Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0181/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0181/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong

10.6.2020 - (2020/2665(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Anna Fotyga, Hermann Tertsch, Charlie Weimers, Raffaele Fitto, Bert‑Jan Ruissen, Nicola Procaccini, Bogdan Rzońca, Ruža Tomašić, Elżbieta Kruk
f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0169/2020

Proċedura : 2020/2665(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0181/2020
Testi mressqa :
B9-0181/2020
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0181/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong

(2020/2665(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Hong Kong,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina[2],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea dwar Hong Kong tad-29 ta' Mejju 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, Dominic Raab, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Awstraljan, Marise Payne, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Kanadiż, François-Philippe Champagne, u s-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Michael Pompeo dwar Hong Kong tat-28 ta' Mejju 2020,

 wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali (SAR) ta' Hong Kong, adottata fl-4 ta' April 1990, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (PRC) dwar il-Kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika, reġistrata fin-Nazzjonijiet Uniti fit-12 ta' Ġunju 1985 mill-gvernijiet Ċiniżi u Brittaniċi,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tas-16 ta' Diċembru 1966,

 wara li kkunsidra l-Att tal-Istati Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija f'Hong Kong tal-2019,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Partit Komunista Ċiniż (CCP) wettaq serje ta' azzjonijiet li nawwru fundamentalment l-awtonomija ta' Hong Kong u l-libertajiet tiegħu, u wkoll il-wegħdiet magħmula miċ-Ċina nnifisha lill-poplu ta' Hong Kong, u li jmorru direttament kontra l-liġi u t-trattati internazzjonali, inkluż id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika, trattat internazzjonali rreġistrat fin-NU;

B. billi fil-15 ta' April 2020, l-Uffiċċju ta' Kollegament Ċiniż f'Hong Kong iddikjara li l-pandemija tal-coronavirus u l-protesti reċenti kienu aċċentwaw il-ħtieġa li tiġi promulgata leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali f'Hong Kong;

C. billi fit-28 ta' Mejju 2020 it-tielet sessjoni tat-13-il Kungress Nazzjonali tal-Poplu (NPC), adottat riżoluzzjoni dwar "Deċiżjoni tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu dwar l-Istabbiliment u l-Ikkompletar tas-Sistema Legali tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u tal-Mekkaniżmi ta' Implimentazzjoni għaż-Żamma tas-Sigurtà Nazzjonali", bi ksur sfaċċat tal-Liġi Bażika;

D. billi r-riżoluzzjoni tawtorizza lill-Kumitat Permanenti tan-NPC jadotta leġiżlazzjoni kontra s-separatiżmu, is-sovversjoni tal-poter tal-istat, it-terroriżmu u l-indħil barrani f'Hong Kong; billi hija tippermetti wkoll lill-aġenziji ta' sigurtà, taħt l-awspiċi tal-gvern ċentrali fiċ-Ċina, jistabbilixxu fergħat operattivi f'Hong Kong bil-għan li jipprevjenu, jarrestaw u jikkastigaw lil dawk li jipperikolaw is-sigurtà nazzjonali; billi l-leġiżlazzjoni hija mistennija li tkun daħlet fis-seħħ sa Settembru;

E. billi l-impożizzjoni unilaterali u arbitrarja miċ-Ċina ta' leġiżazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali tirrappreżenta ksur tal-Artikolu 23 tal-Liġi Bażika ta' Hong Kong, li tistipula li l-Hong Kong SAR irid jippromulga  liġijiet dwar is-sigurtà nazzjonali b'mod awtonomu; billi t-tentattiv tal-gvern lokali ta' Hong Kong li jippromulga liġi simili fl-2003 twaqqaf wara li seħħew protesti pubbliċi;

F. billi l-Kap Eżekuttiv appella liċ-ċittadini ta' Hong Kong f'ittra ppubblikata fil-gazzetti fid-29 ta' Mejju 2020 għall-fehim sħiħ tagħhom u għall-appoġġ qawwi għad-Deċiżjoni mogħtija min-NPC, li tiddikjara li l-leġiżlazzjoni tissalvagwardja s-sigurtà nazzjonali, għandha l-għan li tippermetti lis-soċjetà ssib mod kif toħroġ mill-impass u tirrestawra l-istabbiltà kemm jista' jkun malajr, u wkoll tkompli bl-iżvilupp tal-ekonomija u l-għajxien;

G. billi l-aħbar ta' leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali ġdida kkawżat protesti f'Hong Kong; billi l-pulizija użat gass tad-dmugħ f'tentattiv li tferrex lid-dimostranti; billi l-protesti tul l-aħħar sena huma r-riżultat ta' telf ta' fiduċja bejn il-poplu ta' Hong Kong u l-gvernijiet f'Hong Kong u f'Beijing tul l-aħħar ftit għexieren ta' snin; billi, bi stennija għall-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà Ċiniża l-ġdida, l-awtoritajiet f'Hong Kong għall-ewwel darba pprojbixxew il-kommemorazzjoni tal-protesti tal-Pjazza ta' Tiananmen;

H. billi l-leġiżlazzjoni l-ġdida, inkluża l-liġi kontroversjali, dwar l-Innu Nazzjonali, aktarx li se tkompli thedded id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi bħall-libertà tal-istampa, id-dritt ta' protesta paċifika, il-libertà tal-kelma u ta' għaqda u ta' libertà reliġjuża, bħal ma jiġri fiċ-Ċina kontinentali;

I. billi l-leġiżlazzjoni proposta tmur kontra l-impenji meħuda minn Hong Kong favur id-drittijiet tal-bniedem bħala firmatarju tal-ICCPR, u billi din qed issir fi żmien meta l-Esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU diġà qegħdin jitolbu lill-Gvern ta' Hong Kong jirriforma l-liġijiet tiegħu kontra s-sedizzjoni u t-terroriżmu biex jintlaħqu l-istandards internazzjonali;

J. billi r-relazzjonijiet mal-PRC għandhom jiġu bbażati fuq ir-rispett u l-fiduċja reċiproka; billi din id-deċiżjoni tkompli tixħet dubju fuq ir-rieda taċ-Ċina li tirrispetta l-impenji internazzjonali tagħha;

K. billi Beijing imblokka laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li fiha kienet se ssir diskussjoni dwar il-leġiżlazzjoni mal-ambaxxatur taċ-Ċina għan-NU;

L. billi l-Artikolu 27 tal-Liġi Bażika jiggarantixxi l-libertà tal-kelma, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni, u l-libertà ta' assoċjazzjoni, ta' għaqda, ta' parteċipazzjoni f'kortej u ta' dimostrazzjoni;

M. billi l-libertajiet ta' Hong Kong wittew it-triq għas-suċċess ekonomiku u soċjali tiegħu u wkoll għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina u indipendenti, li b'mod attiv u kostruttiv tipparteċipa fil-ħajja pubblika tas-SAR;

N. billi anke wara l-1 ta' Lulju 1997, komplew japplikaw ftehimiet dwar id-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali u ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-PRC iffirmat u rratifikat ukoll ftehimiet internazzjonali li jiggarantixxu dawn id-drittijiet, u b'dan il-mod irrikonoxxiet l-importanza u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem;

O. billi l-Unjoni Ewropea għandha interess qawwi fl-istabbiltà u l-prosperità kontinwa ta' Hong Kong skont il-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" u tagħti importanza kbira lill-preservazzjoni tal-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong, f'konformità mal-Liġi Bażika u mal-impenji internazzjonali;

P. billi f'Settembru 2020 hu skedat li jsiru l-elezzjonijiet għall-Kunsill Leġiżlattiv ta' Hong Kong;

1. Jesprimi tħassib serju dwar l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni għal Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali li għandha tiġi applikata f'Hong Kong, min-NPC fit-28 ta' Mejju 2020; jisħaq fuq il-fatt li l-introduzzjoni unilaterali ta' leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali miċ-Ċina fil-konfront ta' Hong Kong tirrappreżenta attakk fuq l-awtonomija, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali tal-belt, u tikkostitwixxi l-aktar theddida serja għall-poplu ta' Hong Kong mit-trasferiment fl-1997;

2. Jenfasizza li l-Artikolu 23 tal-Liġi Bażika effettivament jirrikjedi li l-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali trid tiġi introdotta u attivata mill-Gvern ta' Hong Kong b'mod awtonomu, u mhux minn Beijing;

3. Iwissi li kull tentattiv biex tiġi imposta leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali li ma tirriflettix ir-rieda tal-poplu ta' Hong Kong jkollu effett destabilizzanti qawwi u jipperikola l-futur ta' Hong Kong bħala belt internazzjonali miftuħa;

4. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jirrispettaw l-obbligi internazzjonali taċ-Ċina skont id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika; jisħaq fuq il-fatt li ċ-Ċina għandha tirrispetta bis-sħiħ il-Liġi Bażika u l-prinċipju ta' "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi"; jissottolinja li ċ-Ċina m'għandhiex tnawwar il-livell għoli ta' awtonomija tal-Hong Kong SAR; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jirtiraw il-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali;

5. Jikkundanna bil-qawwa l-indħil kostanti u dejjem jikber taċ-Ċina fl-affarijiet interni ta' Hong Kong, kif ukoll l-affermazzjoni reċenti miċ-Ċina li d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 hija dokument storiku, u li għaldaqstant m'għadhiex valida; jisħaq fuq il-fatt li l-Gvern Ċiniż huwa marbut li jirrispetta l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong u d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu, permezz tad-Dikjarazzjoni Konġunta rreġistrata man-NU bħala trattat legalment vinkolanti;

6. Jisħaq fuq il-fatt li jekk Beijing ma jirrispettax id-dritt internazzjonali u l-ftehimiet permanenti rigward Hong Kong, dan jgħawwar il-fiduċja u jwassal għal aktar tnawwir tal-kredibbiltà ta' Beijing fix-xena dinjija;

7. Jappella lill-Gvern ta' Hong Kong jieqaf mill-prosekuzzjoni ta' dimostranti paċifiċi, jirrilaxxahom u jwaqqa' l-akkużi kollha kontrihom, inkluż fil-konfront ta' Martin Lee Chu-ming, fundatur tal-Partit Demokratiku ta' Hong Kong u l-intraprenditur Jimmy Lai, u fil-konfront ta' dawk kollha detenuti matul jew qabel il-protesti favur l-eżerċizzju paċifiku tad-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni;

8. Jikkundanna t-theddid ta' skwalifika ta' kandidati mill-elezzjonijiet għall-Kunsill Leġiżlattiv f'Settembru li ġej; jistieden lill-awtoritajiet ta' Hong Kong jiżguraw li l-elezzjonijiet tal-Kunsill Leġiżlattiv jitmexxew b'mod ħieles, ġust u trasparenti;

9. Huwa tal-fehma li r-reazzjoni tal-UE għar-repressjoni ta' Beijing fuq Hong Kong se tkun waħda mill-aktar provi diffiċli għall-UE u għall-impenn dikjarat tagħha favur id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

10. Jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jaħdmu mal-komunità internazzjonali biex jistabbilixxu grupp ta' kuntatt internazzjonali dwar Hong Kong;

11. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġaw l-istabbiliment ta' Mibgħut Speċjali tan-NU dwar Hong Kong li jkun inkarigat mill-monitoraġġ tal-qagħda rigward l-awtonomija, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali fir-rigward ta' Hong Kong;

12. Iħeġġeġ li biex jiġu konklużi b'mod rapidu n-negozjati dwar ir-Reġim ta' Sanzjonijiet Globali tal-UE, u jistieden lill-Kunsill japplika l-mekkaniżmu li jissanzjona lil individwi, gruppi jew entitajiet responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'Hong Kong;

13. Jappoġġa lir-residenti ta' Hong Kong talli eżerċitaw b'mod qawwi id-drittijiet tagħhom favur il-libertà tal-kelma, il-libertà tal-istampa, u l-libertajiet fundamentali oħrajn kif previst mil-Liġi Bażika u mid-Dikjarazzjoni Konġunta;

14. Jitlob li fit-taħdidiet kummerċjali u ta' investiment futuri kollha tiddaħħal klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż fil-Ftehim Komprensiv ambizzjuż u bbilanċjat dwar l-Investiment (CAI) maċ-Ċina, u biex id-drittijiet tal-bniedem u Hong Kong jitpoġġew fuq l-aġenda tas-Summit UE-Ċina li jmiss;

15. Ifakkar li r-rispett sħiħ tal-Liġi Bażika tal-Hong Kong SAR huwa ta' importanza ewlenija għall-iżvilupp u t-tisħiħ u l-espansjoni ulterjuri tar-relazzjonijiet preżenti u futuri mal-UE, u li l-indħil fl-affarijiet interni ta' Hong Kong għandu l-potenzjal li jnawwar dan il-prinċipju u għaldqastant għandu jiġi evitat;

16. Jistieden lill-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong u tissottolinja l-impenn tagħha favur it-tisħiħ tad-demokrazija, inklużi l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, it-trasparenza, u l-libertà ta' informazzjoni u tal-kelma f'Hong Kong;

17. Juri rispett lejn il-poplu kuraġġuż taċ-Ċina li f'Ġunju 1989, inġabar fil-Pjazza ta' Tiananmen f'Beijing, biex jitlob it-tmiem tal-korruzzjoni, u favur riformi politiċi u libertajiet ċivili; jistieden lill-mexxejja tas-CCP jinvestigaw u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli għal din ir-repressjoni brutali u mdemmija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jħallu li l-massakru ta' Tiananmen jiġi mfakkar mhux biss f'Hong Kong, iżda ukoll fit-territorju kollu tal-PRC;

18. Jappoġġa l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu ta' Hong Kong, inkluż "l-għan aħħari" li jeleġġi, b'vot universali, il-Kap Eżekuttiv u l-membri kollha tal-Kunsill Leġiżlattiv, kif artikulat fil-Liġi Bażika; jistieden lill-VP/RGħ jissorvelja t-tħejjijiet għall-Elezzjoni li jmiss għall-Kunsill Leġiżlattiv ta' Hong Kong, kif ukoll l-elezzjoni nnifisha, bil-għan li jirreaġixxi minnufih u bis-saħħa għal kwalunkwe interferenza li tista' sseħħ f'dan il-proċess demokratiku, inkluża l-iskwalifika ta' kandidati, bħal ma ġara fl-2016;

19. Jistieden lill-VP/HR jikkoopera mill-qrib ma' pajjiżi u sħab tal-istess fehma, inklużi l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Awstralja, il-Ġappun, in-New Zealand, il-Kanada, il-Korea t'Isfel u t-Taiwan, bil-għan li jitwaqqaf it-tgħawwir tal-libertajiet ta' Hong Kong u biex is-CCP jiġi mġiegħel jirrispetta l-wegħdiet tiegħu magħmula skont "Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi" u biex isegwi l-impenji tiegħu skont id-dritt u r-regolamenti internazzjonali;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi ta' adeżjoni u tal-pajjiżi kandidati, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u lill-Kap Eżekuttiv u lill-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Ġunju 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza