Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0197/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0197/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd

16.6.2020 - (2020/2685(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Michael Gahler, Isabel Wiseler‑Lima, Roberta Metsola, Sandra Kalniete
f'isem il-Grupp PPE

Proċedura : 2020/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0197/2020
Testi mressqa :
B9-0197/2020
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0197/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd

(2020/2685(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-razziżmu, l-anti-Semitiżmu u l-mibegħda kontra l-minoranzi fid-dinja,

 wara li kkunsidra l-konferenza stampa bil-vidjo tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-2 ta' Ġunju 2020, wara l-mewt ta' George Floyd,

 wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet li sar fil-5 ta' Ġunju 2020 dwar il-każ ta' George Floyd fis-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet tat-28 ta Mejju 2020, li fiha tikkundanna l-qtil ta' George Floyd,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (ICERD),

 wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fil-25 ta' Mejju 2020, George Floyd, raġel Afro‑Amerikan, kien issuspettat li uża karta tal-flus ta' USD 20 falza u li wara ġie arrestat mill-pulizija barra ħanut f'Minneapolis, Minnesota; billi l-uffiċjal tal-pulizija Derek Chauvin, niżel għarkobbtejh fuq għonq George Floyd għal diversi minuti, azzjoni li wasslet għall-mewt tiegħu;

B. billi Derek Chauvin ġie akkużat b'omiċidju volontarju mhux premeditat u b'omiċidju tat-tieni grad, akkużi li għandhom sentenza massima ta' 35 sena; billi t-tliet uffiċjali tal-pulizija l-oħra li kienu parteċipi fl-arrest ta' George Floyd ġew imkeċċija u qed jiffaċċjaw akkużi ta' għajnuna u assistenza;

C. billi din il-mewt skattat katina ta' protesti kontra r-razziżmu fil-50 Stat tal-Istati Uniti u f'Washington DC li nfirxu madwar id-dinja; billi d-dimostranti nġabru wkoll quddiem l-għassa tal-pulizija f'Minneapolis, fil-post fejn kienu bbażati l-uffiċjali tal-pulizija involuti fl-arrest ta' George Floyd, u tawha n-nar; billi seħħew konfronti vjolenti bejn il-pulizija u d-dimostranti madwar il-bliet kollha fl-Istati Uniti u ġiet skjerata l-Gwardja Nazzjonali;

D. billi ġurnalist tas-CNN, Omar Jimenez, u l-kollegi tiegħu ġew arrestati waqt li kienu qegħdin ikopru l-protesta f'Minneapolis u li wara nħelsu meta kien ikkonfermat li kienu membri tal-midja; billi għadd kbir ta' ġurnalisti twaqqfu milli jirrappurtaw liberament dwar id-dimostrazzjonijiet, minkejja li wrew b'mod viżibbli l-kredenzjali tagħhom bħala membri tal-mezzi tax-xandir, u għexieren minnhom ġew attakkati mill-forzi tal-pulizija, filwaqt li wħud ġarrbu ġrieħi serji;

E. billi wara ġimgħatejn ta' protesti kontinwi fl-Istati Uniti, id-dimostrazzjonijiet kontra r-razziżmu issa nfirxu madwar id-dinja; billi f'għexieren ta' pajjiżi d-dimostranti esprimew il-ħtieġa urġenti għal ġustizzja, riforma tal-pulizija u l-ugwaljanza razzjali;

F. billi l-komunità internazzjonali demokratika, inkluża l-Unjoni Ewropea, ċaħdet bil-qawwa l-użu eċċessiv tal-forza, ikkundannat il-vjolenza u r-razziżmu ta' kull xorta, u talbet biex tali inċidenti jiġu indirizzati malajr, b'mod effettiv u b'rispett sħiħ tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

G. billi l-vjolenza u l-qerda ta' proprjetà mhux se jsolvu l-problema ta' diskriminazzjoni stabbilita u għandhom jiġu kkundannati bil-qawwa; billi d-dimostranti jridu jesprimu t-talbiet tagħhom għal ġustizzja b'mod paċifiku u l-pulizija u l-forzi tas-sigurtà l-oħrajn iridu jieqfu milli jkomplu jeskalaw is-sitwazzjoni ta' tensjoni kurrenti bl-użu ta' forza eċċessiva;

H. billi d-dritt għal protesta paċifika huwa minqux fl-Artikoli 18 sa 22 tal-ICCPR u tal-KEDB, u huwa protett mill-Ewwel Emenda fil-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti; billi l-pajjiżi għandhom l-obbligu li jirrispettaw, jipproteġu u jissodisfaw id-dritt għal protesta paċifika;

I. billi l-UE hija impenjata li tirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni;

J. billi l-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet, peress li jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista' jkun soġġett għal tali formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti mil-liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, l-integrità territorjali jew is-sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-għemil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta' ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta' informazzjoni riċevuta b'mod kunfidenzjali, jew biex tiġi miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura, kif preskritt mill-Artikolu 10 tal-KEDB.

K. billi bi qbil mal-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-UE "għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali [tal-Istati Membri], inklużi dawk li jassiguraw l-integrità territorjali tal-Istat, iż-żamma tal-liġi u l-ordni u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali". billi "b'mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa' r-responsabbiltà unika ta' kull Stat Membru";

1. Jiddikjara li "Black Lives Matter";

2. Jiċħad kull forma ta' vjolenza, diskriminazzjoni, preġudizzju razzjali espliċitu u impliċitu u t-tgawdija mhux ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali li jwasslu għal razziżmu strutturali; jindika li bosta gruppi ripressi għadhom qed jiffaċċjaw forom ta' diskriminazzjoni istituzzjonali u sistematika abbażi tal-oriġini etnika tagħhom, f'oqsma bħall-aċċess għall-ġustizzja, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-impjieg; jaċċentwa li ħafna minn dawn il-gruppi jisfaw il-mira ta' diskors ta' mibegħda razzjali u ta' reati ta' mibegħda;

3. Jikkundanna bil-kbir il-mewt ta' George Floyd u jesprimi s-solidarjetà totali tiegħu ma' qrabatu u ma' ħbiebu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Amerikani jinvestigaw dan il-każ u każijiet simili u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

4. Ifakkar fid-dritt għal protesta paċifika ta' kull individwu kif minqux fit-trattati internazzjonali u fil-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti; jinsisti li d-dritt għal-libertà ta' għaqda, id-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal-libertà tal-kelma jridu jiġu protetti mingħajr kundizzjonijiet madwar id-dinja kollha;

5. Jikkundanna l-episodji ta' sakkeġġ, ħruq, vandaliżmu u qerda ta' proprjetà pubblika u privata kkawżati minn xi dimostranti vjolenti; jikkundanna l-forzi estremisti u kontra d-demokrazija li b'mod intenzjonat jagħmlu użu ħażin tal-protesti paċifiċi biex jaggravaw il-kunflitti, bil-għan li jxerrdu d-diżordni u l-anarkija;

6. Iħeġġeġ lill-pajjiżi madwar id-dinja għal reati ta' mibegħda, inkluża l-investigazzjoni ta' motivazzjoni ta' preġudizzju għal reati bbażati fuq ir-razza, in-nazzjonalità jew l-oriġini etnika, u jiżguraw li r-reati ta' mibegħda kontra l-persuni suwed u komunitajiet oħrajn jiġu reġistrati, investigati, ipproċessati u ssanzjonati;

7. Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji internazzjonali kontra r-razziżmu li jindirizzaw is-sitwazzjoni komparattiva ta' persuni minn komunitajiet oppressi f'oqsma bħall-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-imprenditorija, is-saħħa, l-impjieg, il-pulizija, is-servizzi soċjali, is-sistema tal-ġustizzja u l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika;

8. Jappella t-tmiem tat-tfassil ta' profil razzjali u etniku fil-forom kollha tiegħu għal użu fl-infurzar tal-liġi, il-prevenzjoni tal-kriminalità u fil-miżuri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u biex jiġu pprojbiti uffiċjalment il-prattiki ta' diskriminazzjoni illegali u l-vjolenza permezz ta' taħriġ kontra r-razziżmu u kontra l-preġudizzju għall-awtoritajiet;

9. Josserva r-rwol importanti tal-ġurnalisti u tal-fotoġurnalisti fir-rappurtar ta' każijiet ta' vjolenza sproporzjonata, u jikkundanna l-każijiet kollha fejn ġew attakkati deliberatament; jissottolinja li l-pajjiżi għandhom obbligu pożittiv li jissalvagwardjaw il-ġurnalisti fl-UE u madwar id-dinja;

10. Jinsisti li l-gvernijiet iridu jadottaw u jimplimentaw qafas legali u ta' politika domestiku dwar l-użu tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u jiżguraw li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi kollha jikkonformaw bis-sħiħ mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mal-istandards dwar il-pulizija, b'mod partikolari l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar minn Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera bis-sħiħ mal-atturi internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ma' sħab internazzjonali oħrajn, bil-għan li t-terroriżmu jiġi miġġieled fil-livell internazzjonali;

12. Jikkundanna l-fatt li l-forzi politiċi estremisti u ksenofobiċi madwar id-dinja qegħdin jirrikorru dejjem aktar għad-distorsjoni tal-fatti storiċi, statistiċi u xjentifiċi, jagħmlu użu minn simboliżmu u retorika li jfakkru aspetti ta' propaganda totalitarja, inklużi r-razziżmu, l-anti-Semitiżmu u l-mibegħda lejn il-minoranzi;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump u lill-amministrazzjoni tiegħu, u lill-Kungress tal-Istati Uniti.

 

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Ġunju 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza