Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0195/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0195/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd

16.6.2020 - (2020/2685(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Christine Anderson, Marco Campomenosi, Nicolaus Fest, Jaak Madison, Thierry Mariani, Jörg Meuthen, Jérôme Rivière, Tom Vandendriessche, Harald Vilimsky, Marco Zanni
f'isem il-Grupp ID

Proċedura : 2020/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0195/2020
Testi mressqa :
B9-0195/2020
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0195/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd

(2020/2685(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1976, b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 6(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

 wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (2001/931/PESK),

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/20 tat-13 ta' Jannar 2020 li taġġorna l-lista ta' persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1341,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Ġunju 2020 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2001 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, inkluża l-qerda tal-patrimonju kulturali tagħha[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh[2],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fil-25 ta' Mejju 2020 George Floyd miet wara intervent tal-pulizija f'Minneapolis fl-Istati Uniti tal-Amerka; billi hemm filmat tal-inċident, li ġie kondiviż ħafna drabi fuq il-mezzi tal-media soċjali, u li qed jipprovoka kommozzjoni enormi fid-dinja kollha;

B. billi, fl-Artikolu 21 tiegħu, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jirrikonoxxi d-dritt ta' protesta paċifika;

C. billi gruppi estremisti tax-xellug qed jieħdu vantaġġ mill-mewt ta' George Floyd għall-iskopijiet ħżiena tagħhom; billi dawn il-gruppi ppromwovew protesti vjolenti fl-Istati Uniti u fl-Ewropa; billi l-moviment Antifa, b'mod partikolari, organizza u wettaq attakki vjolenti fl-Istati Uniti, u f'postijiet oħra, bl-iskuża tal-protesta kontra l-mewt ta' George Floyd;

D. billi l-moviment Antifa huwa magħruf li inċita u wettaq atti ta' vjolenza fl-Ewropa; billi fi Franza seħħew avvenimenti serji fir-rigward tal-mewt ta' George Floyd, li tmexxew mill-estremisti tax-xellug u mill-gruppi magħrufa bħala Antifa; billi dawn l-azzjonijiet ġew imħeġġa b'mod partikolari mill-partit La France Insoumise, li huwa parti mill-grupp politiku GUE/NGL;

E. billi, wara l-mewt ta' George Floyd, bdew isiru protesti tal-moviment Black Lives Matter (BLM) fl-Istati Uniti u fl-Ewropa kollha, minkejja li ninsabu f'nofs il-pandemija tal-COVID-19; billi l-protesti wasslu għal vjolenza mill-marmalji, irvellijiet u sakkeġġi li għamlu dannu irreparabbli għal proprjetà pubblika u privata;

F. billi l-moviment BLM juża retorika diskriminatorja; billi persuni minn kull sfond ibatu minn każijiet eċċezzjonali ta' brutalità mill-pulizija; billi l-motto "Black Lives Matter" jidher li jinjora l-fatt li kull ħajja tgħodd;

1. Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familja u l-ħbieb ta' George Floyd, u jikkundanna bil-qawwa l-fatt li George Floyd inqatel bħala riżultat ta' azzjoni eċċessiva mill-pulizija;

2. Jikkundanna l-ftit każijiet magħrufa ta' brutalità mill-pulizija, li persuni minn kull sfond ibatu bl-istess mod; jappoġġa lill-forzi tal-pulizija bħala strument essenzjali għall-infurzar tal-istat tad-dritt;

3. Ifakkar li l-prosekuzzjoni kriminali taqa' fl-ambitu tal-kompetenza tas-sovranità ġudizzjarja ta' Stat; iqis li ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li s-sistemi ġuridiċi fl-Istati Uniti mhux se jkunu attrezzati biżżejjed biex iressqu lil-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja; iqis, barra minn hekk, li kwalunkwe forma ta' każ fejn il-massa tieħu l-ġustizzja f'idejha hija inaċċettabbli;

4. Jikkundanna l-protesti vjolenti u distruttivi li faqqgħu madwar id-dinja wara l-mewt ta' George Floyd, li użaw mewtu bħala skuża għall-vjolenza u kkawżaw ħsara ekonomika inkalkulabbli, u f'xi każijiet ħsara fiżika; jinsab ixxukkjat bil-qerda u s-sakkeġġ appoġġati minn gruppi estremisti tax-xellug u tax-xellug radikali fost oħrajn; jikkundanna kull att ta' vjolenza u qerda bl-aktar mod qawwi; jistieden lil dawk li jixtiequ jipprotestaw biex jagħmlu dan b'mod paċifiku;

5. Josserva b'orrur iċ-ċaqliq ikonoklastiku u settarju tal-progressività, li jfakkar fit-Taliban; jikkundanna l-vandaliżmu u l-ħsara lill-istatwi u oġġetti oħra li huma parti mill-wirt artistiku u kulturali dinji, u li tpoġġew fil-mira ta' attakki vjolenti bil-għan li jeqirdu jew jisfruttaw it-tifsira u l-valur storiku tagħhom;

6. Ifakkar fil-prinċipju ta' responsabbiltà kriminali individwali għal reati serji u, f'dan ir-rigward, jesprimi solidarjetà mal-maġġoranza tal-uffiċjali tal-pulizija li josservaw il-liġi u li jwettqu l-kompitu fundamentali li jżommu s-sikurezza pubblika, fil-biċċa l-kbira, f'ambjent ferm ostili;

7. Iqis li l-maġġoranza tar-rappurtar tal-mezzi tradizzjonali tal-media dwar il-mewt ta' George Floyd u l-protesti sussegwenti kienet preġudikata u pprovokat il-polarizzazzjoni fis-soċjetà;

8. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-protesti tal-massa li seħħew madwar id-dinja wara l-mewt ta' George Floyd mingħajr ma ġew ikkunsidrati l-miżuri ta' tbegħid soċjali, li jista' jkollhom impatt serju fuq il-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-awtoritajiet jappoġġaw il-prinċipju tal-applikazzjoni tal-liġi b'mod ugwali, peress li bosta protesti preċedenti kellhom jikkonformaw għalkollox mar-regoli dwar it-tbegħid soċjali, li jillimitaw il-libertà ta' għaqda;

9. Iqis ir-razziżmu bħala kwistjoni multidimensjonali, b'awturi u vittmi ta' kull sfond; jiddenunzja kunċetti bħall-privileġġ tal-bojod u l-ħtija storika kollettiva bħala teoriji razzisti; jiddikjara li l-ebda persuna ma għandha tiskuża ruħha jew tpoġġi għarkupptejha quddiem persuna oħra minħabba l-kulur tal-ġilda tagħha; ifakkar fl-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jiddikjara li d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli, sabiex mhux biss ħajjet is-suwed, iżda l-ħajjiet kollha jgħoddu bl-istess mod;

10. Jirrimarka li, fin-Niġerja, eluf ta' Nsara suwed inqatlu f'idejn l-Iżlamisti radikali bħall-grupp kult "Boko Haram", għalkemm ħadd mill-hekk imsejjaħ moviment "BLM" ma ddefenda lil dawn il-vittmi; jirrimarka, barra minn hekk li, minn mindu ntemm l-apartheid fl-Afrika t'Isfel, inqatlu aktar minn 2 000 bidwi bojod filwaqt li l-komunità internazzjonali għalqet għajnejha għal dan fit-tfittxija tagħha għal korrettezza politika;

11. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni biex, flimkien mal-Kunsill jikkundannaw b'mod espliċitu kull sura ta' razziżmu u jiddikjaraw li kull ħajja tgħodd;

12. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Istati Uniti fl-iżgurar tal-ordni pubbliku matul id-dimostrazzjonijiet, u jappoġġa l-fatt li organizzazzjonijiet vjolenti li jheddu s-sigurtà pubblika jiġu inklużi fil-lista ta' assoċjazzjonijiet terroristiċi; jistieden lill-VP/RGħ jipproponi lill-Kunsill rieżami tal-lista tal-organizzazzjonijiet terroristiċi rikonoxxuti mill-UE sabiex jittieħdu l-kontromiżuri meħtieġa;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Aġent Rappreżentant tal-Istati Uniti lill-UE, lill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti u lill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Ġunju 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza