MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa
10.6.2020 - (2020/2657(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Zdzisław Krasnodębski
f'isem il-Grupp ECR
B9‑0179/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-idea fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni l-ġdida, kif propost mill-President tagħha, li torganizza Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Istati Membri qed jiffaċċjaw l-isfida bla preċedent li jindirizzaw il-kriżi tal-COVID19 u qed jiffukaw fuq l-irkupru ekonomiku u soċjali;
B. billi għandhom jittieħdu lezzjonijiet importanti mill-kriżi tal-COVID-19 f'termini ta' tħejjija, reżiljenza u effikaċja tal-Unjoni Ewropea minħabba l-ħafna kritika ġġustifikata li saret rigward il-prestazzjoni tagħha;
C. billi hija meħtieġa riforma sinifikanti tal-Unjoni Ewropea sabiex tkun iktar tista' tagħmel progress f'sitt oqsma ewlenin:
– il-ħolqien ta' impjiegi u l-prosperità, speċjalment fil-kuntest tal-irkupru ekonomiku u soċjali mill-pandemija tal-COVID-19,
– is-salvagwardja taċ-ċittadini u tal-fruntieri;
– ir-rispett tad-drittijiet u s-sovranità tal-Istati Membri tagħha,
– l-iżvilupp ta' ekonomija sostenibbli realistika;
– it-titjib fl-effiċjenza u l-effikaċja tagħha;
– il-kooperazzjoni mas-sħab globali;
1. Jemmen li l-prijorità predominanti għall-futur immedjat tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea se tkun l-irkupru ekonomiku u soċjali mill-pandemija tal-COVID-19;
2. Jemmen li l-inizjattivi kollha tal-UE jridu għalhekk ikunu soġġetti għal "test ta' rkupru" biex jiġi vvalutat jekk dawn jgħinux jew ixekklux il-proċess ta' rkupru; jenfasizza li kwalunkwe ħaġa li tfixkel il-proċess ta' rkupru trid issir iktar tard, tiġi posposta jew tiġi kkanċellata;
3. Jemmen li hemm bżonn ta' riflessjoni profonda dwar il-futur tal-Ewropa, b'mod partikolari fid-dawl tal-kriżi kurrenti; iżda, rigward iż-żmien iffissat jew l-arranġamenti prattiċi bħall-konsultazzjonijiet pubbliċi, dan irid iqis ir-realtà li fil-preżent l-opinjoni pubblika hija ffukata fuq ir-rispons li qed jingħata kontinwament għall-kriżi tal-COVID-19, u l-attenzjoni politika trid tkun iffukata fuq l-irkupru ekonomiku u soċjali;
4. Jirrikonoxxi li l-konsultazzjonijiet pubbliċi oriġinarjament previsti bħala parti mill-hekk imsejħa "Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa" mhux se jkunu prattiċi għal ħafna xhur;
5. Jitlob, għalhekk, li sejħa għal kull konferenza ta' dan it-tip tiġi posposta;
6. Jinnota li ma ġie miftiehem l-ebda format jew struttura mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Kummissjoni u li l-Kunsill għad irid jadotta pożizzjoni formali;
7. Iħassar ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni tiegħu rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa[1], jenfasizza li kwalunkwe konferenza futura ma tridx tkun organizzata minn fazzjoni waħda fid-dibattitu, kif kien previst minn din ir-riżoluzzjoni preċedenti;
8. Jinsab imħasseb li kwalunkwe konferenza futura tista' tiġi mmanipulata minn xi wħud bħala għodda ġdida biex tavvanza l-aġenda ta' perspettiva ideoloġika unika li tafferma li n-nuqqasijiet kollha tal-Unjoni Ewropea huma r-riżultat ta' ftit wisq setgħat minflok wisq;
9. Jemmen li proċess ta' konferenza ġenwinament miftuħ jista', madanakollu, ikun siewi biex jiffaċilita dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa, peress li l-UE bla dubju tbiegħdet ħafna miċ-ċittadini tal-Istati Membri tagħha; jenfasizza li inizjattiva ta' konferenza bħal din tissodisfa biss dawn it-tamiet jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet u jekk jiġu stabbiliti b'mod sod prinċipji ewlenin biex jirregolaw l-operat tagħha;
10. Jappella, għalhekk, għal inizjattiva alternattiva, mill-Istati Membri li jaqblu dwarha fil-Kunsill, biex jistabbilixxu "Konferenza dwar il-Futur tal-Unjoni Ewropea";
11. Jenfasizza li din il-konferenza għandha tkun il-bidu ta' proċess ġenwinament miftuħ u trasparenti; jenfasizza li għandu jiġi evitat approċċ li jassumi li l-iskop tagħha huwa biss li jiġu diskussi għażliet differenti għal integrazzjoni Ewropea ulterjuri filwaqt li l-acquis communautaire kurrenti jitqies bħala ħaġa ovvja;
12. Jitlob li jsir rieżami indipendenti tal-acquis communautaire qabel il-konferenza, inkluż permezz ta' skrutinju bir-reqqa tas-SEAE u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-programmi u l-aġenziji tal-UE;
13. Jitlob li l-parlamenti tal-Istati Membri jkunu minn ta' quddiem fl-organizzazzjoni ta' din il-konferenza minħabba l-mandat demokratiku akbar tagħhom u minħabba d-diversità politika tagħhom; jipproponi li l-maġġoranza l-kbira tal-parteċipanti f'din il-konferenza jittieħdu mill-parlamenti nazzjonali; jissuġġerixxi li l-korp li jorganizza l-konferenza jirrappreżenta opinjonijiet politiċi differenti u jkun jikkonsisti prinċipalment minn membri parlamentari nazzjonali; jipproponi li jkun hemm tliet Kopresidenti li jirriflettu bilanċ politiku u ġeografiku;
14. Jinsisti li l-proċess tal-konferenza jrid ikun ibbażat fuq tliet prinċipji ewlenin biex jirnexxi:
– l-aderenza għall-pluraliżmu u d-diversità;
– ir-rikonoxximent tal-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet nazzjonali;
– ir-rispett għad-demokrazija kostituzzjonali;
Pluraliżmu u diversità
15. Jenfasizza li, bħala parti mill-impenn tagħha għall-pluraliżmu, il-konferenza ma tridx tintuża biss biex tippromwovi l-ortodossija integrazzjonista tal-UE iżda għandha tkun opportunità biex proposti differenti u kuntrarji jiġu diskussi b'mod ugwali;
16. Jinnota li hemm alternattivi oħra ugwalment validi għall-ortodossija federalista tradizzjonali, bħall-proposti li l-Unjoni titreġġa' lura għal komunità Ewropea ta' nazzjonijiet sovrani abbażi tal-kunċett ewrorealista ta' Ewropa konfederali li tirrispetta d-drittijiet u l-leġittimità demokratika tal-Istati Membri; jitlob li dawn l-għażliet u ħafna oħrajn jiġu diskussi b'mod ugwali u ġust waqt il-konferenza u l-laqgħat pubbliċi relatati tagħha;
17. Jinsisti, għaldaqstant, li l-parteċipanti fil-konferenza u l-laqgħat relatati tagħha jingħataw opportunità ġusta biex jiddiskutu kwistjonijiet bħal dawn:
– jekk l-oqsma tal-azzjoni tal-Unjoni għandhomx ikunu limitati għall-kompetenzi ċentrali u jiġu kondiviżi jew jingħataw lura lill-Istati Membri f'oqsma oħra,
– jekk l-approċċ ta' universalità għat-tfassil tal-politika għandux jiġi sostitwit b'approċċ aktar flessibbli,
– jekk hemmx bżonn li jkun hemm rikonoxximent espliċitu li l-Istati Membri jkollhom id-dritt li jipproteġu t-tradizzjonijiet nazzjonali, il-kultura u l-wirt Kristjan komuni tagħhom,
– jekk għandux jissaħħaħ ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali.
– jekk il-parlamenti nazzjonali għandhomx ikunu jistgħu jinvokaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà biex jimblukkaw proposti leġiżlattivi speċifiċi permezz ta' proċedura effettiva ta' karta ħamra;
– jekk il-votazzjoni b'maġġoranza għandhiex tieqaf milli tkun il-proċedura standard f'xi oqsma u jekk il-metodu ta' votazzjoni fil-Kunsill għandux jiġi rivedut (b'mod partikolari wara l-Brexit), u jekk id-drittijiet ta' veto nazzjonali eżistenti jistgħux jiġu estiżi billi l-Kompromess tal-Lussemburgu jiġi fformalizzat b'tali mod li l-vetoes nazzjonali jistgħu jerġgħu jiġu invokati biex jiġu difiżi "interessi nazzjonali importanti ħafna",
– jekk humiex meħtieġa aktar bidliet biex l-Unjoni Ewropea nnifisha ssir aktar demokratikament responsabbli;
Il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet nazzjonali
18. Ifakkar li l-istituzzjonijiet bl-akbar leġittimità demokratika fl-UE huma dawk tal-Istati Membri; jenfasizza li l-Parlament Ewropew m'għandu l-ebda tip ta' leġittimità unika jew speċjali dwar kwistjonijiet Ewropej li jiġġustifikaw li jieħu l-kontroll tal-konferenza u li f'kull ħin għandu jiġi mfakkar li elezzjoni Ewropea hija aggregat ta' elezzjonijiet nazzjonali separati, il-parti l-kbira dwar kwistjonijiet nazzjonali, u mhux elezzjoni unika dwar il-futur tal-Ewropa; jinsisti wkoll li l-konferenza għandha tevita approċċ korporattiv u għandha tiżgura li l-istituzzjonijiet eletti demokratikament tal-Istati Membri jkunu ċentrali għall-proċess;
19. Itenni li s-setgħat tal-Unjoni Ewropea mhumiex inerenti, bħalma huma dawk ta' stat, iżda li jridu jingħataw mit-Trattati; jenfasizza li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-UE sabiex jiġi żgurat li s-setgħat jiġu eżerċitati kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadini, f'konformità mal-prinċipju tal-prossimità msemmi fl-Artikolu 10(3) tat-TUE; jemmen li jeħtieġ li l-Unjoni tiffoka fuq l-indirizzar ta' sfidi importanti fejn tkun tista' żżid il-valur; jenfasizza li r-riżorsi huma limitati u li hemm ħtieġa ċara li ssir riflessjoni dwar kif għandhom jingħataw prijorità l-attivitajiet u kif għandhom jintużaw ir-riżorsi disponibbli b'mod aktar effiċjenti;
Demokrazija kostituzzjonali
20. Jinsisti li jrid jiġi rikonoxxut mill-bidu nett u minn dawk kollha kkonċernati, li tali eżerċizzji ta' konsultazzjoni pubblika bħal din l-inizjattiva tal-konferenza, irrispettivament minn kemm tkun strutturata u organizzata tajjeb, mhumiex sostitut għal-leġittimità demokratika ta' istituzzjonijiet parlamentari stabbiliti kostituzzjonalment u għalhekk ma jistgħux jikkontestawhom; jenfasizza, għalhekk, li ma jista' jkun hemm ebda argument demokratiku favur l-implimentazzjoni awtomatika ta' kwalunkwe waħda mill-konklużjonijiet tal-konferenza; jipproponi, minflok, li l-konklużjonijiet tagħha jiġu formalment ippreżentati lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni ħalli kull wieħed minnhom ikun jista' jħejji risposta formali u azzjoni ta' segwitu li huma jqisu xierqa, sabiex isir progress fid-dibattitu;
21. Jenfasizza li l-unika konferenza li formalment tista' tipproponi emendi għat-Trattati hija "konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri", kif previst fl-Artikolu 48(4) tat-TUE, u li f'konformità ma' dan l-Artikolu tali emendi jistgħu jidħlu fis-seħħ biss "wara li jiġu ratifikati mill-Istati Membri kollha skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom";
°
° °
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P9_TA(2020)0010.