B9-0220/2020
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0216/2020
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
[2020/xxx](RSP)
3.07.2020
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID-19
Petra DE SUTTER
f'isem il-Grupp Verts/ALE
PE000.000v00-00
MT Magħquda fid-diversità MT
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID-19
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-TUE,
wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 6, 9, 114, 153, 169 u 191 tat-TFUE, u b'mod partikolari l-Artikolu 168 tiegħu,
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 35 tagħha,
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha,
wara li kkunsidra l-manifest tad-WHO għal irkupru f'saħħtu u ekoloġiku mill-COVID-19[1],
wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
- billi l-COVID-19 uriet l-interdipendenzi bejn is-saħħa tal-bniedem u s-saħħa tal-pjaneta tagħna, u l-vulnerabbiltajiet tagħna; billi l-emerġenza ta' mard żoonotiku li huwa trasferit mill-annimali għall-bnedmin huwa aggravat mit-tibdil fil-klima antropoġeniku, il-qerda tal-bijodiversità u d-degradazzjoni ambjentali;
- billi l-manifest tad-WHO għal irkupru f'saħħtu u ekoloġiku mill-COVID-19 jipprevedi sitt preskrizzjonijiet għal irkupru f'saħħtu u ekoloġiku:
- Il-protezzjoni u l-preservazzjoni tas-sors tas-saħħa tal-bniedem: in-natura;
- Investiment fis-servizzi essenzjali, mill-ilma għas-sanità, għall-enerġija nadifa fil-faċiliatjiet tal-kura tas-saħħa;
- Li tiġi żgurata tranżizzjoni enerġetika f'saħħitha u malajr;
- Li jiġu promossi sistemi tal-ikel f'saħħithom u sostenibbli;
- Li jinbnew bliet f'saħħithom u abitabbli;
- Li ma jibqgħux jintużaw il-flus tal-kontribwenti biex jiġi ffinanzjat it-tniġġis;
- billi din ir-riżoluzzjoni se tiffoka fuq il-kamp ta' applikazzjoni aktar dejjaq tal-politiki tas-saħħa pubblika kif imsemmi fl-Artikoli 168 u 114 tat-TFUE;
- billi l-COVID-19 enfasizzat li l-Unjoni Ewropea m'għandhiex għodod b'saħħithom biżżejjed biex tindirizza emerġenza tas-saħħa bħat-tixrid ta' mard infettiv ġdid, li min-natura tiegħu ma jafx fruntieri;
- billi d-dritt għas-saħħa fiżika u mentali huwa dritt fundamentali tal-bniedem; billi kull persuna, mingħajr diskriminazzjoni, għandha d-dritt li jkollha aċċess għal kura tas-saħħa moderna u komprensiva; billi l-kopertura tas-saħħa universali hija Għan ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU li l-firmatarji kollha impenjaw ruħhom li jilħqu sal-2030;
- billi l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza sinifikanti fis-saħħa pubblika, filwaqt li s-sistemi tal-kura tas-saħħa jibqgħu r-responsabbiltà tal-Istati Membri, b'kooperazzjoni minima fil-livell tal-UE;
- billi l-Artikolu 168 tat-TFUE jistipula li "livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni" u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f'diversi okkażjonijiet iddeċidiet li l-UE tista' ssegwi l-objettivi tas-saħħa pubblika permezz ta' miżuri tas-suq intern;
- billi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE tiddependi mir-rieda u mill-kapaċità tal-Kummissjoni, l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri li jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet ta' saħħa;
- billi attwalment, l-UE tirregola l-prodotti rilevanti għas-saħħa u r-riżultati tas-saħħa inkluż, fosti l-oħrajn, it-tabakk, l-alkoħol, l-ikel u s-sustanzi kimiċi kif ukoll il-farmaċewtiċi u l-apparati mediċi;
- billi jeżistu regolamenti u politiki tal-UE dwar il-provi kliniċi, il-koordinazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa permezz tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali, u d-diskussjonijiet dwar il-proposta dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa jinsabu għaddejjin;
- billi r-riċerka dwar is-saħħa hija ffinanzjata permezz ta' Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa li jmiss, il-Programm tas-Saħħa tal-UE u l-programm li jmiss tas-saħħa EU4Health, kif ukoll fondi oħra tal-UE;
- billi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel huma lkoll aġenziji eżekuttivi b'funzjonijiet importanti tas-saħħa pubblika;
- billi l-infrastruttura attwali għal rispons ta' emerġenza, inkluż iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, id-Deċiżjoni dwar it-Theddid Transfruntier u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, ġiet ittestjata sal-limiti tagħha matul il-kriżi attwali tas-saħħa;
- billi l-professjonisti tal-kura tas-saħħa kienu esposti għal riskji għoljin b'mod inaċċettabbli u, f'xi każijiet, ġew imġiegħla jieħdu deċiżjonijiet dwar min jista' u min ma jistax jirċievi kura tas-saħħa;
- billi l-kriżi tal-COVID-19 bidlet il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' ħafna ħaddiema fl-Ewropa u qajmet mistoqsijiet ġodda rigward is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;
- billi l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 u t-tixrid tagħha madwar l-Ewropa esponew id-differenza fil-kapaċità bejn is-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri, u wrew li l-Istati Membri jiddependu fuq pajjiżi ġirien li għandhom sistemi reżiljenti biżżejjed;
- billi l-kooperazzjoni transfruntiera hija essenzjali fi żminijiet partikolari tal-kriżi tas-saħħa;
- billi, fl-assenza ta' koordinazzjom f'livell Ewropew, il-ħażna internazzjonali tista' twassal għal żbilanċ fis-suq u żżid in-nuqqasijiet ta' mediċini essenzjali, vaċċini, tagħmir protettiv personali (PPE) matul il-katini tal-provvista globali;
- billi fi żminijiet ta' kriżi, il-miżuri adottati mill-UE u mill-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet ta' persuni b'diżabilità f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;
- billi l-fatt li kien hemm approċċi differenti madar l-UE kollha għall-ġbir ta' data relatati mal-COVID-19, dan għamel il-paragun tad-data madwar l-UE kollha wieħed diffiċli;
- billi xi Stati Membri jbatu b'mod sinifikanti minn eżodu ta' mħuħ, bi professjonisti tal-kura tas-saħħa bi kwalifiki għoljin li jagħżlu li jaħdmu fi Stati Membri b'paga u kundizzjonijiet aħjar minn tagħhom stess;
- billi l-akkwist konġunt tal-UE ntuża b'suċċess għal Tagħmir Protettiv Personali, kittijiet tal-ittestjar, ventilaturi u xi mediċini, għalkemm il-mekkaniżmu rriżulta li kien aktar kajman u inqas effikaċi milli kien meħtieġ;
- billi l-kapaċità tar-RescEU ħażnet riżorsi ewlenin bħal maskri, ventilaturi, u tagħmir tal-laboratorju, li se jingħataw fejn l-aktar hemm bżonnhom;
- billi saru bosta arranġamenti ad hoc matul il-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19, inkluż il-bord ta' esperti tal-Kummissjoni u linji gwida biex il-pazjenti jiġu ttrattati u l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa jintbagħtu fi Stati Membri oħra;
- billi t-telf tas-sovranità u l-indipendenza Ewropea fis-settur tas-saħħa huwa marbut mar-rilokazzjoni tal-produzzjoni; billi l-katini tal-provvista farmaċewtika jiddependu fuq ingredjenti farmaċewtiċi attivi jew ġeneriċi li huma manifatturati f'pajjiżi terzi, xi drabi minn fabbrika waħda biss madwar id-dinja; billi l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni imposti matul il-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 enfasizzaw il-periklu tad-dipendenza fuq dawn il-ktajjen ta' provvista;
- billi l-implikazzjonijiet tas-saħħa mentali ta' tifqigħa ta' virus ma ngħatawx attenzjoni mill-Istati Membri matul il-kriżi tal-COVID-19;
- billi l-kriżi tal-COVID-19 u sfidi oħra f'dak li jikkonċerna s-saħħa fi ħdan il-fruntieri tal-UE ma tfissirx li l-UE tista' tinjora r-responsabbiltajiet tagħha lejn dawk li jinsabu fil-bżonn fil-fruntieri tagħha u lil hinn minnhom;
- Jemmen li wasal iż-żmien għal kompetenzi tas-saħħa pubblika mtejba fil-livell tal-UE; jenfasizza li kollaborazzjoni mtejba tal-UE fis-saħħa m'għandhiex tkun limitata għal tħejjija tal-kriżi mtejba; jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki tas-saħħa jiffukaw fuq l-interess pubbliku;
- Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja approċċ ta' "saħħa fil-politiki kollha", li jqis il-konsegwenzi tal-politika pubblika fuq is-sistemi tas-saħħa, id-determinanti tas-saħħa, l-inugwaljanzi u l-benessri, u jkollu l-għan li jintegra b'mod orizzontali l-aspetti tas-saħħa fil-politiki rilevanti kollha bħall-agrikoltura, il-kummerċ, l-ambjent, il-klima, it-trasport u r-riċerka;
- Jistieden lill-Istati Membru biex b'mod urġenti jwettqu testijiet tal-istress fuq is-sistemi tagħhom tal-kura tas-saħħa biex jivverifikaw li huma mħejjija għall-qawmien mill-ġdid possibbli tal-COVID-19 u kwalunke kriżi tas-saħħa futura; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina dan ix-xogħol u tistabbilixxi parametri komuni;
- Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Direttiva dwar standards minimi għal kura tas-saħħa ta' kwalità, ibbażata fuq is-sejbiet tat-testijiet tal-istress, li żżomm il-kompetenza tal-Istati Membri fil-ġestjoni, l-organizzazzjoni u l-finanzjament tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom iżda li tiggarantixxi s-sikurezza tal-pazjent, standards tax-xogħol u tal-impjiegi diċenti għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u r-reżiljenza Ewropea fil-konfront ta' pandemiji u kriżijiet oħra tas-saħħa pubblika;
- Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilxxi Indiċi tal-Kura tas-Saħħa Ewropew biex issegwi l-progress tas-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-UE;
- Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-indikaturi tal-kura tas-saħħa fi ħdan is-Semestru Ewropew;
- Iqis bħala essenzjali li jkollna sistemi tal-kura tas-saħħa aktar b'saħħithom fl-UE biex tissaħħaħ mill-ġdid it-tħejjija tal-kriżi; iqis li dan jeħtieġ aktar investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika u kundizzjonijiet tax-xogħol u taħriġ aħjar għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa;
- Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Mekkaniżmu Ewropew ta' Rispons Sanitarju li jifformalizza l-metodi tax-xogħol stabbiliti matul il-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19, li jibni fuq il-miżuri previsti fid-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili; jitlob għall-ħolqien ta' unità għall-ġestjoni tal-kriżijiet tas-saħħa biex tmexxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Rispons tas-Saħħa, fkoordinat mill-ECDC u mmexxi mill-Kummissarju għas-Saħħa u l-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżi, flimkien mal-EMA u l-bord ta' esperti; jitlob li din l-unità titħejja bi pjan ta' emerġenza għall-pandemija, sabiex ikun hemm rispons koordinat;
- Jitlob li tissaħħaħ il-kapaċità tar-RescEU, inkluż l-kapaċità tiegħu tal-ħażna u ta' timijiet mediċi ta' emerġenza; jitlob li jinħloqu databases li jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-istokkijiet tal-mediċini, is-sodod għall-kura intensiva disponibbli u l-apparati mediċi madwar l-Istati Membri kollha; jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni tal-fruntiera biex japprofondixxu l-kooperazzjoni tal-kura tas-saħħa transfruntiera billi jneħħu l-ostakli amministrattivi u jinkoraġġixxu l-ftehimiet tal-isptarijiet;
- Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza fir-rigward tal-funzjonament tar-RescEU u tal-kriterji għad-distribuzzjoni tal-istokkijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa gwida biex tiżgura li l-inizjattivi nazzjonali dwar il-ħażna huma proporzjonati mal-ħtiġijiet u ma joħolqux konsegwenzi mhux intenzjonati fl-Istati Membri;
- Iqis li l-Unjoni għandha tkun tista' tiddependi fuq il-mobilizzazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa permezz tal-"Korp Mediku Ewropew" maħluq biex jippermetti assistenza medika rapida u għarfien espert dwar is-saħħa pubblika lill-Istati Membri kollha;
- Jistieden lill-UE tfassal u tinkludi pjanijiet speċifiċi f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri biex iżżomm l-aċċes għal trattamenti u kura għall-pazjenti b'mard kroniku u l-persuni b'diżabilitajiet fl-UE fi żminijiet ta' pandemija; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa, u li jiġi żgurat li s-servizzi ta' kura u ta' appoġġ ibbażati fil-komunità, li huma meħtieġa kuljum mill-persuni b'diżabilità, ikunu ffinanzjati u mgħammra tajjeb u jkollhom biżżejjed persunal;
- Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab globali jiżguraw aċċess rapidu, ġust, ugwali u affordabbli għall-vaċċini u t-trattamenti futuri kollha tal-COVID-19 ladarba dawn isiru disponibbli;
- Jenfasizza s-sinifikat strateġiku u l-importanza li jsir investiment f'network ta' manifatturi u provvista bbażat fl-Ewropa, bi skambju għal impenji vinkolanti rigward kwistjonijiet bħat-trasparenza, it-traċċabbiltà, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-manifattura u d-distribuzzjoni tul il-katina tal-provvista kollha biex jiġi żgurat li l-mediċini jkunu disponibbli bl-istess mod madwar ir-reġjuni kollha bi prezz ġust;
- Jinsisti li kwalunkwe riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi trid tibqa' fid-dominju pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-kumpaniji farmaċewtiċi jistabbilixxu trasparenza sħiħa dwar ir-riżultati tar-R&Ż iffinanzjati mill-fondi pubbliċi sabiex jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' liċenzjar ta' privattivi u saħħa pubblika tar-redditu fuq l-investimenti pubbliċi u jirriflettu l-istruttura tal-finanzjament tar-R&Ż;
- Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod formali r-Riżerva ta' Aċċess għat-Teknoloġija tal-COVID-19 (C-TAP) u biex jikkundizzjonaw il-finanzjament pubbliku għall-parteċipazzjoni f'din ir-riżerva, li jippermettu l-kondiviżjoni massima tal-għarfien relatat mat-teknoloġija dwar is-saħħa tal-COVID-19, il-proprjetà intellettwali u d-data għall-benefiċċju tal-pajjiżi u ċ-ċittadini kollha;
- Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkorporaw salvagwardji kollettivi u pubbliċi, bħat-trasparenza rigward il-kontribuzzjonijiet pubbliċi, il-klawżoli tal-aċċessibbiltà u tal-affordabbiltà u l-liċenzji mhux esklużivi għall-isfruttament tal-prodotti finali, għas-sejħiet u l-investimenti attwali u futuri ta' finanzjament;
- Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex joħorġu liċenzji obbligatorji għal mediċini li jsalvaw il-ħajja, fil-każ li pajjiżi terzi ma jikkondividux il-vaċċin u/jew it-trattament jew l-għarfien rispettiv;
- Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ta' inċentivi relatati mal-proprjetà intellettwali fuq l-innovazzjoni bijomedika b'mod ġenerali, tesplora alternattivi kredibbli u effikaċi għall-protezzjoni esklużiva biex jiġu finanzjati r-R&Ż fil-qasam mediku bħall-għodod numerużi bbażati fuq mekkaniżmi ta' diżakkoppjar;
- Jitlob li l-finanzjament addizzjonali f'Orizzont 2020 ikun iddedikat b'mod speċifiku għall-provi kliniċi u prodotti mediċinali ġodda li jkollhom valur ċar għas-soċjetà b'kondiviżjoni pubblika tar-riċerka;
- Jitlob li l-akkwist konġunt tal-UE jintuża għall-akkwist ta' vaċċini u ta' trattamenti tal-COVID-19, u jintuża b'mod aktar regolari biex jiġi evitat li l-Istati Membri jikkompetu ma' xulxin u jiġi żgurat aċċess ugwali u affordabbli għal mediċini u apparati mediċi importanti, speċjalment għal antibijotiċi ġodda innovattivi, għal vaċċini u mediċini kurattivi ġodda, u mediċini għal mard rari;
- Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-mekkaniżmu tal-akkwist konġunt skont id-Deċiżjoni dwar it-Theddid Transfruntier għas-Saħħa u tipproponi regolament ġdid biex l-akkwist konġunt tal-UE jsir aktar malajr u jkun aktar effikaċi matul il-kriżijiet tas-saħħa u b'hekk jiġi żgurat aċċess ugwali u affordabbli għal trattamenti ġodda;
- Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu proposta ġdida biex tiġi riveduta d-Direttiva 89/105/KEE dwar it-trasparenza tal-prezzijiet, filwaqt li jiżguraw it-trasparenza tal-ispejjeż tar-R&Ż, u jagħtu lill-Istati Membri bażi ugwali meta jinnegozjaw mal-manifatturi għal trattamenti li ma jiġux akkwistati b'mod konġunt;
- Jappella għall-implimentazzjoni rapida tar-Regolament dwar il-Provi Kliniċi li ilha tiġi posposta biex tiġi żgurata t-trasparenza tar-riżultati tal-provi kliniċi u biex jiġu ffaċilitati aktar provi kliniċi transfruntiera;
- Jitlob li l-Istrateġija Farmaċewtika tal-UE tindirizza l-problemi fl-UE u l-katini tal-provvista farmaċewtiċi globali, li għandha tinkludi l-miżuri leġiżlattivi, il-politiki u l-inċentivi li jinkoraġġixxu l-produzzjoni tal-APIs u l-mediċini essenzjali fl-Ewropa biex tiggarantixxi l-provvista u l-aċċess affordabbli f'kull ħin mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet biex jittieħdu skont l-approċċ strateġiku għall-farmaċewtiċi fl-ambjent; iqis li l-Istrateġija Farmaċewtika tal-UE għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet li għandhom jittieħdu skont l-approċċ strateġiku għall-farmaċewtiċi fl-ambjent;
- Jitlob lill-UE toħloq katini tal-provvista pubbliċi u indipendenti u laboratorji kapaċi jipproduċu minimu ta' 20 % tal-APIs u l-mediċini essenzjali biex jiżguraw sikurezza pubblika netta fis-suq tal-mediċini tal-UE; jemmen li dan għandu jgħin lill-UE tkun aktar reżiljenti u tipproteġi aħjar liċ-ċittadini minn nuqqasijiet ta' mediċini u negozjar diffiċli min-naħa tal-industrija farmaċewtika; jitlob li jiġu stabbiliti inventarji nazzjonali obbligatorji tal-mediċini u l-apparati mediċi li għandhom jiġu stabbiliti f'kull Stat Membru u li l-Kummissjoni u l-EMA jingħataw informazzjoni biex jiġi żgurat li kwalunkwe nuqqas ikun jista' jiġi previst u indirizzat;
- Jistieden lill-Kummissjoni temenda l-leġiżlazzjoni farmaċewtika biex tippermetti deroga mill-esklużività tad-data u s-suq f'każijiet ta' ħtieġa għas-saħħa pubblika u meta tinħareġ liċenzja għall-użu obbligatorja jew tal-gvern;
- Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-ħidma tagħhom fir-rigward tar-responsabbiltajiet tad-Detenturi tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fuq is-Suq (MAHs) b'rabta mal-obbligi ta' provvista kontinwa stabbiliti fid-Direttiva 2001/83/KE (l-Artikolu 81); jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika l-obbligi f'linji gwida infurzabbli u tippromwovi kompetizzjoni miżjuda u sigurtà tal-provvista ta' vaċċini u mediċini essenzjali;
- Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-kummerċ parallel fuq in-nuqqas ta' mediċini fl-Istati Membri, inkluż it-tnaqqis tan-nuqqasijiet, u tindirizza b'mod adegwat il-problemi, inkluż il-possibbiltà ta' applikazzjonijiet illegali tas-sistemi ta' kwota tal-provvista bħala mezz biex tiġi introdotta leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-esportazzjonijiet paralleli, billi tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tiżgura li l-mediċini jilħqu lill-pazjenti kollha fl-UE fil-ħin;
- Jitlob li jiġi rivedut ir-Regolament tal-UE (KE) Nru 141/2000 dwar il-prodotti mediċinali orfni biex jitreġġa' lura l-"oneru tal-provi" għall-klawżola ta' esklużività fis-suq ta' għaxar snin sabiex id-detentur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fuq is-suq ikollu juri li l-prodott mhuwiex profittabbli biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż tar-R&Ż;
- Jitlob li l-Kummissjoni tippublika linji gwida dwar id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku rigward l-għoti ta' offerti għas-settur farmaċewtiku; jitlob li dawn il-linji gwida jkunu bbażati fuq "l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża" (il-kriterji MEAT), biex b'hekk l-awtorità kontraenti tkun tista' tqis il-kriterji li jirriflettu l-aspetti kwalitattivi, tekniċi u sostenibbli tas-sottomissjoni tal-offerta kif ukoll il-prezz;
- Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mandat rivedut għaċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard biex iżżid il-baġit, il-persunal u l-kompetenzi tiegħu b'tali mod li tippermettilhom jipprovdu saħħa pubblika ta' klassi dinjija f'kull ħin, inkluż matul l-epidemiji;
- Jitlob li jkun hemm rwol rinfurzat għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fil-monitoraġġ u l-evitar tan-nuqqasijiet ta' mediċini u fil-koordinazzjoni tad-disinn u l-approvazzjoni tal-provi kliniċi tal-UE matul il-kriżijiet;
- Jitlob li r-rwol tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol jissaħħaħ biex jiġi żgurat li l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa ma jitpoġġewx f'riskju;
- Jitlob li l-gwida tal-EU fis-saħħa tissaħħaħ u li f'ċerti każijiet issir obbligatorja; pereżempju l-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi u t-tilqim għandhom jiġu msaħħa mill-ġdid b'miżuri vinkolanti, sabiex jiġi limitat l-użu ta' antimikrobiċi għall-bnedmin biss meta jkunu strettament meħtieġa, u kard tat-tilqim tal-UE għaċ-ċittadini; jitlob li gwida tal-ECDC pertinenti għall-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 issir obbligatorja, bħal metodi għar-reġistrazzjoni tal-imwiet u tal-irkupri;
- Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, tipproponi l-ħolqien ta' Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa, li jservi l-ħtiġijiet tal-pazjenti u tal-professjonisti tas-saħħa u jirrispetta bis-sħiħ il-qafas Ewropew għall-protezzjoni tad-data, sabiex ittejjeb l-istandardizzazzjoni, il-kondiviżjoni tad-data u l-adozzjoni u l-promozzjoni tal-istandards internazzjonali tad-data tas-saħħa; jenfasizza li s-saħħa diġitali għandha tikkontribwixxi għal saħħa aħjar għal kulħadd u m'għandhiex iżżid l-inugwaljanzi;
- Jenfasizza li biex jitnaqqas ir-riskju ta' epidemiji futuri, wieħed jeħtieġ imur lil hinn mill-identifikazzjoni bikrija u l-kontroll tat-tifqigħa tal-marda, u jnaqqas ir-riskju mis-sors;
- Jemmen bis-sħiħ fl-approċċ "Saħħa Waħda" li jgħaqqad is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-protezzjoni ambjentali, jemmen li azzjoni kontra t-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali, it-telf tal-bijodiversità u l-metodi mhux sostenibbli ta' produzzjoni tal-ikel hija kritika għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;
- Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jistiednu lill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi biex tniedi rieżami bir-reqqa tax-xjenza rigward ir-rabta bejn pandemiji bħall-COVID-19, l-influwenza tal-ħnieżer, il-MERS u s-SARS ikkawżati minn patoġeni li jiġu trażmessi mill-annimali għall-bnedmin u d-degradazzjoni tal-bijodiversità, id-deforestazzjoni u bidliet oħra fl-użu tal-art sabiex tinforma lil dawk li jfasslu l-politika dwar l-istrateġiji tal-bijodiversità li jnaqqsu r-riskju ta' tali żoonożi;
- Jenfasizza l-ħtieġa li l-prevenzjoni tiġi prijoritizzata, b'benefiċċju kemm għas-saħħa taċ-ċittadini kif ukoll għall-baġits tas-saħħa nazzjonali;
- Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex tindirizza d-determinanti tas-saħħa bħall-użu tat-tabakk, l-użu tal-alkoħol, in-nutrizzjoni ħażina, it-tniġġis tal-arja, l-esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi u l-inugwaljanzi fis-saħħa biex jitjiebu r-riżultati fil-qasam tas-saħħa;
- Jitlob li n-Networks Ewropej ta' Referenza jitwessgħu biex jinkludu l-mard infettiv u ż-żoonożi;
- Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija għal "Ewropa reżiljenti", li tikkonsisti minn mappa ta' valutazzjoni tar-riskju u għażliet li jindirizzaw ġestjoni tajba u investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa, u rispons għall-pandemija fil-livell Ewropew, inklużi ktajjen tal-provvista reżiljenti fl-UE;
- Jitlob li jkun hemm approċċ koordinat, kollaborattiv u miftuħ fil-qasam tar-riċerka, bi rwol aktar b'saħħtu għall-Kummissjoni fil-koordinazzjoni tar-riċerka dwar is-saħħa sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u biex ir-riċerka tiġi xprunata lejn riżultati konkreti inklużi l-mediċini, il-vaċċini, l-apparati mediċi u t-tagħmir mediku meħtieġ;
- Jappella għat-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tar-Riċerka responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' pjan direzzjonali għar-riċerka fil-qasam tas-saħħa u biex jorbot it-tagħrif miksub reċentement ma' politika tas-saħħa pan-Ewropea;
- Jilqa' bil-qawwa ż-żieda fil-baġit propost għall-Programm tas-Saħħa l-ġdid EU4Health;
- Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi aġġornament ġdid tal-Qafas Strateġiku għas-Saħħa u s-Sigurtà għall-2021-2027 inkluża leġiżlazzjoni dwar id-Dritt ta' Skonnessjoni, Direttiva ġdida dwar disturbi muskoloskeletali relatati max-xogħol u Direttiva ġdida dwar il-benessri mentali fuq il-post tax-xogħol bl-għan li tirrikonoxxi l-ansjetà, id-dipressjoni u l-burn-out bħala mard okkupazzjonali;
- Jitlob li jinħoloq Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-2021-2027 dwar is-saħħa mentali b'attenzjoni ugwali lill-fatturi bijomediċi u psikosoċjali tal-mard mentali;
- Jistieden lill-UE tikkoopera bis-sħiħ mad-WHO u korpi internazzjonali oħra fil-ġlieda kontra l-mard infettiv, twettaq il-Kopertura Universali tas-Saħħa għal kulħadd u ssaħħaħ is-sistema tas-saħħa madwar id-dinja;
- Jagħti struzzjonijiet lill-President biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;