Proċedura : 2020/2649(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0182/2020

Testi mressqa :

B9-0182/2020

Dibattiti :

PV 17/06/2020 - 30
CRE 17/06/2020 - 30

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0169

<Date>{10/06/2020}10.6.2020</Date>
<NoDocSe>B9‑0182/2020</NoDocSe>
PDF 159kWORD 50k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar Trasport u Turiżmu fl-2020 u lil hinn</Titre>

<DocRef>(2020/2649(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Elena Kountoura, Anne‑Sophie Pelletier, José Gusmão, Marisa Matias</Depute>

<Commission>{GUE/NGL}f'isem il-Grupp GUE/NGL</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0166/2020

B9‑0182/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Trasport u Turiżmu fl-2020 u lil hinn

(2020/2649(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 6(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 195 tat-TFUE,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 bit-titolu "It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn" (COM(2020)0550),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 "Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – COVID-19"(C(2020)3250),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 "Linji gwida dwar ir-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività – COVID-19" (C(2020)3139),

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimborż ta' pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 "Gwida tal-UE biex jerġgħu jibdew progressivament is-servizzi tat-turiżmu u għall-protokolli tas-saħħa fi stabbilimenti tal-ospitalità – COVID-19" (C(2020)3251),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill tal-15 ta' April 2020 dwar il-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta' konteniment tal-COVID-19,

 wara li kkunsidra l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII) u l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (CRII+), adottati mill-Parlament fis-26 ta' Marzu 2020 u fis-17 ta' April 2020 rispettivament, li b'mod partikolari jippermettu aktar flessibbiltà fl-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) għall-Istati Membri,

 wara li kkunsidra l-pakkett ta' EUR 540 biljun adottat mill-Grupp tal-Euro biex jappoġġja lill-Istati Membri, lill-kumpaniji u lill-ħaddiema matul il-kriżi tal-COVID-19 permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE),

 wara li kkunsidra l-adozzjoni fid-19 ta' Marzu 2020 ta' qafas temporanju li jippermetti lill-Istati Membri jappoġġjaw aktar l-ekonomija fit-tifqigħa tal-COVID-19 billi jużaw il-flessibbiltà sħiħa prevista fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru[1],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2010 bit-titolu "Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020)0456),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa" (COM(2020)0442),

 wara li kkunsidra n-nota ta' valutazzjoni preliminari tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tat-18 ta' Marzu 2020 bit-titolu "COVID-19 and the world of work: Impacts and policy responses" (Il-COVID-19 u d-dinja tax-xogħol: l-impatti u r-risponsi ta' politika),

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha dwar ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-pakkett, l-Artikolu 16 dwar l-obbligu li tingħata assistenza u l-Kapitolu V, li jirregola l-protezzjoni tal-vjaġġaturi mill-insolvenza ta' organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut[3],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat kriżi tas-saħħa bla preċedent fl-Istati Membri kollha tal-UE u globalment; billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat ukoll impatt enormi fuq l-impjiegi, il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u fuq is-sistemi ekonomiċi kollha tal-Istati Membri tal-UE;

B. billi s-settur tat-turiżmu u tal-ivvjaġġar huwa wieħed mis-setturi li ġie affettwat l-aktar b'mod negattiv minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19; billi matul l-ewwel kwart tal-2020 l-attivitajiet kollha tat-turiżmu waslu, b'mod gradwali, għal waqfa totali kemm fl-UE kif ukoll globalment; billi l-irkupru tas-settur huwa ta' importanza kruċjali għall-ekonomiji, l-impjiegi u l-iżvilupp soċjali tal-pajjiżi tal-UE;

C. billi bosta Stati Membri tal-UE applikaw miżuri bħar-restrizzjoni tal-moviment liberu u l-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni; billi fil-fruntieri esterni tal-UE ġew applikati restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar mhux essenzjali;

D. billi t-tifqigħa tal-COVID-19 qiegħda jkollha impatt kbir fuq it-trasport u l-konnettività fl-UE; billi l-miżuri biex titrażżan it-tifqigħa rriżultaw fi tnaqqis drammatiku fl-attività tat-trasport, speċjalment fit-trasport tal-passiġġieri;

E. billi s-settur tat-turiżmu tal-UE jimpjega madwar 13-il miljun ruħ; billi l-Kunsill Dinji għall-Ivvjaġġar u t-Turiżmu jipprevedi li fl-2020 is-setturi tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu jistgħu jitilfu 75 miljun impjieg madwar id-dinja u 6.4 miljun impjieg fl-UE; billi bosta ħaddiema għandhom relazzjonijiet tax-xogħol prekarju u tilfu xogħolhom jew jirriskjaw li dalwaqt jitilfu x-xogħolhom; billi t-turiżmu jiddependi ħafna fuq ħaddiema staġjonali u temporanji li ta' spiss jiġu impjegati b'forom ta' impjieg li mhumiex standard;

F. billi l-Istati Membri għandhom ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u jerġgħu jibdew l-attivitajiet turistiċi b'mod ikkoordinat filwaqt li jimplimentaw protokolli armonizzati tas-saħħa u s-sikurezza; billi miżuri unilaterali u frammentati mill-gvernijiet nazzjonali jwasslu biss għal konfużjoni u tfixkil għall-vjaġġaturi u l-kumpaniji; billi s-salvagwardja tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-konsumaturi għandha dejjem tkun l-ogħla prijorità; billi, biex jerġgħu jinfetħu, in-negozji kollha għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti tas-saħħa, tas-sikurezza u tad-distanza fiżika;

G. billi t-turiżmu huwa settur kumpless ta' bosta partijiet ikkonċernati, li fih il-mobilità għandha rwol kruċjali; billi 90 % tas-settur huwa magħmul minn SMEs; billi l-maġġoranza tal-kumpaniji tat-turiżmu qegħdin jiffaċċjaw kriżi fil-likwidità; billi l-kriżi laqtet l-agħar lill-SMEs; billi individwi li jaħdmu għal rashom, bħall-gwidi turistiċi, qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' qerda ekonomika;

H. billi għal bosta Stati Membri, reġjuni u bliet Ewropej, it-turiżmu huwa kontributur ewlieni għan-nisġa ekonomika u soċjali; billi, ta' spiss, it-turiżmu jipprovdi impjiegi u dħul lil reġjuni mingħajr ebda sors alternattiv; billi l-gżejjer, ir-reġjuni kostali u r-reġjun ultraperiferiċi ħassew il-piż tal-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19;

I. billi n-nuqqas ta' prenotazzjonijiet ġodda u l-għadd mingħajr preċedent ta' talbiet għal rimborż għall-kanċellazzjonijiet ħolqu problema drammatika fil-likwidità għas-settur tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu;

J. billi r-regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u d-Direttiva tal-UE dwar il-Vjaġġi Kollox Inkluż li jipproteġu d-drittijiet tal-vjaġġaturi ddgħajfu b'mod partikolari fir-rigward ta' rimborż ta' klijenti li ma setgħux jivvjaġġaw minħabba l-pandemija u minħabba l-kanċellazzjoni sussegwenti ta' titjiriet, il-problema fil-likwidità tas-settur tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu u t-tendenza li ċerti kumpaniji ffavorixxew għotjiet lill-partijiet ikkonċernati minflok obbligi oħra tad-drittijiet tal-konsumatur;

K. billi bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar "It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn" u l-Pakkett dwar it-Turiżmu u t-Trasport fit-13 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni ħadet l-ewwel pass lejn irkupru kkoordinat tas-setturi tat-trasport u tat-turiżmu;

L. billi ma hemm l-ebda linja ddedikata għat-turiżmu fil-baġit tal-UE, u l-azzjonijiet f'dan il-qasam jaqgħu taħt diversi fondi, proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji differenti;

M. billi s-setturi tat-turiżmu u tat-trasport fl-UE jeħtieġu bidla lejn mudell aktar sostenibbli, innovattiv u reżiljenti;

1. Jagħraf l-importanza tas-setturi tat-turiżmu u tat-trasport għall-ekonomija u l-impjiegi fl-Istati Membri kollha tal-UE; isostni li appoġġ rapidu fi żmien qasir għas-setturi tat-turiżmu u tat-trasport, filwaqt li meħtieġ biex jiġu żgurati s-sopravivenza u l-kompetittività tagħhom, għandu jkun konformi mal-impenji tal-UE għat-tnaqqis tal-karbonju u s-sostenibbiltà u għandu jiġi segwit minn miżuri ta' implimentazzjoni li jagħtu fiduċja lill-vjaġġaturi li jivvjaġġaw lura lejn l-Ewropa jew fi ħdanha;

2.  Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar "It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn” u l-Pakkett dwar it-Turiżmu u t-Trasport tat-13 ta' Mejju 2020; jappella lill-Istati Membri kollha biex japplikaw approċċ ikkoordinat għat-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u biex jistabbilixxu mill-ġdid b'mod sikur u gradwali l-konnessjonijiet tat-trasport u l-attivitajiet turistiċi, filwaqt li jiżguraw il-ħarsien tas-saħħa pubblika u speċjalment is-saħħa tal-ħaddiema u tal-vjaġġaturi; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' protokolli sanitarji effikaċi u ċari fil-livell tal-UE biex tiġi żgurata l-fiduċja bejn l-ospitanti u l-vjaġġaturi;

3. Jafferma li r-rispons tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19 m'għandux jintuża biex tiġi promossa konċentrazzjoni monopolistika saħansitra akbar tas-setturi tat-trasport, prinċipalment fis-settur tal-avjazzjoni;

4. Jisħaq li l-Istati Membri tal-UE għandu jkollhom il-possibbiltà li jreġġgħu lura l-liberalizzazzjoni tas-setturi tat-trasport (ferroviji, toroq, Ajru Uniku Ewropew, portijiet) biex jiddefendu l-interessi tal-poplu, is-sovranità nazzjonali u l-iżvilupp;

5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi aktar kjarifiki dwar il-kriterji li għandhom jintużaw mill-Istati Membri meta jiddeċiedu dwar it-tkomplija tal-attivitajiet ta' vjaġġar u turiżmu; jissottolinja li s-sitwazzjoni attwali ma tipprovdix ċertezza għall-partijiet ikkonċernati u l-vjaġġaturi bi tħejjija għall-istaġun turistiku tas-sajf;

6. Jissottolinja li l-iskrinjar huwa mezz effikaċi biex jitnaqqas it-tixrid tal-virus u tissaħħaħ il-fiduċja f'każijiet fejn ma jkunx possibbli li jsir it-tbegħid soċjali, bħal fl-ajruplani, dejjem jekk ikunu disponibbli metodi ta' skrinjar rapidi, affidabbli u affordabbli; jappella lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u mal-Istati Membri, regolarment tevalwa l-eżistenza ta' testijiet li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet u, meta jkunu disponibbli, jitwettaq akkwist ikkoordinat biex jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet u prezz possibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw l-għodod ta' finanzjament kollha disponibbli biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu ttestjati mingħajr ħlas;

7. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jiggarantixxu l-protezzjoni tal-impjiegi kollha fis-setturi tat-turiżmu u tat-trasport billi jippromwovu kundizzjonijiet tax-xogħol li jkunu deċenti u regolati abbażi ta' negozjar kollettiv u billi jtejbu l-kundizzjonijiet ġenerali tad-dħul tal-ħaddiema fis-settur; jissottolinja li l-appoġġ għall-impjiegi għandu jkopri l-ħaddiema kollha, inklużi dawk b'forom ta' impjieg mhux standard li huma kompletament esklużi minn arranġamenti għal żmien qasir jew forom oħra ta' skemi ta' kumpens għal paga tal-Istat; jisħaq li l-investimenti għandhom ikunu dedikati għall-promozzjoni ta' impjiegi ta' kwalità u għall-istabbiltà finanzjarja biex jingħelbu l-fluttwazzjonijiet ekonomiċi;

8. Jisħaq li l-kriżi attwali tas-saħħa turi l-importanza tal-investiment fit-trasport pubbliku; jiddeplora n-nuqqas ta' provvista u t-trasport ta' passiġġieri f'kundizzjonijiet li ma jħarsux is-saħħa pubblika;

9. Jappella għall-istabbiliment ta' sistema ta' garanzija ta' dħul minimu fl-Istati Membri li tikkomplementa servizzi pubbliċi universali u ta' kwalità għolja, prinċipalment servizzi tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali, li jipprovdu kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti u xibka ta' sikurezza effikaċi għal dawk l-aktar vulnerabbli, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi bħall-kriżi attwali tal-COVID-19, bil-ħsieb li tinkiseb inklużjoni soċjali sħiħa;

10. Jisħaq li eluf ta' kumpaniji, b'mod partikolari SMEs, qegħdin jitħabtu biex jissopravvivu filwaqt li bosta minnhom qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' insolvenza; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-iżviluppi u jivvalutaw il-possibbiltà ta' appoġġ imsaħħaħ għal emerġenza, b'rabta mal-istrumenti diġà mħabbra, billi jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex b'mod urġenti jevitaw il-falliment ta' negozji vijabbli, speċjalment SMEs, inkluż, pereżempju, permezz ta' garanziji, self irħis u arranġamenti għal dejn pendenti, bħal ħelsien mit-taxxa, differiment ta' ripagamenti għal self bankarju u soluzzjonijiet li jkopru r-riskji mġarrba mill-fornituri ta' servizzi sakemm jerġgħu jibdew il-flussi turistiċi u tat-trasport;

11. Jinnota li f'każ li ma tiġix evitata mewġa ta' fallimenti fis-settur, dan iqiegħed lill-kumpaniji l-kbar eżistenti f'pożizzjoni dominanti u jwassal għal prezzijiet ogħla għall-konsumaturi u għal dħul aktar baxx għall-bqija tal-SMEs;

12. Jappella għall-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-konsumaturi u tal-vjaġġaturi kontra prattiki illegali minn ċerti kumpaniji; jappella lill-Istati Membri jiżguraw l-infurzar l-aktar strett u rapidu tad-drittijiet tal-konsumaturi u tal-vjaġġaturi, speċjalment meta l-kumpaniji inkwistjoni jibbenefikaw minn rikapitalizzazzjonijiet pubbliċi; jappella għall-ħolqien ta' fond ta' garanzija għall-ivvjaġġar li jiżgura protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-vjaġġaturi;

13. Jappella biex is-setturi tat-turiżmu u tat-trasport jiġu appoġġjati b'mod b'saħħtu mill-pjan ta' rkupru tal-UE; jappella biex parti sinifikanti tal-pjan ta' rkupru, tal-anqas 20 %, tiġi allokata biex is-settur jerġa' jingħata l-ħajja; jappella biex dan il-pjan ta' rkupru jkun strettament konformi mal-impenji tal-UE dwar it-tnaqqis tal-karbonju u s-sostenibbiltà; jappella biex jittieħed approċċ soċjalment responsabbli għall-protezzjoni tal-impjiegi u tal-pagi;

14. Jaċċentwa l-importanza tat-turiżmu għal ċerti pajjiżi u żoni ġeografiċi tal-UE, fejn is-servizzi relatati mat-turiżmu sikwit huma fattur importanti biex jiżguraw l-impjieg u huma wieħed mis-sorsi ewlenin ta' dħul għall-popolazzjoni lokali; jappella lill-Kummissjoni tfassal miżuri mfassla apposta meta jinġiebu lura l-libertà ta' moviment u l-konnessjonijiet tat-trasport bejn it-territorji ultraperiferiċi u l-gżejjer u l-kontinent tal-UE; jindika li korsiji speċifiċi ta' konnessjoni u appoġġ finanzjarju u amministrattiv addizzjonali huma ta' tal-akbar importanza għal dawn ir-reġjuni; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żviluppat fokus kostali u marittimu fl-istrateġija u l-inizjattivi tat-turiżmu tal-UE, inklużi opportunitajiet ta' finanzjament u għodod ta' promozzjoni u ta' komunikazzjoni, permezz tal-istabbiliment ta' politiki magħmula għall-eżiġenzi speċifiċi b'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u mal-awtoritajiet tad-destinazzjoni;

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi programm Ewropew ġdid ta' turiżmu soċjali li jippermetti lill-gruppi soċjali vulnerabbli jużaw il-vouchers turistiċi nazzjonali fi stabbilimenti assoċjati fi Stati Membri oħra li joffru wkoll programm ta' turiżmu soċjali liċ-ċittadini tagħhom; jinnota li bosta Stati Membri qegħdin jimplimentaw programmi bħal dawn b'riżultati tajbin ħafna u jemmen li jkun pożittiv ħafna li dawn l-iskemi jsiru interoperabbli fil-livell tal-UE;

16. Itenni t-talba tiegħu biex tiġi stabbilita linja baġitarja ddedikata għal turiżmu sostenibbli fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (QFP 2021–2027) u jindika li ma jeżistix strument finanzjarju konkret u mmirat biex tingħata spinta lill-prosperità u lit-tkabbir fis-settur;

17. Jappella lill-Kummissjoni tistudja l-fattibbiltà u l-benefiċċji potenzjali ta' mekkaniżmu ta' ġestjoni tal-kriżijiet għas-settur tat-turiżmu tal-UE li jirreaġixxi b'mod adegwat u rapidu, mhux biss għat-tifqigħa attwali tal-COVID‑19 iżda wkoll biex iħejji għal sfidi futuri bħat-tibdil fil-klima, it-turiżmu eċċessiv, il-kwistjonijiet ta' sigurtà u jippromwovi l-Ewropa bħala l-aqwa destinazzjoni fid-dinja; jisħaq fuq l-importanza li jiġu inklużi soluzzjonijiet ta' finanzjament għal nuqqasijiet finanzjarji għal żmien qasir u anke li jipprevedu l-attivazzjoni ta' oqfsa u strateġiji għal perjodu ta' żmien medju u twil;

18. Jindika li l-objettiv prevalenti għandu jkun is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tat-turiżmu, skont l-impenji li ttieħdu mill-UE fi ħdan il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, biex jiġi żgurat ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja, tkabbir sostenibbli u kontribut akbar għall-koeżjoni soċjali u reġjonali;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew, u lill-Kummissjoni.

 

[1] Testi adottati, P9_TA(2020)0124.

[2] ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.

[3] ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Ġunju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza