MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-migrazzjoni professjonali tal-ħaddiema fl-isptarijiet
15.5.2020
Clotilde Armand
B9‑0160/2020
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-migrazzjoni professjonali tal-ħaddiema fl-isptarijiet
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika Globali tad-WHO dwar ir-Reklutaġġ Internazzjonali tal-Persunal tas-Saħħa,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 143 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-migrazzjoni tat-tobba u l-infermiera minn ċerti Stati Membri[1], tipikament dawk fl-Ewropa tal-Lvant, twassal għal nuqqas kbir ta' persunal u tirriżulta f'aċċess imnaqqas għall-kura tas-saħħa ta' kwalità;
B. billi, skont il-Kodiċi ta' Prattika Globali tad-WHO dwar ir-Reklutaġġ Internazzjonali tal-Persunal tas-Saħħa, l-Istati Membri "għandhom jiskoraġġixxu r-reklutaġġ attiv ta' persunal tas-saħħa minn pajjiżi li qed jiffaċċjaw nuqqas kritiku ta' ħaddiema fil-qasam tas-saħħa";
1. Jitlob li jiġi stabbilit fond ta' kumpens għall-ħaddiema mediċi biex jiġu mitigati l-effetti negattivi fuq is-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi tal-oriġini tal-persunal tas-saħħa billi jinġabru kontribuzzjonijiet volontarji mill-pajjiżi ta' destinazzjoni;
2. Iqis li l-kumpens fl-ambitu ta' dan il-fond għandu jirrifletti l-kost tal-edukazzjoni tal-persunal tas-saħħa, kif ukoll l-iskala tan-nuqqas ta' forza tax-xogħol fil-pajjiżi tal-oriġini;
3. Iqis li l-fond ta' kumpens għandu jintuża biex jeduka lit-tobba u lill-infermiera fil-pajjiżi tal-oriġini u biex jikkumpensa għall-ispejjeż mediċi għall-pazjenti minn pajjiżi tal-oriġini li jkunu jixtiequ jieħdu trattament mediku fil-pajjiżi ta' destinazzjoni;
4. Jenfasizza li l-fond ta' kumpens ikun volontarju, u li l-aderenza għalih tkun tirrappreżenta prattika etika ta' reklutaġġ internazzjonali.
- [1] u r-Rumanija waħedha tilfet nofs it-tobba mediċi tagħha f'dawn l-aħħar 10 snin, u tal-anqas 13 510 tabib jew tabiba telqu lejn pajjiżi oħra taż-ŻEE bejn l-2009 u l-2019 (il-bażi ta' data tal-professjonijiet regolati tal-Kummissjoni Ewropea).