MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-traffikar internazzjonali tal-pangolini
13.5.2020
Dominique Bilde
B9‑0159/2020
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-traffikar internazzjonali tal-pangolini
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu ("CITES"),
– wara li kkunsidra r-Regolamenti (KE) Nri 338/97 u 865/2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 143 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-pangolini jintużaw għal-laħam tagħhom jew, fiċ-Ċina u fil-Vjetnam, għall-mediċina tradizzjonali, iżda huma elenkati fl-Anness I tas-CITES, u billi t-tmien speċijiet tal-pangolini huma kklassifikati minn "vulnerabbli" għal "f'periklu kritiku" mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura;
B. billi l-pangolin huwa l-mammiferu l-aktar ikkaċċjat illegalment, it-traffikar tiegħu jaffettwa aktar minn 70 Stat u billi, bejn l-2010 u l-2018, fil-Ġermanja twettqu 39 sekwestru li jinvolvu 737 pangolin[1];
C. billi l-prodotti mediċinali Ċiniżi, b'mod partikolari, jista' jkun fihom sustanzi derivati mill-pangolin mingħajr ma jkunu indikati;
D. billi, skont xi riċerka mhux ikkonfermata, il-pangolin jista' jkun vettur tal-coronavirus SARS-CoV-2 responsabbli għall-COVID-19[2];
1. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri japplikaw b'mod strett ir-Regolamenti msemmija hawn fuq, b'mod partikolari għall-każijiet ta' tranżitu;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tikkollabora mal-awtoritajiet Ċiniżi u Vjetnamiżi biex timpedixxi dan it-traffikar.