MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati
6.7.2020 - (2019/2952(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Dolors Montserrat, Esteban González Pons, Leopoldo López Gil, Paulo Rangel, Antonio Tajani, David McAllister, Gabriel Mato, Antonio López‑Istúriz White, Cláudia Monteiro de Aguiar, Isabel Wiseler‑Lima, Miriam Lexmann, Vladimír Bilčík, Ivan Štefanec, Michal Wiezik, Peter Pollák
f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0211/2020
B9‑0211/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, partikolarment dik tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-kolp ta' stat parlamentari fil-Venezwela[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), tal-1 ta' April 2020, dwar il-proposta tal-Istati Uniti u s-sitwazzjoni fil-kuntest tal-pandemija tal-coronavirus fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, tat-30 ta' April 2020, dwar l-emerġenza tas-saħħa fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra t-twissija tal-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, tas-6 ta' Mejju 2020, dwar l-impatt devastanti tal-kriżi umanitarja u ekonomika tal-pajjiż fuq id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta tal-UNHCR u l-IOM tal-1 ta' April 2020 dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati u l-migranti mill-Venezwela matul il-kriżi tas-COVID-19,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ tal-4 u tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-11 ta' Ġunju 2020 dwar l-attakki li saru dan l-aħħar fuq l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar il-kredibbiltà kompromessa tal-organu elettorali tal-Venezwela, u tal-24 ta' Ġunju 2020 dwar il-kriżi politika li sejra għall-agħar fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2020 li mal-lista ta' dawk soġġetti għal miżuri restrittivi jiżdiedu 11-il uffiċjal ewlieni tal-Venezwela[2],
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-26 ta' Mejju 2020, l-UE u l-Gvern ta' Spanja sejħu Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi b'Turija ta' Solidarjetà mar-Rifuġjati u mal-Migranti tal-Venezwela f'pajjiżi fir-reġjun, bl-appoġġ tal-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati (UNHRC) u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM); billi d-donaturi internazzjonali wiegħdu total ta' EUR 2 544 miljun, li minnhom EUR 595 miljun biss huma għotjiet diretti, u l-bqija huma self kundizzjonali; billi matul il-konferenza wħud mill-mutwatarji esprimew tħassib dwar id-diffikultajiet burokratiċi u l-kumplessità tar-regolamentazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom biex jiksbu s-self; billi l-EUR 595 miljun f'għotjiet diretti bilkemm se jkopru l-konsegwenzi annwali ta' kriżi bla preċedent ta' dan il-kobor fil-pajjiżi ġirien tal-Venezwela;
B. billi s-severità tal-kriżi umanitarja politika, ekonomika, istituzzjonali, soċjali u multidimensjonali fil-Venezwela żdiedet b'mod sinifikanti matul il-pandemija tal-COVID-19; billi l-iskarsezza dejjem aktar akuti tal-ikel u l-mediċini, il-ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem, l-iperinflazzjoni, l-oppressjoni politika, il-korruzzjoni u l-vjolenza qed jipperikolaw ħajjet in-nies u qed iġegħluhom jaħarbu mill-pajjiż;
C. billi għadd dejjem jikber ta' nies fil-Venezwela, b'mod partikolari l-gruppi vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal u l-morda, qed ibatu mill-malnutrizzjoni bħala konsegwenza tal-aċċess limitat għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità, mediċini, ikel u ilma;
D. billi s-sistema nazzjonali tas-saħħa Venezwelana ddgħajfet b'mod konsiderevoli minħabba l-ġestjoni ħażina min-naħa tar-reġim, li rriżultat fi skarsezzi kritiċi tal-mediċini u f'nuqqas ta' disponibbiltà ta' kura medika; billi ċ-ċifri li jagħti r-reġim fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19 mhumiex kredibbli u mhumiex qegħdin jiġu fdati la fil-Venezwela u lanqas mill-komunità internazzjonali;
E. billi l-kriżi multidimensjonali tal-lum fil-Venezwela qed tiġġenera l-akbar spostament tal-popolazzjoni li qatt seħħ fir-reġjun; billi madwar ħames miljun Venezwelan ħarbu mill-pajjiż, u 80 % minnhom jinsabu spustati fil-pajjiżi tar-reġjun; billi skont il-UNHCR, il-kriżi tar-rifuġjati Venezwelani hija t-tieni l-akbar waħda fid-dinja wara dik tas-Sirja;
F. billi skont il-UNHCR, in-numru ta' Venezwelani li qegħdin ifittxu asil fid-dinja kollha żdied b'2 000 %; billi 650 000 persuna Venezwelana ppreżentaw talbiet għall-asil fid-dinja kollha u madwar żewġ miljuni kisbu permessi ta' residenza mingħand pajjiżi oħra fl-Amerki; billi 12 % tal-popolazzjoni ħarbu mill-pajjiż u n-nies għadhom qed jitilqu b'rata medja ta' 5 000 kuljum;
G. billi l-emerġenza tas-saħħa pubblika globali attwali aggravat sitwazzjoni diġà ddisprata għal ħafna rifuġjati u migranti mill-Venezwela, kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti tagħhom; billi ħafna rifuġjati u migranti jiddependu minn pagi ta' kuljum insuffiċjenti biex ikopru l-bżonnijiet bażiċi bħal saqaf fuq rashom, ikel u kura tas-saħħa;
H. billi, skont ir-rapporti dwar l-istadji bikrija tal-pandemija tal-COVID-19, is-sistema fraġli tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż ma setgħetx trieġi aktar, l-isptarijiet huma mimlija pazjenti bil-coronavirus u għexieren ta' ħaddiema tas-saħħa ġew infettati;
I. billi l-Qorti Suprema Venezwelana illeġittima, ikkontrollata mir-reġim ta' Nicolás Maduro, irratifikat b'mod mhux ġustifikat il-ħatra ta' Luis Parra bħala President tal-Assemblea Nazzjonali fis-26 ta' Mejju 2020; billi s-sessjoni parlamentari illegali ta' Jannar 2020, li fiha Parra jallega li ġie elett, saret bi ksur tal-proċedura legali u tal-prinċipji kostituzzjonali demokratiċi, peress li l-maġġoranza l-kbira tar-rappreżentanti demokratiċi ġew miżmuma milli jattendu għas-sessjoni u konsegwentement milli jitfgħu l-vot tagħhom; billi d-deċiżjoni illegali li toħroġ minn din is-sessjoni parlamentari illeġittima wasslet biex il-Kunsill tal-UE jimponi sanzjonijiet fuq 11-il uffiċjal ieħor, inkluż Luis Parra, għar-rwol tagħhom fit-tidgħif tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;
J. billi fit-13 ta' Ġunju 2020, il-Qorti Suprema illeġittima għal darba oħra ħatret membri ġodda għall-Kunsill Nazzjonali Elettorali (CNE), minkejja li ma għandha l-ebda setgħa ġuridika li tagħmel dan; billi skont l-Artikoli 187 u 296 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, dawn il-ħatriet huma r-responsabbiltà unika u esklużiva tal-Assemblea Nazzjonali, li hija korp demokratikament elett miċ-ċittadini Venezwelani; billi l-Parlament Ewropew mhu se jirrikonoxxi l-ebda deċiżjoni meħuda u l-ebda sentenza maqtugħa unilateralment minn dawn l-organi illeġittimi; billi l-uffiċjali responsabbli għal dawn id-deċiżjonijiet ġew imqiegħda wkoll fil-lista tas-sanzjonijiet tal-Kunsill;
K. billi Nicolás Maduro ordna lill-Ambaxxatur tal-UE tħalli l-pajjiż fi żmien 72 siegħa b'reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2020 li jimponi sanzjonijiet individwali fuq għadd ta' uffiċjali responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u hedded ukoll lill-Ambaxxatur ta' Spanja b'aktar rappreżalji;
L. billi r-reġim ta' Maduro ħadha qatta bla ħabel kontra l-partiti politiċi Acción Democrática, Primero Justicia u Un Nuevo Tiempo permezz ta' persekuzzjoni sistematika b'deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema (TSJ) illeġittima li lill-partiti tneħħilhom id-direttorati nazzjonali tagħhom kontra r-rieda tal-membri tagħhom; billi l-partit politiku demokratiku Voluntad Popular ġie kklassifikat bħala organizzazzjoni terroristika mir-reġim ta' Maduro;
M. billi l-komunità internazzjonali demokratika, inkluża l-UE, ċaħdet bil-qawwa din il-farsa elettorali u dawn l-azzjonijiet illegali kollha; billi dawn l-azzjonijiet inaqqsu l-ispazju demokratiku fil-pajjiż għal-livell minimu u joħolqu ostakli profondi għas-soluzzjoni tal-kriżi politika fil-Venezwela; billi l-formazzjoni ta' gvern nazzjonali ta' emerġenza pluralista u inklużiv iffurmat mis-setturi politiċi u soċjali demokratiċi kollha tal-pajjiż, bil-kapaċità li jindirizza l-ħtiġijiet umanitarji attwali tal-Venezwela, hija essenzjali sabiex tingħeleb il-kriżi li qed tiħrax;
N. billi elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali ħielsa u ġusti li jsiru fir-rispett tal-istandards internazzjonali, Kunsill Nazzjonali Elettorali (CNE) indipendenti u bbilanċjat u kundizzjonijiet ekwi li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-partiti politiċi u tal-kandidati huma s-sisien ta' proċess elettorali kredibbli;
O. billi fil-15 ta' Ġunju 2020, il-gazzetta ta' kuljum Spanjola ABC ippubblikat dokumenti kklassifikati li jmorru lura għall-2010, skont liema dokumenti r-reġim ta' Maduro awtorizza EUR 3.5 miljun f'finanzjament għall-Movimento 5 Stelle fl-Italja; billi dan it-tip ta' indħil barrani joħloq theddida sinifikanti għad-demokraziji Ewropej;
P. billi Delcy Rodriguez, il-Viċi President tal-Venezwela taħt ir-reġim ta' Maduro, tqiegħdet fuq il-lista tal-Kunsill tal-individwi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-2018 u kienet ipprojbita milli tidħol fl-UE; billi, minkejja dan, hija ntlaqgħet fl-ajruport ta' Madrid fil-20 ta' Jannar 2020 mill-ministru Spanjol għat-trasport; billi l-Ministru Spanjol ta sa sitt verżjonijiet differenti tal-inċident, uħud minnhom kontradittorji; billi l-Gvern Spanjol ma ta lill-pubbliku l-ebda informazzjoni trasparenti jew konvinċenti dwar l-episodju; billi l-UE messha talbet lill-Gvern Spanjol spjegazzjoni għal dan il-ksur tal-liġi tal-UE, u billi s'issa m'hemm l-ebda indikazzjoni li ngħatat xi spjegazzjoni; billi l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-UE dwar l-affarijiet barranin tinsab f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali iżda l-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li timmonitorja l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE;
Q. billi fit-12 ta' Ġunju 2020, l-awtoritajiet f'Cabo Verde arrestaw lil Alex Saab, negozjant li kien implikat f'diversi skemi ta' korruzzjoni li jinvolvu r-reġim ta' Maduro u issa qed jistenna deċiżjoni ġudizzjarja u possibbilment l-estradizzjoni; billi l-każ ta' Saab juri kemm il-korruzzjoni infirxet fil-Venezwela waqt li l-pajjiż jinsab f'nofs kriżi umanitarja mingħajr preċedent; billi l-pajjiż ġie kklassifikat fil-173 post minn 180 fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni għall-2019 ta' Transparency International;
R. billi l-eks ambaxxatur ta' Spanja għall-Venezwela, Raúl Moroso, li serva taħt il-gvern ta' José Luis Rodríguez Zapatero, reċentement ġie akkużat b'tixħim u miżapproprijazzjoni fir-rigward tal-għejbien ta' EUR 35 miljun mill-kumpanija statali taż-żejt u l-gass tal-Venezwela PDVSA matul il-mandat tiegħu bħala ambaxxatur;
S. billi l-għadd ta' priġunieri politiċi fil-Venezwela żdied mindu beda l-inkwiet ċivili tal-massa fl-2014 u bħalissa huwa ta' aktar minn 300; billi huwa rrappurtat li hemm 11-il Ewropew li wkoll qed jinżammu f'detenzjoni fil-Venezwela;
T. billi l-pajjiżi li huma soġġetti għas-sanzjonijiet għandhom jagħtu informazzjoni trasparenti, jaċċettaw l-assistenza umanitarja internazzjonali u jagħtu prijorità lill-ħtiġijiet u lid-drittijiet tal-partijiet l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni tagħhom;
1. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-severità tal-emerġenza umanitarja, li hija ta' theddida kbira għal ħajjet il-Venezwelani; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Venezwelani kollha li kienu imġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom minħabba n-nuqqas ta' kundizzjonijiet tal-għajxien l-aktar bażiċi, bħall-aċċess għall-ikel, għall-ilma tax-xorb, għas-servizzi tas-saħħa u għall-mediċini;
2. Jiġbed l-attenzjoni għall-kriżi tal-migrazzjoni li nfirxet fir-reġjun kollu, jiġifieri fil-Kolombja, fil-Perù, fl-Ekwador, fil-Bolivja, fiċ-Ċilì, fil-Brażil, fil-Panama u fl-Arġentina, kif ukoll f'xi Stati Membri tal-UE, u jenfasizza ċ-ċirkostanzi estremament diffiċli li qed ikomplu jiġu aggravati aktar mill-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19; ifaħħar l-isforzi tal-pajjiżi ġirien u s-solidarjetà li wrew; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tikkoopera ma' dawn il-pajjiżi, mhux biss billi tipprovdi għajnuna umanitarja iżda wkoll billi tipprovdi aktar riżorsi u permezz tal-politika tal-iżvilupp;
3. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirrikonoxxu l-kriżi umanitarja li għaddejja, ma jħalluhiex tkompli teħżien, u jippromwovu soluzzjonijiet politiċi u ekonomiċi biex jiżguraw is-sikurezza tal-persuni ċivili kollha u l-istabbiltà għall-pajjiż u għar-reġjun;
4. Jappella għal azzjoni urġenti biex tiġi prevenuta l-aggravazzjoni tal-kriżi umanitarja u tas-saħħa pubblika, u b'mod partikolari li jerġa' jitfaċċa mard bħall-ħosba, il-malarja, id-difterite u l-marda tal-ilsien u d-dwiefer; jappella biex tiġi implimentata bil-ħeffa miżura fuq żmien qasir kontra l-malnutrizzjoni fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal u l-morda;
5. Jilqa' l-wegħdiet u l-isforzi li saru fil-konferenza tad-donaturi internazzjonali; iqis li l-maġġoranza tal-wegħdiet, li huma għal self u mhux għotjiet diretti, ma jissodisfawx l-għan maħsub tal-konferenza; jitlob b'insistenza li l-kundizzjonijiet għall-aċċess għal dan is-self isiru flessibbli u trasparenti u b'hekk jippermettu li s-self jiġi żborżat malajr;
6. Jiċħad bil-qawwa l-ksur tal-funzjonament demokratiku, kostituzzjonali u trasparenti tal-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll l-intimidazzjoni, il-vjolenza u d-deċiżjonijiet arbitrarji li twettqu kontra l-membri tagħha; jiddenunzja l-ħatra mhux demokratika ta' membri ġodda fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali Elettorali (CNE) u t-tneħħija tad-direttorati nazzjonali lill-partiti politiċi leġittimi kontra r-rieda tal-membri tagħhom;
7. Itenni r-rikonoxximent tiegħu li, bħala riżultat tal-votazzjoni trasparenti u demokratika tal-Assemblea Nazzjonali, Juan Guaidó huwa l-President leġittimu tal-Assemblea Nazzjonali u l-president ad interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 223 tal-Kostituzzjoni Venezwelana;
8. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku korp demokratiku elett b'mod leġittimu tal-Venezwela u li s-setgħat tagħha jeħtieġ li jiġu rispettati, l-istess bħalma jeħtieġ li jiġu rispettati l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha; jinsisti li soluzzjoni paċifika u politika tista' tintlaħaq biss billi jiġu rispettati għalkollox il-prerogattivi kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;
9. Ifakkar li r-rispett għall-istituzzjonijiet u l-prinċipji demokratiċi u d-difiża tal-istat tad-dritt huma kundizzjonijiet essenzjali biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi fil-Venezwela għall-benefiċċju tal-poplu tagħha; jitlob, għaldaqstant, li jinħolqu b'urġenza l-kundizzjonijiet li jwasslu għal elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi liberi, trasparenti u kredibbli b'kalendarju fiss, kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha u trasparenza sħiħa, u fil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli; jemmen li dan huwa l-uniku mezz kif jistgħu joħorġu mill-kriżi;
10. Jiddispjaċih bil-qawwa għall-fatt li Delcy Rodriguez, minkejja li kienet soġġetta għal miżuri restrittivi tal-UE, kienet kapaċi tidħol fiż-żona Schengen fi Frar li għadda u tiltaqa' mal-awtoritajiet Spanjoli, minflok ma ġiet imċaħħda mid-dħul u mkeċċija mit-territorju tal-UE; jitlob li l-VP/RGħ jindirizza lill-awtoritajiet Spanjoli biex jitlob bi dritt investigazzjoni kredibbli u trasparenti dwar il-fatti kif ukoll spjegazzjoni tagħhom;
11. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2020 li jżid11-il uffiċjal Venezwelan mal-lista tal-persuni soġġetti għal sanzjonijiet individwali li mhumiex ta' dannu għall-popolazzjoni tal-Venezwela, u jitlob li dik il-lista tissaħħaħ u tiżdied jekk is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija tkompli tiddeterjora; iqis li l-awtoritajiet tal-UE jeħtiġilhom jillimitaw il-movimenti tal-individwi li jinsabu f'dik il-lista, kif ukoll il-movimenti tal-eqreb qraba tagħhom, u jiffriżaw l-assi u l-viżi tagħhom;
12. Jiddeplora d-deċiżjoni ta' Nicolás Maduro li l-Ambaxxatur tal-UE titkeċċa minn Caracas b'ritaljazzjoni għas-sanzjonijiet imposti fuq 11-il uffiċjal Venezwelan responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa', f'dan is-sens, id-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ li tħabbar ir-reċiproċità u jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw ukoll li jirtiraw lill-ambaxxaturi tagħhom minn Caracas, filwaqt li jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma tal-uffiċjali diplomatiċi li qed jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE protezzjoni u servizzi konsulari;
13. Jiddenunzja l-korruzzjoni bla rażan li saret parti integrali mir-reġim ta' Maduro; jiddenunzja l-finanzjament min-naħa tar-reġim ta' Maduro tal-partiti politiċi populisti fl-UE u jitlob li ssir investigazzjoni fil-pront u imparzjali dwar dan il-każ; jiddenunzja u jiddeplora bil-qawwa l-iskandlu tal-korruzzjoni li jinvolvi l-eks ambaxxatur Spanjol Morodo u jħeġġeġ lill-awtoritajiet iressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;
14. Jitlob li jiġu liberati immedjatament il-priġunieri politiċi kollha u li jintemmu t-tortura, il-maltrattament u l-fastidju fil-konfront tal-avversarji politiċi, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dimostranti paċifiċi, u li dawk kollha li kienu inġustament imġiegħla jeżiljaw ruħhom jitħallew jirritornaw;
15. Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-QKI dwar l-atti ta' ripressjoni u d-delitti estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan; iħeġġeġ lill-UE tingħaqad mal-inizjattiva tal-Istati Partijiet tal-QKI li jiftħu investigazzjoni dwar id-delitti kontra l-umanità li twettqu mill-Gvern de facto ta' Maduro fi ħdan it-territorju tal-Venezwela bil-għan li dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom;
16. Jitlob li tintbagħat fil-pajjiż missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex tivvaluta s-sitwazzjoni;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-president ad interim leġittimu tar-Repubblika u tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.
- [1] Testi adottati, P9_TA(2020)0013.
- [2] ĠU L 205I, 29.6.2020, p. 6.