MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong
10.6.2020 - (2020/2665(RSP))
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Hilde Vautmans, Abir Al Sahlani, Petras Auštrevičius, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Engin Eroglu, Bernard Guetta, Moritz Körner, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Marie Pierre Vedrenne, Charles Goerens
f'isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0169/2020
B9‑0169/2020
Mozzjoni għal Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tad-29 ta' Mejju 2020, dwar Hong Kong,
– wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali (SAR) ta' Hong Kong, adottata fl-4 ta' April 1990, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-deċiżjoni tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu (NPC) Ċiniż tat-28 ta' Mejju 2020 li tintroduċi liġi ġdida dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong, b'hekk injorat totalment il-proċess leġiżlattiv ta' Hong Kong, tirrappreżenta t-tentattiv l-aktar reċenti u sfaċċat min-naħa ta' Beijing fil-kampanja tagħha, li ilha s-snin, biex tillimita l-libertà u l-awtonomija ta' Hong Kong u l-libertajiet ċivili taċ-ċittadini tiegħu;
B. billi l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong fiż-żamma tas-sigurtà u l-ordni (Artikolu 14) u fil-promulgazzjoni awtonoma ta' liġijiet għall-projbizzjoni ta' kwalunkwe att ta' tradiment, seċessjoni, sedizzjoni jew sovverżjoni fil-konfront tal-Gvern Ċentrali tal-Poplu (Artikolu 23)
C. billi matul ix-xhur ta' April u Mejju 2020, meta ħafna mill-attenzjoni tad-dinja kienet immirata lejn in-numru esponenzjali ta' vittmi tal-pandemija tal-COVID-19, Beijing sfruttat il-kriżi biex tirdoppja l-isforzi tagħha ħalli timponi d-dominju tagħha fuq Hong Kong filwaqt li sikktet, arrestat u tellgħet il-qorti mijiet ta' attivisti favur id-demokrazija u l-gruppi tal-oppożizzjoni; billi l-Kumitat Permanenti tal-leġiżlatura Ċiniża qiegħed jistabbilixxi r-regoli l-ġodda awtonomament, mingħajr ma jikkonsulta lil-leġiżlatur ta' Hong Kong, minkejja li dan huwa rikjest mill-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi";
D. billi skont il-proposta għal pjan dwar is-sigurtà nazzjonali, il-gruppi ta' attivisti jistgħu jiġu pprojbiti u mtellgħa l-qorti, il-qrati jistgħu jimponu sentenzi ta' priġunerija għal żmien twil għal ksur tas-sigurtà nazzjonali, l-aġenziji ta' sigurtà taċ-Ċina jistgħu joperaw fil-beraħ fil-belt u projbizzjoni ġdida tat-terroriżmu se tagħti lill-awtoritajiet Ċiniżi u lill-forzi militari u tas-sigurtà diskrezzjoni wiesgħa u bla kontroll biex joperaw f'Hong Kong, bi ksur ċar tal-Liġi Bażika tal-pajjiż;
E. billi l-mexxej ta' Hong Kong, Carrie Lam, iddefendiet il-leġiżlazzjoni proposta minn Beijing, u ammettiet li mhi se ssir l-ebda konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan ta' sigurtà f'Hong Kong, barra mill-fatt li affermat li d-drittijiet u l-libertajiet mhumiex assoluti;
F. billi l-ġudikatura taċ-Ċina kontinentali hija nieqsa mill-indipendenza mill-gvern u mill-Partit Komunista Ċiniż u hija magħrufa għal detenzjonijiet arbitrarji, tortura u tipi oħra ta' maltrattament, ksur gravi tad-dritt għal proċess ġust, għajbien furzat u diversi sistemi ta' detenzjoni f'iżolament mid-dinja ta' barra u mingħajr proċess;
G. billi fis-27 ta' Mejju 2020 aktar minn 360 fost l-attivisti ta' Hong Kong favur id-demokrazija ġew arrestati matul dimostrazzjonijiet kontra l-liġi Ċiniża kontra s-sedizzjoni li kkriminalizzat id-disprezz lejn l-innu nazzjonali Ċiniż;
H. billi l-pulizija ta' Hong Kong użat il-miżuri ta' tbegħid soċjali relatati mal-COVID-19 bħala pretest biex tirrikorri għall-użu ta' forza eċċessiva u bla bżonn fil-konfront tad-dimostranti fil-biċċa l-kbira tagħhom paċifiċi, sparat gass tad-dmugħ, balal tal-gomma, beanbags u pepper spray;
I. billi koalizzjoni internazzjonali transpartitika mmexxija mill-ex Gvernatur ta' Hong Kong, Lord Patten, u li sal-lum ingħaqdu magħha 893 parlamentari u deċiżur politiku minn 42 pajjiż, ħarġet stqarrija li tikkundanna l-introduzzjoni bilaterali min-naħa ta' Beijing ta' leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali f'Hong Kong, u stiednet lill-gvernijiet simpatizzanti jingħaqdu kontra dan il-"ksur sfaċċat tad-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika";
J. billi l-impożizzjoni diretta tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali f'Hong Kong min-naħa tal-awtoritajiet ta' Beijing tnaqqar l-awtonomija ta' Hong Kong; billi dan jidħol f'kunflitt dirett mal-obbligi internazzjonali taċ-Ċina skont id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika, ġuridikament vinkolanti u rreġistata man-Nazzjonijiet Uniti;
K. billi l-proposta għal-liġi tkun tippreġudika irrimedjabbilment il-qafas ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi", iżżid il-possibbiltajiet ta' prosekuzzjoni minħabba delitti politiċi f'Hong Kong u tikkomprometti l-impenji eżistenti maħsuba biex iħarsu d-drittijiet tal-popolazzjoni ta' Hong Kong, inklużi dawk stabbiliti fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-indħil kostanti u dejjem aktar ta' spiss min-naħa taċ-Ċina fl-affarijiet interni ta' Hong Kong;
2. Jenfasizza li l-UE tikkondividi t-tħassib espress miċ-ċittadini ta' Hong Kong fir-rigward tal-proposta tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali; jissottolinja l-fatt li l-abbozz ta' liġi għandu konsegwenzi ta' portata wiesgħa għal Hong Kong u għall-popolazzjoni tiegħu, għall-UE u għaċ-ċittadini barranin, u se jagħmel ħsara lill-fiduċja tal-ambjent tan-negozju f'Hong Kong u jipperikola l-prospettivi futuri għan-negozju internazzjonali;
3. Isostni l-valutazzjoni tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) skont liema hemm bżonn ta' strateġija ġdida u aktar robusta biex nittrattaw ma' Ċina aktar assertiva mmexxija minn reġim awtoritarju, kif ukoll djalogu miftuħ u onest; iħeġġeġ lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jadottaw pożizzjoni aktar soda bħala sostenn għaż-żamma tal-awtonomija ġuridika ta' Hong Kong; jisħaq fuq il-fatt li dan huwa fundamentali biex is-sostenituri tad-demokrazija f'Hong Kong u l-komunità internazzjonali ġenerali jkunu jafu li l-UE se tibqa' tiddefendi l-valuri fundaturi tagħha ta' libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
4. Jisħaq fuq il-fatt li l-komunità internazzjonali għandha tikkollabora mill-qrib biex teżerċita pressjoni fuq Beijing ħalli tiżgura li l-azzjonijiet ta' din tal-aħħar ikunu konformi mal-impenji internazzjonali tal-pajjiż skont id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984;
5. Jisħaq fuq il-fatt li l-prosperità ta' Hong Kong u l-attrattività tiegħu għall-investituri internazzjonali jiddependu mill-istat tad-dritt imnaqqas fil-Liġi Bażika tal-pajjiż; jesprimi, għaldaqstant, tħassib kbir għall-fatt li ksur permanenti tal-qafas tal-gvern awtonomu ta' Hong Kong se jħalli impatt iebes fuq l-ekonomija tal-pajjiż u fuq id-dehra internazzjonali tiegħu;
6. Iħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel progress fil-qafas tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem – permezz ta' mudell simili tal-Liġi Magnitsky tal-Istati Uniti – bil-għan li jindirizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u japplika globalment sanzjonijiet fil-konfront ta' individwi akkużati b'abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar; jemmen li dan il-qafas tad-drittijiet tal-bniedem jista' jintuża biex jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-mudell tal-Liġi Magnitsky fil-konfront tal-mexxejja responsabbli minn din ir-repressjoni kontra Hong Kong u l-popolazzjoni tiegħu, kif ukoll ta' abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li tali sanzjonijiet għandhom jiġu diskussi u, meta possibbli, ikkoordinati mal-alleati demokratiċi bħall-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel;
7. Jenfasizza li l-UE hija l-akbar destinazzjoni tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina; jemmen li l-UE għandha tuża l-influwenza ekonomika tagħha biex tikkuntesta r-repressjoni tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa taċ-Ċina;
8. Jistieden lill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jmiss tagħti prijorità lis-sitwazzjoni f'Hong Kong fis-summit li ġej mal-President Ċiniż Xi Jinping f'Leipzig;
9. Jissottolinja li s-sitwazzjoni attwali ssaħħaħ il-konvinzjoni tiegħu li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jrid ikun element importanti tan-negozjati dwar ftehim ta' investiment bejn l-UE u ċ-Ċina;
10. Jistieden lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong jeħles minnufih lid-dimostranti paċifiċi u lil dawk kollha li ġew arrestati għall-eżerċizzju paċifiku tal-libertà ta' espressjoni tagħhom matul il-protesti jew fiż-żmien li wassal għalihom, u jwaqqa' l-akkużi kollha kontra dawn il-persuni;
11. Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti, imparzjali, effikaċi u f'waqtha dwar l-użu tal-forza min-naħa tal-pulizija ta' Hong Kong kontra d-dimostranti;
12. Isostni l-idea li jinħatar Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti inkarigat milli jevalwa s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali f'Hong Kong u jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu biex dan isir;
13. Jittama li l-UE u l-Istati Membri tagħha se jingħaqdu fl-inizjattiva maħsuba biex tistabbilixxi grupp ta' kuntatt internazzjonali biex jimmonitorja s-sitwazzjoni f'Hong Kong u jikkoordina azzjoni konġunta;
14. Jesprimi tħassib kbir għad-deterjorament kostanti tad-drittijiet ċivili, tad-drittijiet politiċi u tal-libertà tal-istampa; huwa mħasseb bil-kbir minħabba l-pressjoni bla preċedent fuq il-ġurnalisti u l-awtoċensura dejjem akbar tagħhom, b'mod partikolari rigward rappurtar dwar kwistjonijiet sensittivi għaċ-Ċina kontinentali jew dwar dawk li jikkonċernaw lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong;
15. Jistieden lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong jiżgura li jsiru elezzjonijiet liberi u ġusti tal-Kunsill Leġiżlattiv f'Settembru 2020; iħeġġeġ liċ-Ċina tastjeni milli tindaħal fil-proċessi elettorali tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong; jafda li l-UE se tibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong
16. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkunsidraw l-adozzjoni ta' miżuri konkreti biex joffru asil u protezzjoni lill-attivisti u lill-gruppi favur id-demokrazija ta' Hong Kong ippersegwitati mill-awtoritajiet Ċiniżi;
17. Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jikkunsidraw il-mod kif jistgħu jużaw b'mod effikaċi l-mekkaniżmi adegwati ta' kontroll tal-esportazzjonijiet u t-teknoloġija ta' sorveljanza informatika; jistieden lill-koleġiżlaturi, f'dan ir-rigward, jaqblu fuq pożizzjoni komuni dwar ir-riforma tar-Regolament dwar il-Prodotti b'Użu Doppju; jenfasizza li kompla jiżviluppa u jsaħħaħ il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni ta' kontrolli rigorużi tal-esportazzjonijiet għal teknoloġija ta' sorveljanza informatika, inklużi fil-listi rilevanti u mhux inklużi;
18. Jenfasizza li qiegħed jaħdem favur l-impożizzjoni ta' mekkaniżmi adegwati ta' kontroll tal-esportazzjonijiet sabiex iċaħħdu liċ-Ċina, u b'mod partikolari lil Hong Kong, mill-aċċess għal teknoloġiji li jintużaw biex jiksru d-drittijiet bażiċi;
19. Jistieden lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jkunu persistenti meta jqajmu dawn il-punti ta' tħassib u jiżguraw djalogu mal-gvernijiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u taċ-Ċina;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lill-Kap Eżekuttiv u lill-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.
- [1] Testi adottati, P9_TA(2019)0004.