MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ħtif internazzjonali u nazzjonali ta' tfal tal-Unjoni minn ġenitur fil-Ġappun
1.7.2020 - (2020/2621(RSP))
Dolors Montserrat
f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet
B9‑0205/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtif internazzjonali u nazzjonali ta' tfal tal-Unjoni minn ġenitur fil-Ġappun
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
⎯ wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) tal-20 ta' Novembru 1989,
⎯ wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta' minuri tal-25 ta' Ottubru 1980 (minn issa 'l quddiem "il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980"),
⎯ wara li kkunsidra l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 3(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963,
– wara li kkunsidra l-prinċipji enfasizzati fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar is-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal madwar l-UE abbażi ta' petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament Ewropew[1],
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal tal-2017,
– wara li kkunsidra r-rwol u l-attivitajiet tal-Koordinatur tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal, dwar il-kwistjoni tal-ħtif ta' tfal minn ġenitur u t-tilwimiet dwar il-kustodja u l-aċċess li jinvolvu tfal b'ċittadinanza tal-UE fil-Ġappun,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet waqt il-laqgħa tad-19 u l-20 ta' Frar 2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-laqgħa tiegħu tad-19 ta' Frar 2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet iddiskuta l-petizzjonijiet 0594/2019, 0841/2019, 0842/2019 u 0843/2019 dwar il-ħtif tat-tfal mill-ġenituri u d-drittijiet ta' żjarat li jinvolvu koppji ta' nazzjonalità mħallta, fejn persuna waħda mill-koppja hija ċittadina tal-UE u l-oħra hija Ġappuniża;
B. billi dawk il-petizzjonijiet qajmu tħassib dwar ir-rekord fqir tal-Ġappun fl-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qorti biex it-tfal jingħataw lura skont il-proċedimenti tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u dwar in-nuqqas ta' mezzi biex jiġu infurzati d-drittijiet ta' aċċess u ta' żjarat, u b'hekk il-ġenituri tal-UE ma jitħallewx iżommu relazzjoni sinifikanti mat-tfal tagħhom li jgħixu fil-Ġappun;
C. billi l-għadd sinifikanti ta' każijiet mhux solvuti ta' ħtif ta' tfal minn ġenitur fejn wieħed/waħda mill-ġenituri huwa/hija ċittadin(a) tal-UE u l-ieħor/l-oħra huwa/hija ċittadin(a) Ġappuniż(a) huwa allarmanti;
D. billi skont il-liġi Ġappuniża ma hemm l-ebda possibbiltà li tinkiseb il-kustodja kondiviża jew konġunta; billi ntwera minn sorsi differenti li l-ħtif ta' tfal huwa forma qawwija ta' abbuż tat-tfal;
E. billi d-drittijiet ta' aċċess jew ta' żjarat tal-ġenituri "abbandunati" fil-Ġappun huma estremament limitati jew ma jeżistux;
F. billi l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tal-UNCRC;
G. billi l-Ġappun aderixxa mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-2014 u ilu parti għall-UNCRC mill-1994;
H. billi t-tfal li huma ċittadini tal-UE u jgħixu fil-Ġappun jeħtiġilhom li jkollhom id-dritt għall-protezzjoni u l-kura kif inhu meħtieġ għall-benesseri tagħhom; billi huma jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom b'mod liberu; billi dawn l-opinjonijiet iridu jitqiesu f'kwistjonijiet li jirrigwardawhom, skont l-età u l-maturità tagħhom.
I. billi l-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà primarja għat-trobbija u l-iżvilupp tat-tfal tagħhom; billi l-partijiet għandhom l-obbligu li jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex jiżguraw li jiġi rikonoxxut il-prinċipju li ż-żewġ ġenituri għandhom responsabbiltajiet komuni fit-trobbija u l-iżvilupp tat-tfal tagħhom;
J. billi, f'kull azzjoni relatata mat-tfal tal-UE fil-Ġappun, l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu l-kunsiderazzjoni primarja;
K. billi kull tifel u tifla tal-UE fil-Ġappun jeħtiġilhom li jkollhom id-dritt li jżommu, fuq bażi regolari, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri tagħhom, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal;
L. billi l-partijiet huma obbligati jiżguraw li t-tfal ma jinfirdux mill-ġenituri tagħhom kontra r-rieda tagħhom, ħlief meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw, b'mod li jkun soġġett għal rieżami ġudizzjarju, skont il-liġi u l-proċeduri applikabbli, li tali firda hija meħtieġa għall-aħjar interessi tal-istess tfal; billi tali deċiżjoni tista' tkun meħtieġa f'każijiet partikolari bħal meta t-tfal ikunu abbużati jew ittraskurati mill-ġenituri tagħhom, jew meta l-ġenituri jkunu jgħixu separatament u tkun trid tittieħed deċiżjoni dwar il-post ta' residenza tat-tfal;
M. billi l-partijiet għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-dritt tat-tfal, mifruda minn ġenitur wieħed jew miż-żewġ ġenituri, li jibqgħu jżommu relazzjonijiet personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri fuq bażi regolari, ħlief jekk dan imur kontra l-aħjar interessi tat-tfal;
N. billi sabiex jiġi żgurat ir-ritorn f'waqtu tat-tfal, il-partijiet kollha għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jeħtiġilhom jintrabtu li jistabbilixxu miżuri u leġiżlazzjoni nazzjonali li jkunu kompatibbli mal-obbligi u d-dmirijiet tagħhom skont it-trattat;
O. billi t-tfal li l-ġenituri tagħhom jgħixu fi stati differenti għandu jkollhom id-dritt li jżommu fuq bażi regolari, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri;
P. billi l-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte u l-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel tkellmu mal-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe f'isem il-ġenituri Franċiżi, Taljani u Ġermaniżi, u l-Ambaxxaturi Ewropej għall-Ġappun kitbu ittra konġunta lill-Ministru tal-Ġustizzja tal-Ġappun rigward il-ħtif ta' tfal minn ġenitur;
Q. billi f'Awwissu 2019 tressaq ilment formali quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU minn ġenituri li t-tfal tagħhom kienu nħatfu mill-ġenitur l-ieħor/l-oħra; R. billi l-Koordinatur tal-Parlament għad-Drittijiet tat-Tfal ilu mill-2018 jgħin lill-ġenituri individwali u jqajjem kwistjonijiet speċifiċi relatati ma' tilwim dwar il-ħtif ta' tfal minn ġenitur u dwar il-kustodja u l-aċċess li jinvolvu ċittadini tal-UE mal-awtoritajiet Ġappuniżi, inklużi l-Ministru tal-Ġustizzja Ġappuniż f'Ottubru 2018 u l-Ambaxxatur Ġappuniż għall-UE f'Mejju 2019;
S. billi, fis-6 ta' Marzu 2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u fil-5 ta' Frar 2020 il-Koordinatur tal-PE għad-Drittijiet tat-Tfal bagħtu ittra lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR), Josep Borrell, fejn talbu li, fl-aġenda tal-laqgħa konġunta li jmiss, organizzata bħala parti mill-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ġappun, jiġu inklużi l-obbligi internazzjonali tal-Ġappun skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u l-UNCRC;
T. billi fit-tieni laqgħa tal-kumitat konġunt skont il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ġappun fil-31 ta' Jannar 2020, l-UE appellat lill-Ġappun biex itejjeb il-qafas ġuridiku nazzjonali tiegħu u l-implimentazzjoni effettiva tiegħu biex jiżgura r-rispett tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u tal-impenji internazzjonali tal-Ġappun, bħall-UNCRC u l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980; billi l-UE insistiet ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati l-aħjar interessi tat-tfal u li jiġu rispettati d-drittijiet ta' żjarat mogħtija lill-ġenituri;
U. billi, wara l-eżitu tal-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta' Frar 2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet bagħat ittra lill-Missjoni tal-Ġappun għall-Unjoni Ewropea, li fiha ħeġġeġ lill-awtoritajiet Ġappuniżi jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal u l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta' minuri;
1. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tat-tfal li qed ibatu minħabba l-ħtif ta' tfal minn ġenitur fil-Ġappun u dwar il-fatt li l-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji rilevanti mhumiex infurzati kullimkien; ifakkar li t-tfal tal-UE fil-Ġappun iridu jgawdu mill-protezzjoni prevista fil-ftehimiet internazzjonali li jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom;
2. Jinnota b'dispjaċir li l-Ġappun, bħala sieħeb strateġiku tal-UE, ma jidhirx li qed jikkonforma mar-regoli internazzjonali f'każijiet ta' ħtif ta' tfal; ifakkar li l-qafas ġuridiku tal-pajjiż għandu jittejjeb ħalli, pereżempju, deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati Ġappuniżi u qrati oħra ta' pajjiżi rilevanti fi proċeduri taħt il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar ir-ritorn tat-tfal jiġu infurzati b'mod effettiv fil-Ġappun;
3. Jenfasizza l-fatt li l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem għat-tfal huma dipendenti mill-azzjonijiet nazzjonali tal-Gvern tal-Ġappun; jenfasizza li għadd ta' miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi huma meħtieġa biex jissalvagwardjaw, inter alia, id-dritt tat-tfal għaż-żewġ ġenituri; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ġappuniżi jinfurzaw b'mod effettiv id-deċiżjonijiet tal-qrati dwar id-drittijiet ta' aċċess u ta' żjarat mogħtija lill-ġenituri "abbandunati" u biex dawn tal-aħħar iżommu kuntatt sinifikanti mat-tfal tagħhom li jgħixu fil-Ġappun; jenfasizza li dawn id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu dejjem billi jitqiesu l-aħjar interessi tat-tfal;
4. Jenfasizza li l-każijiet ta' ħtif ta' tfal jeħtieġu trattament rapidu peress li l-mogħdija taż-żmien jista' jkollha konsegwenzi negattivi fit-tul għat-tfal u għar-relazzjonijiet futuri bejn it-tfal u l-ġenitur "abbandunat(a)";
5. Jirrimarka li l-ħtif ta' tfal minn ġenitur jista' jkun ta' ħsara għall-benesseri tat-tfal u jista' jkollu effetti dannużi fit-tul; jenfasizza li l-ħtif ta' tfal jista' jwassal għal problemi ta' mard mentali kemm għat-tfal kif ukoll għall-ġenitur "abbandunat";
6. Jissottolinja li wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huwa li t-tfal jiġu protetti mill-effetti dannużi tal-ħtif ta' tfal minn ġenitur billi jiġu stabbiliti proċeduri li jiżguraw ir-ritorn minnufih tat-tfal lejn l-istat tar-residenza abitwali tagħhom immedjatament qabel il-ħtif tagħhom;
7. Jilqa' l-appoġġ tal-Koordinatur tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet tat-Tfal u l-involviment tagħha fl-indirizzar ta' din is-sitwazzjoni u jitlobha tkompli taħdem mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex flimkien jindirizzaw il-każijiet li jkunu qajmu l-petizzjonanti;
8. Jinsisti li s-sistemi kollha ta' protezzjoni tat-tfal għandu jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi transnazzjonali u transfruntiera li jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-kunflitti transfruntiera;
9. Jissuġġerixxi li tiġi stabbilita pjattaforma Ewropea ta' appoġġ informattiv, li tkun faċli biex tintuża miċ-ċittadini, sabiex toffri assistenza għall-ġenituri li jinsabu f'tilwim familjari transfruntier, b'mod konġunt mal-Konferenza tal-Aja, (eż. it-tlestija tal-portal tal-Ġustizzja elettronika b'informazzjoni dwar il-ħtif ta' tfal minn ġenituri f'pajjiżi terzi kif ukoll dwar drittijiet oħra tat-tfal);
10. Jirrakkomanda lill-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini tagħhom informazzjoni affidabbli dwar il-liġi tal-familja u d-drittijiet tat-tfal f'pajjiżi terzi, li tinkludi twissijiet dwar diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom f'pajjiżi bħall-Ġappun f'każ ta' divorzju jew separazzjoni;
11. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tqajjem il-kwistjoni f'kull forum possibbli, inkluż il-Kumitat Konġunt tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika UE-Ġappun;
12. Jistieden lill-VP/HR jinkludi din il-kwistjoni fl-aġenda tal-laqgħa li jmiss organizzata bħala parti mill-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ġappun; jistieden lill-awtoritajiet Ġappuniżi japplikaw il-kodiċijiet penali u ċivili tal-pajjiż;
13. Ifakkar li, skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, l-awtoritajiet Ġappuniżi huma obbligati jiżguraw li l-Awtoritajiet Ċentrali jissodisfaw l-obbligi tagħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tagħha u fl-Artikolu 7 tiegħu, li jinkludu assistenza għall-ġenituri "abbandunati" sabiex ikunu jistgħu jżommu kuntatt ma' wliedhom;
14. Ifakkar lill-awtoritajiet Ġappuniżi li għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari sabiex ir-rappreżentanti ta' Stat Membru jkunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet konsulari tagħhom, b'mod partikolari f'każijiet fejn tkun mhedda s-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal u d-drittijiet tal-ġenituri tagħhom (jiġifieri, ċittadini tal-UE);
15. Jenfasizza li l-limitazzjoni jew iċ-ċaħda kompluta tad-drittijiet ta' aċċess u ta' żjarat tal-ġenituri jmorru kontra l-Artikolu 9 tal-UNCRC;
16. Jitlob li l-Kummissjoni u l-Kunsill jenfasizzaw l-obbligi tal-partijiet fir-rigward tal-UNCRC u b'mod partikolari, id-drittijiet tat-tfal li jżommu relazzjonijiet personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri fuq bażi regolari, ħlief jekk dan imur kontra l-aħjar interessi tat-tfal;
17. Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Ġappuniżi jsegwu r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali biex jintroduċu l-bidliet meħtieġa fl-ordinament ġuridiku tagħhom u jistabbilixxu l-possibbiltà ta' kustodja kondiviża/konġunta wara x-xoljiment tar-relazzjoni tal-ġenituri sabiex iġibu l-liġijiet nazzjonali tagħhom konformi mal-impenji internazzjonali tagħhom, u jiżguraw li d-drittijiet ta' żjarat u ta' aċċess jirriflettu l-obbligi tagħhom skont il-UNCRC; jistieden lill-awtoritajiet Ġappuniżi jirrispettaw l-impenji tagħhom fir-rigward tal-UNCRC, li huma rratifikaw;
18. Jistieden lill-awtoritajiet Ġappuniżi jikkooperaw aħjar mal-UE u jippermettu l-infurzar effettiv tad-drittijiet ta' aċċess u ta' żjarat mogħtija permezz ta' deċiżjonijiet tal-qorti lill-ġenituri "abbandunati";
19. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lir-rakkomandazzjonijiet irċevuti dwar il-medjazzjoni transfruntiera mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew;
20. Jappella għal aktar kooperazzjoni internazzjonali fost l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi sabiex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni internazzjonali kollha rigward il-protezzjoni tat-tfal u, b'mod partikolari, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980;
21. Jenfasizza li l-monitoraġġ xieraq tas-sitwazzjoni ta' wara s-sentenza tal-qorti huwa ta' importanza fundamentali, inkluż fejn jidħol il-kuntatt mal-ġenituri; jistieden lill-Istati Membri jikkomunikaw, permezz tas-siti web tal-ministeri tal-affarijiet barranin u l-ambaxxati tagħhom fil-Ġappun, dwar ir-riskju tal-ħtif ta' tfal fil-pajjiż u dwar l-imġiba tal-awtoritajiet Ġappuniżi f'din il-kwistjoni;
22. Jistieden lill-Kunsill isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-sistemi ta' twissija dwar il-ħtif ta' tfal b'implikazzjonijiet transfruntiera stabbiliti fl-Istati Membri, jaħdem mal-Kummissjoni għat-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' twissija dwar it-tfal fejn jisfaw nieqsa u jirrapporta dwar il-konklużjoni tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni rilevanti li jittrattaw il-każijiet ta' ħtif transfruntier abbażi tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal;
23. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu sforzi konġunti u jinkludu din il-kwistjoni fl-aġenda tal-laqgħat bilaterali jew multilaterali kollha mal-Ġappun sabiex jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet Ġappuniżi biex jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni internazzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġappun.
- [1] ĠU C 66, 21.2.2018, p. 2.