jiffaċċja l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u relatati mas-saħħa pubblika tal-COVID-19 bil-prospett ta' dejn addizzjonali mhux sostenibbli jew kundizzjonijiet stretti għal assistenza finanzjarja, minbarra l-użu tiegħu għan-nefqa relatata mal-kriżi;

F. billi l-kriżi tal-COVID-19 ġewwa l-fruntieri tal-UE ma tfissirx li l-UE tista' tinjora r-responsabbiltajiet tagħha lejn dawk li jinsabu fil-bżonn fil-fruntieri tagħha u lil hinn minnhom;

G. billi l-kriżi tal-COVID-19 żvelat nuqqas fundamentali ta' reżiljenza fis-sistema ekonomika tal-UE u dik internazzjonali, speċjalment fir-rigward tal-ktajjen ta' provvista twal u s-sistemi ta' kunsinna eżatt fil-ħin għal provvisti mediċi kritiċi u oġġetti essenzjali oħra, li jrid jiġi rimedjat sabiex jittaffew l-effetti ta' tali kriżijiet;

H. billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew, mhux talli mhuwiex kapriċċ fl-isfond tal-kriżi, talli għandu jkun il-pedament ta' programm massiv ta' investiment u trasformazzjoni li jgħin lill-UE tirkupra ekonomikament mill-kriżi u tibni reżiljenza ambjentali, soċjali u ekonomika sabiex tkun ippreparata għall-futur;

Rispons magħqud u deċiżiv għal kriżi komuni

1. Jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu ma' dawk kollha li ġew infettati bil-virus u li qed jiġġieldu għal ħajjithom, kif ukoll mal-familji u l-ħbieb tagħhom; jaqsam in-niket ta' dawk li tilfu l-maħbubin tagħhom minħabba l-virus;

2. Ifaħħar lill-għexieren ta' eluf ta' persuni, dawk bi professjonijiet mediċi u bi professjonijiet li joffru servizzi essenzjali oħra, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-voluntiera individwali li qed jagħtu ħinhom, ħafna drabi b'riskju kbir għall-benesseri tagħhom stess, biex jgħinu lil dawk milquta mill-COVID-19 madwar l-UE;

3. Jilqa' b'sodisfazzjon is-sinjali ta' solidarjetà li rajna fost il-pajjiżi u r-reġjuni; fl-istess ħin, jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' solidarjetà li wrew ċerti Stati Membri matul din il-kriżi, b'mod partikolari l-Istati Membri milquta l-aktar mis-sitwazzjoni attwali;

4. Ifaħħar il-kreattività u l-veloċità fir-rispons għall-kriżi murija minn bosta kumpaniji privati; jiddeplora, madankollu, it-tentattivi minn xi wħud biex jipproteġu jew jippromwovu interessi privati dojoq għad-detriment tal-ġlieda kontra l-COVID-19 u jisfruttaw il-biżgħat leġittimi tal-popolazzjoni;

5. Jirrikonoxxi li din il-kriżi, bħal oħrajn qabilha, tenfasizza r-rwol fundamentali tal-istat bħala l-garanti tal-interess ġenerali tas-soċjetajiet tagħna, b'mod partikolari bħala assiguratur u investitur tal-aħħar istanza kemm għall-unitajiet domestiċi kif ukoll għall-kumpaniji;

6. Jenfasizza li, f'dan il-mument kritiku, in-nies kollha li jgħixu fl-Unjoni Ewropea jistennew u jistħoqqilhom serħan il-moħħ li l-mexxejja politiċi fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politika, flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE, se jaġixxu b'mod deċiżiv u b'solidarjetà sħiħa ma' xulxin biex jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ biex tingħeleb it-theddida komuni tal-COVID-19 għas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna;

7. Jafferma li n-nuqqasijiet fil-mod kif nirrispondu b'mod kollettiv għal din il-kriżi, issa u fil-futur, jistgħu jkunu ta' ħsara irrimedjabbli għall-koeżjoni tas-soċjetajiet tagħna, għas-saħħa tad-demokraziji tagħna, għall-eżistenza nnifisha tal-proġett Ewropew u għall-kapaċità kollettiva tagħna li nindirizzaw l-isfidi ambjentali li se nkunu qed niffaċċjaw għal żmien twil;

8. Ifakkar li l-benesseri tal-poplu tagħha huwa r-raġuni proprja għall-eżistenza tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, jinsisti bil-qawwa li l-miżuri kollha li jittieħdu għandhom jagħtu prijorità lill-ħtiġijiet ta' dawk in-nies, ir-reġjuni u l-pajjiżi milquta l-aktar mill-aspetti mediċi, soċjali u ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19 sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla lura u li l-inugwaljanzi jitnaqqsu, mhux jiżdiedu, bir-rispons għall-kriżi jew bin-nuqqas tiegħu;

9. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jaħsbu barra mill-qafas tal-limiti istituzzjonali awtoimposti u jkunu magħqudin, kuraġġużi u kreattivi biex isibu u jwasslu l-mezzi mediċi, soċjali u ekonomiċi biex tingħeleb il-COVID-19; jilqa', f'dan ir-rigward, l-azzjonijiet li ttieħdu diġà, bħas-sospensjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir mill-Kummissjoni u l-pjan ta' stimolu – Programm ta' Xiri ta' Emerġenza għall-Pandemija – tal-BĊE ta' EUR 750 biljun;

10. Jinsisti li s-suq uniku, mhux talli mhuwiex ta' xkiel, talli jista' u għandu jintuża biex jiġu salvati l-ħajjiet billi jiġi ffaċilitat il-moviment tal-prodotti, is-servizzi u l-ħaddiema essenzjali;

11. Jirrifjuta bil-qawwa kwalunkwe ċediment tal-kisbiet demokratiċi, soċjali, ekonomiċi u ambjentali mirbuhħa b'mod iebes mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minħabba din il-kriżi, u għall-kuntrarju jinsisti li l-isforzi jiġu rduppjati biex jitkompla l-progress fuq dawk il-kisbiet;

12. Jikkundanna kwalunkwe tentattiv minn gvernijiet ġewwa u barra l-UE, permezz ta' miżuri ta' emerġenza jew propaganda, li jużaw il-kriżi tal-COVID-19 bħala skuża biex jirrestrinġu jew ifixklu d-drittijiet fundamentali u d-demokrazija fl-insegwiment ta' interessi politiċi domestiċi u globali dojoq permezz ta' miżuri li ma jkunux ġustifikati jew proporzjonati mal-effetti tal-COVID-19; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jopponu b'mod vigoruż din l-imġiba;

13. Jitlob li, fl-irkupru mill-kriżi, l-istituzzjonijiet tal-UE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, jieħdu l-passi meħtieġa biex jidentifikaw malajr u jirrimedjaw b'mod effettiv id-dgħufijiet żvelati fil-mekkaniżmi tal-UE għal rispons magħqud u effettiv għall-kriżijiet; jenfasizza li dan jinkludi titjib mhux biss f'dak li jirrigwarda l-istat ta' tħejjija, it-teħid ta' deċiżjonijiet u l-kondiviżjoni tar-riżorsi u tal-piżijiet fil-livell tal-UE, iżda wkoll, u l-aktar importanti, ir-reżiljenza strutturali sottostanti għal kriżijiet kbar li jaffettwaw l-ekonomiji u s-servizzi pubbliċi fl-UE;

14. Jinsisti li l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija Diġitali Ewropea għandhom ikunu fuq quddiem nett tal-istrateġija ta' rkupru wara l-kriżi; jenfasizza li programm ta' investiment imsaħħaħ biex jinħolqu infrastrutturi fiżiċi u diġitali ġodda u sistemi effiċjenti ħafna fl-użu tar-riżorsi għall-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu (mill-ġdid) tal-enerġija, l-ikel, il-prodotti u s-servizzi jtejjeb bil-kbir ir-reżiljenza tal-UE għall-emerġenzi ġeopolitiċi, ekonomiċi u tas-saħħa fil-ġejjieni;

Protezzjoni ta' dawk kollha li jgħixu fl-UE, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, mill-effetti tal-kriżi

15. Jenfasizza li huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet tal-UE li jikkoordinaw l-informazzjoni, id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet kritiċi tal-Istati Membri mmirati lejn il-protezzjoni ta' dawk l-aktar vulnerabbli mill-effetti soċjali u ekonomiċi devastanti tal-kriżi tal-COVID-19 u jinsisti li din għandha tkun il-prijorità f'dawn iż-żminijiet;

16. Jilqa' l-inizjattivi ta' solidarjetà, bħall-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u r-riżorsi mediċi, li fihom bosta pajjiżi u reġjuni involvew ruħhom matul dawn l-aħħar ġimgħat; jiddispjaċih bil-qawwa, madankollu, dwar in-nuqqas ta' atti fil-pront u kollettivi ta' solidarjetà mill-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tal-Italja, li s-sejħa tagħha għal provvisti mediċi waqgħet fuq widnejn torox, u lejn Spanja, li wkoll ġiet affettwata b'mod gravi mis-sitwazzjoni attwali;

17. Jitlob li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE biex, flimkien mal-istati ġirien, jikkoordinaw bejniethom ħalli jaċċertaw il-produzzjoni u d-distribuzzjoni l-aktar strateġiċi ta' provvisti mediċi, l-iskambju ta' informazzjoni u għarfien espert, l-appoġġ ekonomiku u l-kontinwazzjoni taċ-ċirkolazzjoni libera tal-oġġetti sabiex jiġi żgurat l-issodisfar tal-ħtiġijiet bażiċi;

18. Jenfasizza li l-UE għandha tgħin lill-gvernijiet tal-Istati Membri fl-akkumunament tal-aħjar prattiki u l-għoti ta' appoġġ immirat lil gruppi u individwi li jkunu soċjalment iżolati, dawk li jkollhom ċerti kundizzjonijiet mediċi preeżistenti, il-persuni bla dar, l-anzjani, id-detenuti u dawk, bħar-Rom, li huma marġinalizzati jew li jġarrbu diskriminazzjoni u inugwaljanzi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa; jenfasizza, b'mod partikolari, li għandha tiġi aċċertata l-kontinwità fl-għoti tal-kura u l-assistenza personali lill-persuni b'diżabilità;

19. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri mmirati biex jipproteġu lill-persuni mingħajr dar u jipprovdu assistenza finanzjarja lill-NGOs u lill-awtoritajiet lokali li jipprovdu servizzi ta' assistenza tal-ewwel linja;

20. Jinsisti li l-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-preżentazzjoni kemm tal-informazzjoni relatata mas-saħħa kif ukoll tal-iformazzjoni ġenerali relatata mas-sikurezza pubblika tkun ċara u sempliċi, u f'formati li jkunu aċċessibbli u li jkunu jistgħu jintużaw minn persuni b'diżabbiltà;

21. Jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jagħmlu disponibbli u effettivament aċċessibbli kull mezz possibbli ta' appoġġ finanzjarju għall-mijiet ta' eluf ta' persuni madwar l-UE li l-mezzi ta' għajxien tagħhom intilfu jew ġew sostanzjalment imfixkla minħabba din il-kriżi;

22. Jinsisti li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju pubbliku pprovdut lill-kumpaniji sabiex jiġu miġġielda l-effetti ekonomiċi tal-COVID-19 jiġi pprovdut biss jekk il-finanzjament jintuża għall-benefiċċju tal-impjegati u l-kumpaniji reċipjenti ma jħallsux dividendi u ma joffrux skemi ta' xiri lura ta' ishma sakemm ikunu qed jirċievu dan l-appoġġ;

23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw regoli tat-telekomunikazzjoni attwali li jirrikjedu li jkun hemm servizz tal-internet broadband affordabbli u adegwat disponibbli kemm għal dawk kollha meħtieġa jaħdmu mid-dar, kif ukoll għat-tfal u l-istudenti li għandhom bżonn jistudjaw u oħrajn li għandhom bżonn jiżolaw lilhom infushom; jinsisti li għandu jiġi żgurat aċċess għas-servizzi diġitali meħtieġa għax-xogħol, l-edukazzjoni, l-informazzjoni essenzjali, il-provvisti essenzjali u s-servizzi pubbliċi u privati essenzjali għal kulħadd, irrispettivament mis-sitwazzjoni ekonomika jew soċjali tagħhom;

24. Jieħu nota taż-żieda fl-għadd ta' attakki ċibernetiċi kontra individwi, organizzazzjonijiet u infrastrutturi kritiċi rapportati mill-Europol, il-forom ġodda ta' skemi ta' frodi mmirati lejn persuni vulnerabbli bħall-anzjani, u ż-żieda fil-bejgħ ta' prodotti tal-kura tas-saħħa u prodotti sanitarji, tagħmir ta' protezzjoni personali u prodotti farmaċewtiċi foloz u ta' standard baxx minħabba nuqqas ta' provvisti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu b'mod urġenti miżuri ta' prevenzjoni, inkluż permezz ta' kampanji tal-midja soċjali preventivi, b'enfasi partikolari fuq il-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli;

25. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-pubbliku ġenerali jkun infurmat b'mod kontinwu u xieraq dwar l-imbrolji, b'mod partikolari waqt il-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza l-ħtieġa li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-imbrolji;

26. Jenfasizza li l-politiki implimentati biex tiġi miġġielda din l-emerġenza tas-saħħa, speċjalment ir-rekwiżit li wieħed jibqa' d-dar, għandhom jinkludu perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi u protezzjoni tat-tfal iffokata fuq oqsma fejn in-nisa u t-tfal huma milquta b'mod sproporzjonat mit-tifqigħa tal-coronavirus; jemmen li huwa importanti li jiġi żgurat, b'mod partikolari, li s-servizzi għall-vittmi tal-vjolenza jibqgħu miftuħa u disponibbli u li r-rapporti dwar il-vjolenza sessista ma jitqisux inqas importanti jew jiġu injorati matul dan iż-żmien; jemmen li l-miżuri speċjali għandhom jinkludu t-tisħiħ tas-servizzi ta' linji telefoniċi għall-għajnuna, l-organizzazzjoni ta' netwerks ta' appoġġ u kampanja ta' informazzjoni pubblika ssorveljata mill-Kummissjoni biex il-vittmi u x-xhieda ta' vjolenza domestika jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom; ifakkar fis-sitwazzjoni speċifika tat-tfal migranti, b'mod partikolari f'hotspots fil-Greċja, li huma vulnerabbli ħafna għall-pandemija minħabba l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu d-drittijiet tat-tfal u l-ħtiġijiet partikolari tagħhom meta jadottaw miżuri soċjali, ekonomiċi u post-COVID;

27. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex tiġi ppjanata t-tneħħija gradwali, pragmatika, ibbażata fuq ix-xjenza u kkoordinata madwar l-UE kollha tal-miżuri ta' tbegħid fiżiku u restrizzjonijiet temporanji oħra, inklużi dawk fil-fruntieri bejn l-Istati Membri; jiddispjaċih dwar l-azzjonijiet unilaterali meħuda minn xi Stati Membri f'dan ir-rigward, li jafu jimminaw l-istrateġiji ta' Stati Membri oħra;

28. Jitlob lill-UE tieħu azzjoni biex tipproteġi lill-persuni vulnerabbli, inklużi r-rifuġjati u l-persuni li jfittxu l-ażil, maqbuda f'kundizzjonijiet terribbli fil-fruntieri tal-UE, f'kampijiet fejn huwa impossibbli li jiġu rispettati l-miżuri ta' tbegħid fiżiku, li għandhom jiġu rilokati immedjatament f'postijiet sikuri fl-Istati Membri fejn ikunu jistgħu jaċċessaw il-kura tas-saħħa, irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom;

Solidarjetà u responsabbiltà internazzjonali u drittijiet tal-bniedem

29. Jilqa' l-miżuri li l-UE diġà ħadet biex tappoġġa lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u s-Sħubija tal-Lvant, li għandhom jiġu segwiti b'inizjattivi fit-tul; jitlob b'mod partikolari li l-Fond ta' Solidarjetà tal-UE jkun disponibbli għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u li dawn ikunu eżentati mill-iskema ta' awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni temporanja għal tagħmir protettiv; jinsisti li, b'mod ġenerali, din l-iskema ta' awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għandha tibqa' temporanja u m'għandhiex tiġi estiża;

30. Jistieden lill-UE żżid ir-rispons umanitarju u ta' żvilupp tagħha, b'mod partikolari biex tiffinanzja provvisti mediċi u tas-saħħa u għajnuna alimentari ta' emerġenza, u tippermetti lill-istati Afrikani jintroduċu miżuri lokali biex jappoġġaw in-negozji u jipprevjenu l-kollass tagħhom; jitlob li fil-miżuri kollha ta' għajnuna umanitarja jitqiesu l-aspetti marbuta mal-coronavirus biex jiġi żgurat li l-għoti tal-għajnuna ma joħloqx riskji addizzjonali għal dawk l-aktar vulnerabbli u li jkun hemm fis-seħħ infrastruttura iġjenika minima; jitlob li l-ħtiġijiet tan-nisa jitqiesu b'mod partikolari fir-rispons globali għall-pandemija minħabba li minkejja li n-nisa huma dawk jġorru l-akbar piż tal-kriżi, rarament jiġu rappreżentati meta jkun qed jiġi nnegozjat rispons għal kriżi;

31. Jenfasizza l-vulnerabbiltà kbira tal-popolazzjonijiet li jgħixu f'żoni ta' kunflitt u l-ħtieġa ta' rispons miftiehem fir-rigward tal-prevenzjoni tal-virus u r-rispons għalih; huwa tal-fehma li l-UE għandha tippromwovi b'mod attiv l-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal waqfien mill-ġlied globali immedjat u tħeġġeġ lill-partijiet fil-kunflitt isegwu dan l-appell, jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali u jsibu soluzzjonijiet politiċi dejjiema għall-kunflitti; jemmen li dan l-isforz jeħtieġ jinkludi t-twaqqif ta' kurituri umanitarji u l-waqfien mill-ġlied temporanju biex jiġu żgurati l-kunsinna tal-għajnuna u l-għoti tal-assistenza lill-persuni fil-kampijiet tar-rifuġjati u l-persuni spostati internament; f'dan il-kuntest, ifakkar fil-prinċipji umanitarji ewlenin, inklużi n-newtralità u l-imparzjalità;

32. Jappoġġa t-talba tal-24 Rapporteur Speċjali tan-NU biex jiġi żgurat li l-miżuri ta' protezzjoni mill-COVID-19 li jikkompromettu d-drittijiet tal-bniedem ikunu proporzjonati, meħtieġa, nondiskriminatorji u limitati fiż-żmien, u jitlob lill-UE toħloq mekkaniżmu pubbliku globali ta' drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-COVID-19 għall-monitoraġġ tar-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19 pajjiż pajjiż;

33. Jitlob sessjoni speċjali tal-UNHRC dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet tal-bniedem, u jitlob lill-UE tipparteċipa f'kampanja globali għall-ħelsien tat-trasgressuri meqjusa ta' riskju baxx, b'mod partikolari individwi vulnerabbli, priġunieri politiċi, u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li attwalment jinsabu l-ħabs, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' esponiment għall-virus f'ħabsijiet iffullati żżejjed;

34. Jiddeplora t-tentattivi min-naħa ta' ċerti gvernijiet biex jieħdu vantaġġ mill-kriżi tal-COVID-19 biex jikkonsolidataw it-tmexxija awtoritarja; jikkundanna, b'mod partikolari, il-każijiet kollha ta' ċensura, arrest u intimidazzjoni ta' ġurnalisti, rappreżentati tal-oppożizzjoni, ħaddiema tal-kura tas-saħħa u individwi oħra talli kkritikaw ir-rispons tal-gvern tagħhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jaġixxu fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet kemm b'mod bilaterali kif ukoll mal-ewwel opportunità f'fora internazzjonali u jagħmlu pressjoni biex dawn l-individwi jinħelsu; jistieden lill-istati kollha jużaw teknoloġiji ta' sorveljanza diġitali biex jiġġieldu l-pandemija b'mod li jirrispetta rigorożament l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha jiżguraw aċċess għall-kura tas-saħħa mingħajr diskriminazzjoni;

35. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimxu mat-talba tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u jissospendu l-pagamenti tad-dejn kollha mill-pajjiżi l-aktar foqra lil gvernijiet oħra kif ukoll is-sejħa tal-ministri tal-finanzi Afrikani biex jissospendu l-pagamenti kollha ta' mgħax fl-2020, u l-pagamenti kollha ta' prinċipal u mgħax minn stati fraġli; jemmen li l-pagamenti kollha ta' dejn estern (prinċipal, imgħax u imposti) dovuti fl-2020 għandhom jiġu kkanċellati b'mod permanenti u li l-għoti ta' għajnuna finanzjarja ta' emerġenza ma għandux joħloq dejn;

36. Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi rieżaminata l-kwistjoni tad-dejn sovran tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza l-importanza li jitwaqqaf mekkaniżmu fil-livell tan-NU għar-ristrutturazzjoni tad-dejn pubbliku u jiġi żgurat li l-pajjiżi jkollhom biżżejjed fondi biex isaħħu r-risponsi tas-saħħa pubblika tagħhom; jenfasizza li fiċ-ċirkostanzi attwali l-kundizzjonalità tal-FMI għandha titnaqqas jew tiġi sospiża temporanjament; ifakkar li l-fondi ta' aġġustament strutturali tal-FMI u tal-Bank Dinji rrikjedew tnaqqis fil-baġit tas-servizzi pubbliċi, inkluż is-settur tas-saħħa, u dan wassal għad-deterjorament tas-sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u żied il-vulnerabbiltà tagħhom għall-epidemiji;

37. Jenfasizza li l-UE għandha tikkoopera bis-sħiħ mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u ma' korpi internazzjonali oħrajn biex tiżviluppa rispons mediku effettiv u tistabbilixxi mekkaniżmu għall-ġlieda kontra l-mard perikoluż u tikkondividi l-progress dwar it-tilqim; jinsisti dwar l-inklużjoni tat-Tajwan fil-ħidma tad-WHO;

38. Jafferma mill-ġdid ir-responsabbiltà speċjali tal-UE għall-promozzjoni tad-dritt għal kopertura universali tas-saħħa fl-Istrateġija UE-Afrika, li għandu jkollha l-għan li tikseb drittijiet tal-bniedem bażiċi bħala prijorità, b'mod partikolari l-aċċess universali għal servizzi bażiċi tas-saħħa, tal-ilma u tas-sanità;

Regoli internazzjonali tal-kummerċ

39. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrinunzja t-tariffi tal-importazzjoni kollha fuq tagħmir ta' protezzjoni personali, apparat mediku u oġġetti mediċi oħra direttament relatati;

40. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex joħorġu liċenzji obbligatorji jew tal-gvern li jissospendu l-effett ta' monopolju tal-privattivi u li jippermettu lil oħrajn jipproduċu u jfornu prodotti farmaċewtiċi meħtieġa protetti mill-privattivi, u biex jiffaċilitaw l-importazzjoni ta' mediċini prodotti barra mill-pajjiż taħt liċenzji obbligatorji; jistieden lis-Segretarjat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) joħroġ nota għall-Membri tad-WTO biex jirrilassaw ir-rekwiżit tal-emenda tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) tal-2003 li l-liċenzji obbligatorji jintużaw "b'mod predominanti" għas-swieq lokali, sabiex tkun permessa l-importazzjoni ta' mediċini magħmula taħt liċenzjar obbligatorju f'pajjiżi oħra, speċjalment dawk b'kapaċitajiet ta' produzzjoni akbar;

41. Jistieden lill-Kummissjoni tirrinunzja r-regolamenti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data tat-testijiet kliniċi u l-għoti tal-esklużività tas-suq, li t-tnejn li huma jinterferixxu mal-użu effettiv ta' liċenzjar obbligatorju, sabiex il-produtturi ġeneriċi potenzjali jkunu jistgħu jagħmlu użu mid-data klinika eżistenti biex jappoġġjaw applikazzjonijiet rapidi għall-approvazzjoni; jemmen li kwalunkwe dispożizzjoni TRIPS+ fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE dwar l-esklużività tad-data għandha tiġi temporanjament injorata;

42. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw it-talba tal-Gvern tal-Costa Rica lid-WHO biex toħloq ġabra volontarja tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali relatati mal-coronavirus (inklużi l-privattivi, id-data dwar it-testijiet regolatorji, l-għarfien espert, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet tad-disinn);

Il-protezzjoni tad-demokraziji tagħna fl-UE

43. Jilqa' d-dikjarazzjoni ta' għadd ta' Stati Membri li l-miżuri ta' emerġenza għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju, għandhom ikunu proporzjonati u temporanji, soġġetti għal skrutinju regolari, u jirrispettaw il-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali u l-obbligi tad-dritt internazzjonali u m'għandhomx jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni jew il-libertà tal-istampa; jiddispjaċih li d-dikjarazzjoni tevita li tagħti eżempji speċifiċi;

44. Jikkundanna l-Att Ungeriż XII tal-2020 dwar il-konteniment tal-Coronavirus, li jagħti lill-gvern is-setgħa li jiggverna permezz ta' digriet u sempliċement jinforma, mingħajr lanqas biss jikkonsulta, lill-Parlament Ungeriż u jimponi kastigi ħorox għat-tixrid ta' dak li l-gvern iqis li huwa diżinformazzjoni, kif ukoll leġiżlazzjoni oħra li qed titħejja; iqis li l-att imur kontra t-trattati u l-valuri tal-UE u jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi b'mod espliċitu dan il-pass bħala attakk awtoritarju fuq id-demokrazija Ungeriża u biex tagħmel użu sħiħ mill-għodod disponibbli biex tindirizzah;

45. Jesprimi tħassib dwar l-abbozz ta' liġi Pollakka dwar regoli speċjali għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tal-President tar-Repubblika tal-Polonja fl-2020; ifakkar li l-abbozz jibdel kompletament ir-regoli elettorali xahar qabel l-elezzjonijiet; iqis li l-abbozz ma jikkonformax mal-ġurisprudenza tat-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk u mal-Kodiċi ta' Prassi Tajba fi Kwistjonijiet Elettorali tal-Kummissjoni ta' Venezja; jemmen li f'din is-sitwazzjoni, hemm ir-riskju li l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Polonja f'Mejju ddgħajjef il-prinċipju ta' elezzjonijiet ugwali u ħielsa;

46. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-monitoraġġ tagħha tal-miżuri ta' emerġenza stabbiliti mill-Istati Membri u l-applikazzjoni tagħhom biex tiżgura li l-valuri fundamentali tal-UE jiġu rrispettati u jinsisti li l-Kummissjoni u l-Kunsill iridu jieħdu azzjoni soda – inklużi proċeduri ta' ksur rapidi, applikazzjonijiet għal miżuri interim quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-esplorazzjoni ta' miżuri relatati mal-baġit, l-invokazzjoni tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt, azzjonijiet ulterjuri skont l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) – kontra tentattivi ta' użu ħażin tal-emerġenza tal-coronavirus biex titrażżan id-demokrazija u biex jissikktu l-kritiċi tal-gvernijiet awtoritarji; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jiżgura li s-seduti ta' smigħ skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE li jirrigwardaw l-Ungerija u l-Polonja jindirizzaw ukoll żviluppi ġodda; jitlob li l-Kummissjoni ta' Venezja tagħti opinjoni dwar l-Att Ungeriż XII tal-2020 dwar il-konteniment tal-Coronavirus u dwar l-abbozz ta' liġi Pollakka dwar regoli speċjali għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tal-President tar-Repubblika tal-Polonja fl-2020;

47. Jinsisti li l-azzjonijiet tal-gvernijiet u tal-Kummissjoni jridu dejjem jibqgħu taħt skrutinju pubbliku u parlamentari strett, sabiex jiġi garantit li jiġu rispettati bħala azzjonijiet leġittimi; jenfasizza, għalhekk, li l-parlamenti jeħtieġu jsibu modi biex jibqgħu operattivi filwaqt li jimplimentaw b'mod effettiv ir-rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa pubblika rigward il-COVID-19; jemmen li l-Parlament irid ikun eżempju ewlieni ta' kif il-ħidma u l-votazzjoni diġitali f'każijiet urġenti jistgħu jippreservaw id-demokrazija Ewropea fis-sitwazzjoni ta' emerġenza kkawżata mill-COVID-19;

48. Jilqa' u jappoġġja d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali; jissottolinja li, filwaqt li d-data anonimizzata u aggregata, inkluż min-netwerks tat-telefonija ċellulari, tista' tkun utli biex tiġi vvalutata l-effettività tal-miżuri ta' tbegħid, kwalunkwe intraċċar individwalizzat ibbażat fuq din id-data huwa żejjed, inġustifikabbli u ineffettiv meta mqabbel mal-għażliet perfettament fattibbli għall-kontroll tar-rati ta' infezzjonijiet bħall-obbligu li jintlibsu l-maskri fi spazji pubbliċi magħluqa u bħat-tisħiħ sostanzjali tal-faċilitajiet għall-ittestjar tal-antiġene u tal-antikorpi permezz ta' koordinazzjoni madwar l-UE kollha; jinsisti wkoll li huwa importanti ħafna li jiġu garantiti sorveljanza demokratika u parlamentari u perjodu ta' skadenza definit b'mod ċar għal miżuri ta' emerġenza li jużaw data personali u li jiżguraw li dawn jiġu rtirati hekk kif tonqos l-effettività tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19;

49. Jinnota b'mod pożittiv il-preżentazzjoni tal-qafas pan-Ewropew għat-traċċar tal-kuntatti ta' infezzjonijiet permezz tal-ismartphones, żviluppat minn konsorzju ta' 130 riċerkatur minn 17-il istituzzjoni u msejjaħ "Pan-European Privacy Protecting Proximity Tracing (PEPP-PT)" (Traċċar ta' Prossimità li Jipproteġi l-Privatezza Pan-Ewropew)"; jilqa' dan bħala eżempju ta' privatezza mid-disinn, tal-mod Ewropew li bih tintuża t-teknoloġija u jiġu solvuti problemi soċjetali filwaqt li jiġu ppreservati d-drittijiet fundamentali; jirrimarka, madankollu, li l-valutazzjoni finali tal-qafas tal-PEPP-PT se tiddependi fuq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi eżatti, u li s-servers ċentrali li permezz tagħhom jiġu skambjati t-tokens ta' prossimità aleatorji, sabiex l-utenti jiġu nnotifikati li kienu fi ħdan il-firxa ta' infezzjoni ta' persuna li aktar tard ġiet ittestjata pożittiva għas-SARS-CoV-2, ma jeħtiġux u ma għandhomx għalfejn ikunu jafu kwalunkwe identifikatur stabbli tal-utenti, kemm jekk ikun psewdonomu kif ukoll jekk le; jistieden lill-iżviluppaturi jtejbu l-qafas biex jaderixxu kompletament mal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn kif meħtieġ mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

50. Jenfasizza li kwalunkwe applikazzjoni ta' softwer li tipproċessa informazzjoni personali fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 u li b'xi mod jew ieħor tipproċessa data dwar infezzjonijiet jew data oħra għall-prevenzjoni ta' marda tkun taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni ta' "apparat mediku" skont id-Direttiva tal-Kunsill dwar apparati mediċi u għalhekk ikollha tissodisfa r-rekwiżiti stipulati f'dik id-direttiva, inkluża d-dikjarazzjoni ta' konformità; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-istatus ta' tali applikazzjoni fil-kuntest tal-proposta leġiżlattiva tagħha biex temenda r-Regolament dwar Apparati Mediċi tal-2017, li se jsir applikabbli fis-26 ta' Mejju 2020;

51. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġġieled kontra l-isforzi ta' propaganda aggressivi tar-Russja u taċ-Ċina li qed jisfruttaw il-pandemija tal-COVID-19 bil-għan li jdgħajfu l-UE u jrawmu nuqqas ta' fiduċja fil-popolazzjoni lokali lejn l-UE; jemmen li huwa kruċjali li jkun hemm komunikazzjoni effettiva dwar l-appoġġ finanzjarju, tekniku u mediku tal-UE;

Il-protezzjoni u l-użu tal-benefiċċji tas-suq uniku u l-unjoni monetarja

52. Jitlob li l-Istati Membri li huma l-aktar milquta serjament, kif inhuma bħalissa l-Italja u Spanja, għandhom jingħataw għajnuna finanzjarja mingħajr ma jkollhom iġorru waħedhom il-piż ta' dejn futur relatat mal-kriżi u mingħajr ma jkunu soġġetti għall-kundizzjonalità relatata mal-awsterità;

53. Jinnota li l-proposta riċenti tal-Istrument SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza) hija pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda jqis li hija limitata żżejjed fid-daqs u fl-użu tal-fondi u, l-aktar importanti, tipprovdi appoġġ limitat lill-benefiċjarji in fine, peress li tikkonsisti f'self li fit-tul se jkun piż ta' dejn u ta' defiċit għall-Istati Membri benefiċjarji; jinsab imħasseb ukoll li l-proposta kurrenti tal-Kummissjoni m'għandhiex kundizzjonijiet dwar l-aċċess nondiskriminatorju, l-ammont ta' appoġġ ipprovdut minn skemi nazzjonali għal xogħol għal żmien qasir u l-ambitu ġeografiku, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jemendaw ir-regolament propost sabiex jintegraw dawn l-elementi;

54. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaħdmu flimkien b'mod urġenti biex jistabbilixxu faċilitajiet "coronabond" biex jgħinu jżidu l-finanzjament meħtieġ għall-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa immedjati u għall-irkupru ekonomiku sussegwenti u biex jiżguraw kondiviżjoni komuni tal-piżijiet b'rispons għal xokk simetriku; jissottolinja li l-proposta SURE turi li hemm modalitajiet u bażi legali għat-twaqqif ta' fond tal-UE ddedikat li jista' joħroġ dawn il-bonds biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi tal-COVID-19;

55. Jistieden lill-Kummissjoni tapplika proċedura aċċellerata għall-"coronabonds" billi tipproponi fond iddedikat ("il-fond tal-UE għall-coronavirus"), li l-bażi legali tiegħu tiżgura setgħat ta' kodeċiżjoni għall-Parlament u responsabbiltà demokratika fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, u li jkun kapaċi jiġbor mill-inqas EUR 1 triljun fis-swieq kapitali permezz tal-ħruġ ta' bonds li r-rikavat tagħhom jintuża biex jipprovdi finanzjament lill-Istati Membri bi proporzjon mal-impatt tat-tifqigħa tal-coronavirus, kif imkejjel permezz ta' indikaturi trasparenti u komunement maqbula; jitlob ukoll li l-ħlas lura ta' dawn il-bonds jiġi ggarantit mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, bi proporzjon mas-sehem tagħhom tal-PDG tal-UE; jirrimarka li dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom idealment jieħdu l-forma ta' riżorsi proprji ġodda tal-UE; jinsisti li l-fondi żborżati jintużaw biex ikopru n-nefqa meħtieġa biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi għas-saħħa pubblika u dawk soċjali u ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19 f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-impenji tal-UE dwar il-klima;

56. Jenfasizza li, bħala miżura għal żmien qasir, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) għandu minnufih jestendi l-linji ta' kreditu ta' prekawzjoni għall-pajjiżi li jkunu qed ifittxu aċċess għalih sabiex jindirizzaw ħtiġijiet ta' finanzjament għal żmien qasir u jiffaċjaw il-konsegwenzi immedjati tal-kriżi tal-COVID-19; jenfasizza li dan il-finanzjament m'għandux ikun soġġett għall-kundizzjonalità relatata mal-awsterità;

57. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqblu malajr dwar injezzjoni sinifikanti ta' kapital fil-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex ikun jista' jikkontribwixxi malajr is-saħħa sostanzjali tiegħu biex itaffi l-impatt ekonomiku tal-COVID-19, inkluż il-ħolqien ta' linja ta' kreditu ġdida tal-BEI li tiggarantixxi likwidità permanenti għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

58. Jirrakkomanda li l-SMEs jingħataw aktar għajnuna billi jinbidlu r-regoli tal-akkwist pubbliku biex il-kumpaniji lokali jkunu jistgħu jiġu ffavoriti fl-offerti pubbliċi;

59. Jemmen bis-sħiħ li s-solidarjetà, inkluż l-appoġġ finanzjarju, trid tiġi estiża wkoll għall-ġirien tagħna, inklużi l-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent li qed jaħdmu biex fil-futur jissieħbu fl-UE;

60. Jilqa' l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus tal-Kummissjoni, il-pakkett Ewropew ta' Fondi Strutturali u ta' Investiment u r-reviżjoni tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni bħala l-ewwel passi importanti, iżda jinsisti li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jridu jmorru lil hinn ħafna u b'mod urġenti jsibu u jużaw kull ċenteżmu ta' euro tal-baġit tal-UE mhux allokat u jimmobilizzaw il-fondi kollha mhux impenjati fil-baġit tal-UE – taħt il-politika agrikola komuni, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jew il-Fond Soċjali Ewropew – biex jissodisfaw il-ħtiġijiet mediċi, soċjali u ekonomiċi tal-ġlieda kontra l-COVID19; huwa tal-opinjoni li l-ħtiġijiet tal-pajjiżi li diġà kienu qed ibatu ekonomikament qabel il-COVID-19 għandhom jingħataw attenzjoni speċjali;

61. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex b'mod rapidu jippermettu żieda sinifikanti fil-programmi u fil-fondi mobilizzati fil-qafas tar-rispons tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19; jinnota li fil-bidu tas-sena, il-baġit tal-UE għall-2020 kien jinkludi marġini u strumenti ta' flessibilità ta' aktar minn EUR 4 biljun, li jeħtieġ li jiġu mobilizzati b'mod urġenti; jenfasizza li l-ebda reġjun tal-UE m'għandu jitħalla jaqa' lura; jilqa', għalhekk, l-abbozz ta' baġits emendatorji wieħed u tnejn, li jimxu fid-direzzjoni t-tajba;

62. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn qabel il-waqfa tas-sajf, reviżjoni 'l fuq tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) sabiex tkun tista' ssir żieda sinifikanti fil-programmi u fil-fondi mobilizzati fil-qafas tar-rispons tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19;

63. Jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE jaqblu dwar qafas finanzjarju pluriennali b'daqs globali ta' EUR 1.324 biljun b'rikonoxximent tal-ħtieġa, aggravata mill-kriżi tal-COVID-19, li l-UE jkollha reżiljenza baġitarja akbar; jitlob, barra minn hekk, li jintlaħaq qbil dwar pakkett ta' stimolu b'żieda mal-ftehim dwar iċ-ċifra msemmija hawn fuq (li għandha tiġi inkluża fil-baġit tal-UE) sabiex jgħin fl-indirizzar tal-kriżi tas-saħħa pubblika, ekonomika u soċjali fuq perjodu ta' żmien qasir u medju, fil-bini tar-reżiljenza u fl-iffaċċjar tal-kriżi ambjentali fuq perjodu ta' żmien medju u twil;

64. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu mobilizzati fondi addizzjonali malajr u b'mod mhux burokratiku sabiex l-Istati Membri jingħataw għajnuna biex jiġġieldu b'mod effettiv kontra l-COVID-19 u l-konsegwenzi tiegħu, iżda jenfasizza li l-użu potenzjalment ħażin ta' dawn il-fondi jeħtieġ jiġi investigat u penalizzat ladarba tintemm il-kriżi immedjata; iqis għalhekk li QFP rivedut għandu jinkludi riżorsi adegwati għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex ikun jista' jikseb il-fiduċja taċ-ċittadini, jiġġieled kontra l-frodi, jissekwestra l-assi u għalhekk isir newtrali mil-lat tal-baġit fuq terminu medju; jitlob li l-baġit tiegħu jiġi ffinanzjat permezz tal-Intestatura 7 (Amministrazzjoni Pubblika Ewropea), b'mod simili għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jew l-Ombudsman Ewropew, sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tiegħu;

65. Jinsisti li l-UE trid tiżgura aktar viżibbiltà u prevedibbiltà għall-baġit tas-sena d-dieħla qabel is-sajf, u jekk tonqos milli taqbel dwar iż-żieda meħtieġa fil-volum, li tadotta malajr pjan ta' kontinġenza sabiex tevita għeluq ġenerali tal-programmi tal-UE fi tmiem l-2020;

Is-suq uniku

66. Jitlob li, filwaqt li miżuri temporanji fil-fruntieri jistgħu f'xi każijiet speċifiċi jkunu aċċettabbli, dment li jkunu xierqa, proporzjonati u limitati fiż-żmien, il-Kummissjoni jeħtieġ tiżgura li dawn il-miżuri ma jiksrux id-dritt għall-moviment liberu, b'mod partikolari l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni;

67. Jinsisti li l-ivvjaġġar transfruntier tal-ħaddiema tal-ewwel linja f'setturi li huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-COVID-19, b'mod partikolari l-professjonisti tal-kura tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani, iżda wkoll dawk li jaħdmu fis-settur tal-ikel bħal ħaddiema staġjonali fl-azjendi agrikoli, ma jridx ikun limitat u l-kura tas-saħħa tagħhom trid tiġi żgurata; jinsisti, barra minn hekk, li l-miżuri fil-fruntieri ma jaffettwawx id-dritt għall-asil u lanqas id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja jew għall-ħajja tal-familja, u ma jipprojbixxux lill-persuni milli jivvjaġġaw biex jilħqu pajjiżhom;

68. Jenfasizza li l-fruntieri jridu jinżammu miftuħa għall-kummerċ, u b'mod partikolari għall-provvista tal-ikel; jirrimarka li l-ħtieġa ta' ħaddiema staġjonali transfruntiera fl-azjendi agrikoli tista' ssir saħansitra aktar urġenti jekk, kif ħafna jipprevedu, ikun hemm it-tieni mewġa tal-COVID-19 li tikkoinċidi mal-perjodu tal-ħsad;

69. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kontrolli fil-fruntieri jkunu aċċellerati sabiex il-prodotti friski ma jitħassrux;

70. Jemmen li sakemm is-sitwazzjoni ta' kjuwijiet twal u ta' ċaħda ta' dħul f'ċerti fruntieri bejn l-Istati Membri u bejn dawn tal-aħħar u pajjiżi terzi tkun ikkontrollata, l-esportazzjonijiet kollha ta' annimali ħajjin lejn pajjiżi li m'humiex membri tal-UE u t-trasport kollu ta' annimali ħajjin bejn l-Istati Membri li jdum aktar minn tmien sigħat għandhom jiġu sospiżi;

Il-protezzjoni tal-futur soċjali, ekonomiku u ambjentali tal-UE

71. Huwa konvint li l-kriżi tal-COVID-19 issaħħaħ il-ħtieġa assoluta ta' inizjattivi trasformattivi bħal Patt Ekoloġiku Ewropew aktar profond u aktar kuraġġuż li jinkludi aġġornament estensiv tal-istituzzjonijiet soċjali u ekonomiċi tal-UE; jinsisti li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità mhijiex biss neċessità assoluta sabiex tiġi ppreservata l-kapaċità tas-soċjetajiet tagħna li jirnexxu fuq il-pjaneta tagħna iżda wkoll tipprovdi eżattament il-ħolqien ta' impjiegi u l-iżvilupp ekonomiku li huma meħtieġa biex l-ekonomija tal-UE tirkupra mix-xokk tal-COVID-19;

72. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex immedjatament tibda l-ħidma fuq l-istabbiliment ta' Pakkett ta' Investiment għall-Irkupru Ekoloġiku madwar l-UE li jmur ferm lil hinn mill-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli kurrenti f'termini ta' ambizzjoni, kamp ta' applikazzjoni u daqs u huwa ffinanzjat permezz ta' strumenti ġodda u riżorsi proprji kif ukoll kapaċitajiet imtejba tal-baġit tal-UE, il-MES u l-BEI, appoġġjati mill-kapaċità ta' xiri tal-assi tal-Bank Ċentrali Ewropew;

73. Jinsisti li l-Pakkett ta' Investiment għall-Irkupru Ekoloġiku għandu jkun proġett verament trasformattiv li jkollu l-għan mhux biss li jissodisfa l-impenji ambjentali tal-UE meħtieġa biex tiġi ppreservata s-sistema ta' appoġġ għall-ħajja tal-umanità, iżda wkoll li jittrasforma s-sistema soċjoekonomika kollha tagħna biex jindirizza n-nuqqas perikoluż ta' reżiljenza fis-servizzi pubbliċi u s-sistema agrikola, ekonomika u finanzjarja li jdgħajjef il-benesseri sostenibbli tal-persuni li jgħixu fl-UE;

74. Jenfasizza li l-kriżi tal-COVID-19 għamlitha ċara għal darb'oħra li l-UE, u b'mod partikolari ż-żona tal-euro, m'għandhomx l-għodod ta' governanza ekonomika li jippermettu li l-fondi jiġu trasferiti għal fejn huma meħtieġa sabiex jistabbilizzaw il-kundizzjonijiet ekonomiċi; jinsisti li għalhekk huwa essenzjali li r-riformi li għaddejjin bħalissa tal-governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja jqisu l-ħtieġa tal-istabbilizzazzjoni (inklużi r-riformi tal-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività u l-pjanijiet għal sistema ta' riassigurazzjoni għall-iskemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali);

75. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li s-servizzi pubbliċi jiġu protetti u żviluppati mill-ġdid sabiex jiggarantixxu l-ħtiġijiet bażiċi tan-nies u t-tranżizzjoni ekoloġika u jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jemmen li huwa essenzjali li tiġi żgurata r-reżiljenza għal kriżijiet futuri biex fl-UE kollha jiġi ggarantit li s-servizzi pubbliċi relatati mas-saħħa, l-edukazzjoni, l-aċċess għal arja u ilma nodfa, l-enerġija u t-trasport pubbliku kif ukoll il-protezzjonijiet soċjali jiġu protetti u ggarantiti; jemmen li wasal iż-żmien għall-introduzzjoni ta' garanzija tas-saħħa Ewropea u għat-tisħiħ tal-kompetenzi tas-saħħa pubblika fil-livell tal-UE; jenfasizza li d-dibattitu dwar dak li għandu jitqies bħala ħtieġa bażika li għandha tiġi pprovduta permezz ta' servizzi pubbliċi jew protetta bħala parti mill-beni komuni għandu jiġi inkluż fis-suġġetti diskussi fi ħdan il-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa;

76. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jitolbu lill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi biex tniedi rieżami bir-reqqa tax-xjenza rigward ir-rabta bejn pandemiji bħall-COVID-19, l-influwenza tal-ħnieżer, il-MERS u s-SARS ikkawżati minn patoġeni li jiġu trażmessi mill-annimali għall-bnedmin u d-degradazzjoni tal-bijodiversità, id-deforestazzjoni u bidliet oħra fl-użu tal-art sabiex tinforma lil dawk li jfasslu l-politika dwar l-istrateġiji tal-bijodiversità li jnaqqsu r-riskju ta' tali żoonożi;

77. Jiddeċiedi li jistabbilixxi kumitat parlamentari speċjali bil-mandat u s-setgħat meħtieġa biex jislet tagħlimiet mill-kriżi u mir-rispons madwar l-UE sabiex l-Istati Membri jkunu mgħammra aħjar biex flimkien jiffaċċjaw sfidi futuri tal-istess kobor, tkun xi tkun l-oriġini tagħhom, u biex il-Parlament ikun jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill;

78. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' April 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza