Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0212/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0212/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati

6.7.2020 - (2019/2952(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Manu Pineda
f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2019/2952(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0212/2020
Testi mressqa :
B9-0212/2020
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0212/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati

(2019/2952(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,

 wara li kkunsidra l-prinċipju ta' nonintervent stabbilit fil-Karta tan-NU,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Awwissu 2019 dwar is-sanzjonijiet imposti fuq il-Venezwela,

 wara li kkunsidra l-istudju taċ-Ċentru għar-Riċerka Ekonomika u ta' Politika ta' April 2019, intitolat "Is-Sanzjonijiet Ekonomiċi bħala Pieni Kollettivi: Il-Każ tal-Venezwela",

 wara li kkunsidra l-fatt li l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU adotta riżoluzzjoni fl-14 ta' Lulju 2019 ippreżentata mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela matul il-presidenza tal-Moviment tal-Pajjiżi Mhux Allinjati (NAM) favur it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem bil-għan li jiġu miġġielda l-konsegwenzi negattivi tal-miżuri koerċittivi unilaterali, li huma fil-fatt sanzjonijiet,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li t-tnejn li huma jiddikjaraw li "l-popli kollha għandhom id-dritt ta' awtodeterminazzjoni" u li "bis-saħħa ta' dak id-dritt, jiddeterminaw liberament l-istatus politiku tagħhom u jaħdmu liberament għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom",

 wara li kkunsidra l-appell mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-24 ta' Marzu 2020 dwar il-ħtieġa li jitnaqqsu s-sanzjonijiet fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19,

 wara li kkunsidra l-komunikat konġunt wara t-telefonata bejn ir-Rappreżentant Għoli Borrell u l-Ministru Arreanza tat-2 ta' Lulju 2020,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali interna fil-Venezwela iddeterjorat b'konsegwenza tas-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji dejjem akbar mill-Istati Uniti u mill-UE, liema sanzjonijiet wasslu għal iperinflazzjoni, nuqqasijiet fil-provvista, faqar dejjem akbar u għal skarsezza ta' mediċini u ta' tagħmir mediku;

B. billi skont il-UNHCR, 4.5 miljun ċittadin tal-Venezwela għaddew minn migrazzjoni lejn pajjiżi terzi;

C. billi d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti qiegħed ikompli jhedded lill-Venezwela b'sanzjonijiet addizzjonali li jkollhom impatt ulterjuri fuq is-sitwazzjoni tal-popolazzjoni Venezwelana;

D. billi miżuri koerċittivi unilaterali jmorru kontra l-liġi internazzjonali stabbilita; billi n-NU, u b'mod partikolari r-Rapporteur Speċjali tagħhom dwar l-impatt negattiv tal-miżuri koerċittivi unilaterali fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, dan enfasizzawh ripetutament; billi s-sanzjonijiet jikkawżaw tfixkil għal kwalunkwe stat u, meta jagħmlu ħsara lill-ekonomija, jista' jkollhom impatt devastanti fuq iċ-ċittadini ta' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

E. billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjara li s-sanzjonijiet imposti fuq il-Venezwela jirriżultaw fit-tiċħid tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ekonomiċi tagħhom u d-drittijiet għall-ikel u s-saħħa, u appella għal soluzzjoni politika għas-sitwazzjoni;

F. billi fid-29 ta' Ġunju 2020 il-Kunsill żied 11-il individwu Venezwelan mal-lista ta' sanzjonijiet tiegħu, li issa tinkludi 36 persuna;

G. billi l-interferenza esterna, id-destabbilizzazzjoni, il-kampanji ta' diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-opinjoni pubblika u l-vjolenza promossi minn xi setturi tal-oppożizzjoni bl-appoġġ tal-Istati Uniti, l-UE u 'l hekk imsejjaħ Grupp ta' Lima ggravaw il-kriżi soċjali li għaddejja bħalissa;

H. billi l-awtoritajiet Venezwelani waqqfu l-Operazzjoni Gideon, li saret fit-3 u l-4 ta' Mejju 2020; billi 13-il merċenarju, inklużi ċittadini Amerikani li kienu parti mill-kumpanija militari privata Silvercorp USA, ġew arrestati f'La Guira filwaqt li kienu qegħdin jippruvaw jinfiltraw il-pajjiż u, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom, jieħdu kontroll tal-postijiet strateġiċi u jiffaċilitaw it-tneħħija tal-President Maduro; billi diversi investigazzjonijiet, inkluż dik imwettqa minn The Wall Street Journal, juru li Operazzjoni Gideon kienet ippjanata minn Leopoldo López;

I. billi f'April 2020 l-Istati Uniti skjeraw aktar minn 6 500 suldat għal serje ta' eżerċizzji militari biswit il-kosta tal-Venezwela; billi l-Gvern Venezwelan u l-mexxejja ewlenin tal-oppożizzjoni kkunsidraw dawn l-eżerċizzji bħala provokazzjoni irresponsabbli mill-amministrazzjoni ta' Trump;

J. billi d-djalogu u r-rispett tal-dritt internazzjonali, inkluż il-prinċipju ta' noninterferenza, huma l-bażi għal riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u s-sitwazzjonijiet interni fil-pajjiżi kollha;

K. billi l-ispostament sfurzat huwa problema li taffettwa r-reġjun kollu tal-Amerka Latina; billi l-Kolombja għandha l-ogħla numru ta' persuni spostati internament fid-dinja, b'aktar minn 7,6 miljun ruħ; billi għadu jiżdied l-għadd ta' persuni li ħallew il-Gwatemala, El Salvador u l-Honduras fl-hekk imsejħa "karavans tal-migranti";

L. billi d-dritt għal protezzjoni internazzjonali huwa dritt fundamentali tal-bniedem minqux fid-dritt internazzjonali, li m'għandux jiġi strumentalizzat jew soġġett għal kundizzjonalità politika;

M. billi huwa stmat li 1 246 persuna mietu u filwaqt li ppruvaw jaslu fl-Unjoni Ewropea fl-2019; billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha bħalissa qegħdin jirritornaw nies lejn pajjiżi b'konflitti armati għaddejjin; billi diversi organizzazzjonijiet internazzjonali ddokumentaw pushbacks fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u r-ritorn ta' nies mingħajr rispett dovut għad-dritt tagħhom għal protezzjoni internazzjonali;

1. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Venezwela fid-dawl tal-isfidi soċjali u ekonomiċi li qegħdin jiffaċċjaw;

2. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba u l-ħbieb tal-54 persuna li mietu minħabba l-COVID-19 fil-Venezwela;

3. Jiddispjaċih li l-Fond Monetarju Internazzjonali ma rreaġixxix għall-ħtiġijiet tal-Gvern tal-Venezwela, li appella għal self ta' emerġenza ta' USD 5 biljun biex issaħħaħ il-kapaċità ta' rispons tas-sistema tal-kura tas-saħħa pubblika tal-Venezwela għall-pandemija tal-COVID-19;

4. Jilqa' l-fatt li diversi kontijiet tal-Venezwela barra mill-pajjiż ġew żblokkati biex jiġu mmobilizzati fondi biex tiġi miġġielda l-pandemija; jappella biex il-fondi u l-assi kollha tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela barra mill-pajjiż jiġu żblokkati minnufih, b'mod partikolari dawk fl-UE;

5. Jikkundanna l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet mill-UE u l-Istati Uniti u jappella b'mod urġenti biex dawn jitneħħew; jinnota li huwa stmat li aktar minn 40 000 ruħ mietu mill-2017 'l hawn bħala konsegwenza diretta tas-sanzjonijiet imposti, li llimitaw l-aċċess tal-Venezwela għas-swieq internazzjonali tal-ikel u tal-mediċina;

6. Jisħaq li s-sanzjonijiet imposti fuq il-Venezwela għadhom jikkawżaw dannu serju ħafna fuq il-ħajja u s-saħħa tal-bniedem; huwa tal-fehma li dawn is-sanzjonijiet jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' kastig kollettiv tal-popolazzjoni ċivili, kif deskritta sew fil-konvenzjoni internazzjonali ta' Ġinevra u sew f'dik ta' The Hague, fatt li jagħmilhom illegali skont il-liġi u t-trattati internazzjonali;

7. Jikkundanna t-theddidiet magħmula mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti u mill-gvernijiet ta' xi Stati Membri tal-UE, bħall-appell tal-amministrazzjoni ta' Trump għall-impożizzjoni ta' aktar sanzjonijiet, li ggravaw aktar is-sitwazzjoni politika fil-Venezwela;

8. Jappoġġja l-isforzi tal-forzi demokratiċi, tal-Gvern Venezwelan u tal-poplu Venezwelan biex huma stess isibu soluzzjonijiet għall-isfidi politiċi u ekonomiċi proprji tagħhom u jippromwovu t-tisħiħ tad-djalogu nazzjonali fil-Venezwela;

9. Jappella lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv mal-Gvern tal-Venezwela, immexxi mill-President Nicolás Maduro Moros; jappella lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-isforzi tar-Roundtable għal Djalogu Nazzjonali, li jlaqqa' l-partijiet demokratiċi mill-Gvern tal-Venezwela u l-oppożizzjoni, biex tinstab soluzzjoni paċifika għas-sitwazzjoni attwali fil-qafas tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

10. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim għall-promozzjoni ta' kuntatti diplomatiċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Venezwela wara d-djalogu bejn il-Ministru Venezwelan tal-Partit Popolari għall-Affarijiet Barranin tal-Venezwela, Jorge Arreza, u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Josep Borrell;

11. Jistenna li l-appoġġ tal-UE jingħata skont il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni u mhux skont l-interessi ġeopolitiċi; jappella lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu protezzjoni lill-persuni li qegħdin jaħarbu sitwazzjonijiet ta' ħsara serja għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, irrispettivament mill-oriġini tagħhom;

12. Ifakkar fl-impenji tal-Unjoni Ewropea lejn persuni spostati internament fil-Kolombja fil-kuntest tal-Ftehimiet ta' Paċi; ifakkar fis-sitwazzjoni umanitarja f'pajjiżi oħra tar-reġjun, bħall-Haiti;

13. Jappella lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jirreaġixxu għall-appell tal-UNHCR għal finanzjament adegwat;

14. Jappella lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jiddefendu u jippromwovu d-dritt għal protezzjoni internazzjonali, l-ewwel u qabel kollox fit-territorju u l-leġiżlazzjoni proprji; jappella għal tmiem immedjat tar-ritorni, ftuħ ta' rotot ta' migrazzjoni sikuri u legali lejn l-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni ta' skema ta' risistemazzjoni minn żoni affettwati minn kunflitti armati u sitwazzjonijiet ta' emerġenza umanitarja;

15. Jieħu nota tal-impatt tas-sanzjonijiet esterni fuq id-diffikultajiet ekonomiċi esperjenzati mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela; jappella, għaldaqstant, lill-Assemblea Ġenerali tan-NU terġa' tagħti lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela d-drittijiet tal-vot skont l-Artikolu 19 tal-Karta tan-NU, li jiddikjara li l-Membri jistgħu jitħallew jivvotaw jekk ikunu naqsu milli jħallsu l-pagament minħabba kundizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kontroll tagħhom stess;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Venezwela u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana.

 

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Lulju 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza