Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0213/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0213/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati

6.7.2020 - (2019/2952(RSP))

imressqa wara l-istqarrija tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Kati Piri, Maria‑Manuel Leitão‑Marques, Javi López
f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0211/2020

Proċedura : 2019/2952(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0213/2020
Testi mressqa :
B9-0213/2020
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0213/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati

(2019/2952(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1] u tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-President il-ġdid u tal-Uffiċċju l-ġdid tal-Assemblea Nazzjonali (kolp ta' stat parlamentari)[2],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Venezwela tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE tat-3 ta' April 2020, tas-16 ta' Ġunju 2020 u tat-30 ta' Ġunju 2020,

 wara li kkunsidra l-ftehim konkluż bejn il-Ministeru tal-Poter Popolari għas-Saħħa tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u t-tim konsultattiv tal-Assemblea Nazzjonali għal COVID-19 biex jingħaqdu flimkien mal-Organizzazzjoni Pan-Amerikana tas-Saħħa (PAHO) bil-għan li tiġi indirizzata l-COVID-19,

 wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar il-kredibbiltà kompromessa tal-organu elettorali tal-Venezwela, u tal-24 ta' Ġunju 2020 dwar il-kriżi politika li sejra għall-agħar fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tas-26 ta' Ġunju 2020 dwar id-deċiżjonijiet illeġittimi reċenti tal-Qorti Suprema fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,

 wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Grupp ta' Lima tal-20 ta' Frar, tat-2 ta' Marzu, tat-2 ta' April u tas-16 ta' Ġunju 2020,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (JOIN(2020)0011),

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/898 tad-29 ta' Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela[3],

 wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-2 ta' Lulju 2020 fl-44 Sessjoni tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tat-2 ta' Lulju 2020 maħruġ wara t-telefonata bejn il-VP/RGħ Josep Borrell u l-Ministru Venezwelan Jorge Arreaza,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi 5,1 miljun persuna telqu mill-Venezwela minħabba l-instabbiltà politika, in-nuqqas ta' sigurtà u l-kollass ekonomiku; billi l-maġġoranza vasta, madwar 80 %, qegħdin jiġu ospitati f'pajjiżi fl-Amerka Latina u l-Karibew; billi din hija l-akbar kriżi ta' rifuġjati fl-istorja tal-Amerka Latina, u saret waħda mill-akbar kriżijiet ta' spostament fid-dinja;

B. billi n-nies fil-Venezwela għadhom qegħdin isofru ksur gravi tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom minħabba salarji baxxi, prezzijiet għoljin tal-ikel, nuqqasijiet persistenti fis-servizzi pubbliċi bħall-elettriku u l-ilma, skarsezzi ta' fjuwil u aċċess prekarju għall-kura tas-saħħa; billi l-kriżi ġiet aggravata miż-żieda fis-sanzjonijiet ekonomiċi u mill-pandemija tal-COVID-19;

C. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ilhom snin sħaħ isostnu lill-popolazzjoni Venezwelana u lill-komunitajiet li ospitaw lir-rifuġjati; billi f'Ottubru 2019, flimkien mal-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), l-UE organizzat l-ewwel Konferenza ta' Solidarjetà ġewwa Brussell biex tqajjem kuxjenza dwar il-gravità tas-sitwazzjoni u dwar il-ħtieġa li jiġu mobilizzati fondi permezz ta' konferenza tad-donaturi fl-ewwel nofs tal-2020; billi l-kriżi kkawżata mill-COVID-19 tagħmilha saħansitra aktar urġenti li jitwettaq dan l-impenn;

D. billi l-UE u l-Gvern Spanjol laqqgħu l-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi b'turija ta' solidarjetà mal-migranti u r-rifuġjati tal-Venezwela fil-pajjiżi tar-reġjun, waqt il-COVID-19, li ltaqgħet fis-26 ta' Mejju 2020; billi aktar minn 40 pajjiż, flimkien mal-aġenziji tan-NU, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili nazzjonali u internazzjonali, ipparteċipaw fil-konferenza u wegħdu li jimmobilizzaw EUR 2 544 biljun, inkluż EUR 595 miljun f'għotjiet diretti għall-popolazzjoni spostata u għall-komunitajiet ospitanti ewlenin, u biex isaħħu l-koordinazzjoni fost l-atturi ewlenin;

E. billi l-assistenza tal-UE taqbeż it-EUR 319-il miljun, kemm fil-Venezwela kif ukoll esternament; billi EUR 156 miljun kienu ddedikati għall-assistenza umanitarja, EUR 136 miljun għall-iżvilupp u EUR 27 miljun għall-istabbiltà u l-paċi; billi l-UE tipprovdi lir-rifuġjati u lill-migranti Venezwelani b'servizzi mediċi ta' emerġenza, assistenza tal-ikel, kenn, informazzjoni u appoġġ legali, inizjattivi ta' protezzjoni kontra l-vjolenza abbażi tas-sess u t-traffikar tal-bnedmin, u edukazzjoni f'emerġenzi;

F. billi fid-dawl tal-pandemija dinjija tal-COVID-19, l-UE adottat l-approċċ tagħha "Team Europe" biex ittaffi l-effetti tal-kriżi u tikkontribwixxi għall-istabbiltà reġjonali; billi EUR 918-il miljun ġew ridiretti lejn l-aktar pajjiżi u gruppi tal-popolazzjoni vulnerabbli fl-Amerka Latina u fil-Karibew; billi l-UE pprovdiet EUR 9 miljun f'appoġġ lill-PAHO u lill-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar bħala għajnuna biex jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19 fil-Venezwela u l-pajjiżi fir-reġjun u biex jitħejja rispons għall-kriżi; billi dan l-appoġġ tqassam fir-reġjun kollu, filwaqt li ngħataw prijorità l-pajjiżi li qegħdin jospitaw l-ogħla għadd ta' rifuġjati u migranti vulnerabbli mill-Venezwela, b'mod partikolari l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador;

G. billi fil-15 ta' Mejju 2020 il-UNHCR irċeviet 22 % biss tal-fondi mwegħda mill-komunità internazzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani; billi l-komunità internazzjonali jeħtiġilha ssib soluzzjonijiet innovattivi biex tiżblokka riżorsi finanzjarji possibbli oħra bil-għan li tgħin lill-poplu Venezwelan jindirizza l-bżonnijiet ta' emerġenza tiegħu lil hinn mill-għajnuna umanitarja u l-għajnuna ta' kooperazzjoni aktar fit-tul;

H. billi fl-1 ta' Ġunju 2020, ġie konkluż ftehim bejn il-Ministeru tal-Poter Popolari għas-Saħħa tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u t-tim konsultattiv tal-Assemblea Nazzjonali għall-COVID-19 biex jingħata lok li miljuni ta' dollari f'għajnuna umanitarja jingħataw lill-Venezwela b'mod apolitiku permezz tal-PAHO u biex jiġu kkoordinati l-isforzi biex jinkiseb finanzjament internazzjonali għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Venezwela li tirreaġixxi għall-pandemija;

I. billi fis-26 ta' Mejju 2020, il-Qorti Suprema Venezwelana approvat lis-Sur Luis Parra bħala President tal-Assemblea Nazzjonali; billi s-sessjoni li saret f'Jannar 2020 la rrispettat il-proċedura ġuridika u lanqas il-prinċipji kostituzzjonali demokratiċi billi impediet maġġoranza kbira tar-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi milli jkunu preżenti matul is-sessjoni u konsegwentement milli jitfgħu l-voti tagħhom;

J. billi f'konformità mal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, il-ħatra tal-membri tal-Kunsill Nazzjonali Elettorali hija r-responsabbiltà tal-Assemblea Nazzjonali; billi fl-10 ta' Ġunju 2020, il-Qorti Suprema ħadet deċiżjoni li tat lill-Kumitat tan-Nomini Elettorali skadenza ta' 72 siegħa biex jidentifika l-ismijiet tal-kandidati għal retturi tal-Kunsill Nazzjonali Elettorali; billi fit-12 ta' Ġunju 2020, il-Qorti Suprema ħatret ir-retturi tal-Kunsill Nazzjonali Elettorali; billi s-sostituzzjoni tal-bord tad-diretturi ta' wħud mill-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni għamlet ħsara enormi lill-possibilità ta' triq elettorali kunsenswali u ta' elezzjonijiet demokratiċi;

K. billi fid-29 ta' Ġunju 2020, il-Kunsill żied 11-il uffiċjal ewlieni Venezwelan mal-lista ta' dawk soġġetti għal miżuri restrittivi bħala riżultat tar-rwol tagħhom f'atti u deċiżjonijiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela; billi b'din id-deċiżjoni, l-għadd totali ta' individwi li qegħdin iġarrbu sanzjonijiet, li jinkludu projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, tela' għal 36; billi dawn il-miżuri huma mmirati lejn individwi u ma jolqtux lill-popolazzjoni b'mod ġenerali;

L. billi r-reġim ta' Maduro irreaġixxa għal dan billi ħabbar li l-Ambaxxatur tal-UE Isabel Brilhante Pedrosa, Kap tad-Delegazzjoni tal-UE f'Caracas, kellha 72 siegħa biex titlaq mill-pajjiż; billi l-UE talbet li din id-deċiżjoni titreġġa' lura, u kkundannata bil-qawwa; billi wara konverżazzjoni telefonika bejn il-VP/RGħ Josep Borrell u l-Ministru tal-Poter Popolari Venezwelan għall-Affarijiet Barranin Jorge Arreaza, il-Gvern tal-Venezwela ddeċieda li jirrevoka d-deċiżjoni meħuda fid-29 ta'Ġunju 2020 li permezz tagħha, l-Ambaxxatur Isabel Brilhante Pedrosa ġiet iddikjarata persona non grata; billi ż-żewġ naħat qablu dwar il-ħtieġa li jinżamm il-qafas tar-relazzjonijiet diplomatiċi u li tiġi ffaċilitata t-triq tad-djalogu politiku;

M. billi seba' Stati Membri tal-UE u r-Renju Unit, flimkien ma' sħab reġjonali, stabbilew il-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali f'Jannar 2019, bil-għan li jinħolqu l-kundizzjonijiet u jingħata appoġġ għal proċess politiku li jista' jwassal għar-ritorn paċifiku tad-demokrazija; billi l-UE ser tkompli taħdem biex tibni appoġġ internazzjonali mifrux għal tranżizzjoni paċifika nnegozjata, li twassal għal futur demokratiku fil-Venezwela;

1. Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ sħiħ tiegħu mal-poplu tal-Venezwela li qiegħed iġarrab l-effetti ta' kriżi umanitarja u politika serja, li bħalissa qiegħda tiġi aggravata mill-pandemija tal-COVID-19;

2. Jerġa' jafferma l-pożizzjoni tiegħu li soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi profonda tal-Venezwela jeħtieġ tinkludi elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali ħielsa, trasparenti, kredibbli u ġusti b'osservazzjoni internazzjonali u b'Kunsill Nazzjonali Elettorali u Qorti Suprema kompletament indipendenti, kif ukoll il-libertà sħiħa tal-istampa u l-parteċipazzjoni politika tal-Venezwelani kollha;

3. Għadu konvint li soluzzjoni paċifika, politika u demokratika hija l-unika soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi tal-Venezwela, u jfakkar li l-vjolenza, inkluż kwalunkwe ndħil militari jew vjolenti fil-pajjiż, mhijiex alternattiva;

4. Jirrifjuta l-għażla illegali tal-membri tal-Kunsill Nazzjonali Elettorali tal-Venezwela permezz ta' sentenza tal-Qorti Suprema, li tikser apertament il-Kostituzzjoni Venezwelana u timmina l-garanziji minimi meħtieġa għal kwalunkwe proċess elettorali u għar-ritorn għad-demokrazija fil-Venezwela;

5. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim li ntlaħaq fit-2 ta' Lulju 2020 biex tiġi revokata d-deċiżjoni li ttieħdet fid-29 ta' Ġunju 2020, li biha, l-Ambaxxatur Isabel Brilhante Pedrosa ġiet iddikjarata persona non grata; jemmen li mezzi ta' djalogu diplomatiċi jeħtieġ li jinżammu miftuħa għall-benefiċċju tal-popolazzjoni;

6. Jistieden lill-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali jfittex kunsens ma' atturi internazzjonali oħra biex jiġi mmobilizzat rispons mill-komunità internazzjonali li jikkontribwixxi għar-ritorn urġenti tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela;

7. Jappella lill-komunità internazzjonali tagħmel il-pagament tal-EUR 2 544 biljun impenjati fil-Konferenza tad-Donaturi u jappoġġja l-iskemi innovattivi li jippermettu lill-Venezwelani jkollhom aċċess għall-assi ffriżati tagħhom għal raġunijiet umanitarji;

8. Jilqa' l-ftehim milħuq dwar il-ġlieda kontra l-COVID-19 flimkien mal-PAHO, u jistieden liż-żewġ partijiet biex jimpenjaw ruħhom immedjatament f'negozjati sinifikanti u inklużivi għall-kostituzzjoni tal-Kunsill Nazzjonali Elettorali u biex titneħħa l-projbizzjonijiet fuq il-partiti tal-oppożizzjoni;

9. Jerġa' jafferma l-pożizzjonijiet preċedenti tiegħu li soluzzjoni paċifika, demokratika u inklużiva hija l-uniku mod sostenibbli kif il-pajjiż jista' joħroġ mill-istall politiku attwali u mill-kriżi soċjali u umanitarja severa li pprovoka;

10. Jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikompli jaħdem permezz tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali fi sforz biex tinkiseb soluzzjoni paċifika u demokratika permezz ta' elezzjonijiet presidenzjali liberi u ġusti;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President leġittimu ad interim tar-Repubblika u tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Lulju 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza