Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0208/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0208/2020

RAKKOMANDAZZJONI GĦAL DEĊIŻJONI li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament delegat (UE) Nru 877/2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro

3.7.2020 - (C(2020)04140 – 2020/2695(DEA))

imressqa skont l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Membru responsabbli: Irene Tinagli

Proċedura : 2020/2695(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0208/2020
Testi mressqa :
B9-0208/2020
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0208/2020

Abbozz ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament delegat (UE) Nru 877/2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro

(C(2020)04140 – 2020/2695(DEA))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2020)04140),

 wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2020, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,

 wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 3 ta' Lulju 2020,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 14(5) tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

A. billi fil-laqgħa tal-Grupp tal-Euro tad-9 ta' April 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro pproponew li jiġi stabbilit l-Appoġġ fil-Kriżi Pandemika, abbażi tal-Linja ta' Kreditu b'Kundizzjonijiet Imsaħħa tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19;

B. billi r-rapport tal-Grupp tal-Euro jiddikjara li l-uniku rekwiżit għall-aċċess tal-Appoġġ fil-Kriżi Pandemika se jkun li l-Istati Membri taż-żona tal-euro li jitolbu l-appoġġ jimpenjaw ruħhom li jużaw din il-linja ta' kreditu biex jappoġġaw il-finanzjament domestiku ta' spejjeż diretti u indiretti relatati mal-kura tas-saħħa, il-kura u l-prevenzjoni minħabba l-kriżi tal-COVID-19;

C. billi f'ittra konġunta bid-data tas-7 ta' Mejju 2020, il-Viċi President Eżekuttiv Dombrovskis u l-Kummissarju Gentiloni ħabbru l-intenzjoni li jemendaw ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni Nru 877/2013 tat-27 ta' Ġunju 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro biex jispeċifikaw aktar ir-rekwiżiti ta' rappurtar li japplikaw għall-Istati Membri li jużaw l-Appoġġ fil-Kriżi Pandemika;

D. billi l-att delegat jemenda r-rekwiżiti ta' rapportar u jispeċifika li r-rapportar fis-sitwazzjoni attwali jikkonċerna biss l-użu tal-fondi tal-Appoġġ fil-Kriżi Pandemika biex jiġu koperti l-ispejjeż diretti u indiretti relatati mal-kura tas-saħħa, il-kura u l-prevenzjoni minħabba l-kriżi tal-COVID-19, fid-dawl tal-ambitu limitat u speċifiku ħafna tal-Appoġġ fil-Kriżi Pandemika u billi l-Anness II il-ġdid jistabbilixxi l-mudell ta' rapportar;

E. billi dan l-att delegat għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun sabiex ir-rekwiżiti ta' rapportar li japplikaw għall-Istati Membri li jużaw l-Appoġġ fil-Kriżi Pandemika jiġu razzjonalizzati;

1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;

2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Lulju 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza