MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi
6.7.2020 - (2020/2531(RSP))
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Maria Spyraki, Maria Arena, Frédérique Ries, Sven Giegold, Danilo Oscar Lancini, Pietro Fiocchi, Anja Hazekamp
f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
B9-0222/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 168 u 191 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" ("is-Seba' EAP")[1] u l-viżjoni tagħha sal-2050,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ("ir-Regolament REACH")[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet ("ir-Regolament CLP")[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti[6],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi[7],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' prattika tajba ta' laboratorju u l-verifikazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom għal testijiet fuq sustanzi kimiċi[8],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-21 ta' Ottubru 2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi, u l-emendi sussegwenti tagħha[9],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE[10],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi ("ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi")[11],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008[12],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE[13],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/39/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li temenda d-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE rigward sustanzi prijoritarji fil-qasam tal-politika dwar l-ilma[14], bħala strument siewi biex jiġi mmonitorjat u indirizzat it-tniġġis kimiku transfruntier fl-ilmijiet tal-wiċċ,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari[15],
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/2398 tat-12 ta' Diċembru 2017[16], id-Direttiva (UE) 2019/130 tas-16 ta' Jannar 2019[17] u d-Direttiva 2019/983 tal-5 ta' Ġunju 2019 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemendaw id-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol[18],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi[19],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "Lejn Strateġija tal-Unjoni għal Politika Sostenibbli dwar is-Sustanzi Kimiċi",
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2019 bit-titolu "Aktar ċirkolarità - Transizzjoni lejn soċjetà sostenibbli",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Qafas Strateġiku Ġdid tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali: It-titjib tal-implimentazzjoni tas-Sikurezza u s-Sikurezza Okkupazzjonali fl-UE",
– wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni għall-2019-2024, b'mod partikolari l-ambizzjoni ta' tniġġis żero fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd - Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773) u l-analiżi fil-fond li tappoġġa din il-komunikazzjoni[20],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2018 bit-titolu "Rapport Ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-operat tar-REACH u rieżami ta' ċerti elementi - Konklużjonijiet u Azzjonijiet" (COM(2018)0116) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Lejn qafas tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali" (COM(2018)0734),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Rieżami tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi fir-rigward tas-sustanzi bi proprjetajiet li jħarbtu s-sistema endokrinali" (COM(2018)0739),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "Is-sejbiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-aktar leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-sustanzi kimiċi (bl-esklużjoni tar-REACH) u l-isfidi, il-lakuni u d-dgħufijiet identifikati" (COM(2019)0264),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009 dwar l-aspetti regolatorji tan-nanomaterjali[21],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari[22],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali[23],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart[24],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 - Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna" (COM(2020)0380),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu "Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent" (COM(2020)0381),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa" (COM(2020)0102),
– wara li kkunsidra l-Pjan Ewropew biex Jingħeleb il-Kanċer ippreżentat mill-Kummissjoni fi Frar 2020,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mill-Kummissjoni dwar Il-Pjan Ewropew biex Jingħeleb il-Kanċer[25],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar "L-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart" (COM(2018)0032), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2018)0020),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar strateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari[26],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti[27],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi[28],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi[29],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2019 dwar qafas komprensiv tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali[30],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew[31],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2018 dwar projbizzjoni globali biex jintemm l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali[32],
– wara li kkunsidra r-rapport tad-29 ta' April 2019 dwar il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu "Global Chemicals Outlook II - From Legacies to Innovative Solutions: Implementing the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Prospettivi Globali għas-Sustanzi Kimiċi II - Mill-Problemi li Writna għal Soluzzjonijiet Innovattivi: implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-4 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "L-ambjent Ewropew - L-istat u l-prospetti 2020" (SOER 2020),
– wara li kkunsidra l-istudju ta' Awwissu 2017 ikkummissjonat mill-Kummissjoni bit-titolu "Study for the strategy for a non-toxic environment of the 7th Environment Action Programme" (Studju dwar l-istrateġija għal ambjent mhux tossiku tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali)[33],
– wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat f'Jannar 2019 u li ġie aġġornat f'Mejju 2019, ikkummissjonat mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Endocrine Disruptors: From Scientific Evidence to Human Health Protection" (Interferenti Endokrinali: Minn Evidenza Xjentifika għall-Protezzjoni tas-Saħħa tal-Bniedem)[34],
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Ġunju 2019 ikkoordinat mill-Kummissjoni u s-sieħeb organizzatur tagħha, il-Ministeru għall-Ambjent u l-Ikel tad-Danimarka, bit-titolu: "EU Chemicals Policy 2030: Building on the past, moving to the future" (Il-Politika tal-UE dwar is-Sustanzi Kimiċi għall-2030: nibnu fuq il-passat biex nersqu lejn il-futur),
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 05/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, "L-użu sostenibbli ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti: progress limitat fil-kejl u fit-tnaqqis tar-riskji",
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi (O-000044/2020 – B9-0013/2020),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
A. billi fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni ħabbret il-preżentazzjoni ta' Strateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi sas-sajf tal-2020;
B. billi l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni xierqa tal-prinċipji tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 191(2) tat-TFUE;
C. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha naqsu milli jissodisfaw l-għan 12 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), li jappella għal ġestjoni soda tas-sustanzi kimiċi u tal-iskart kollu matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, f'konformità mal-oqfsa internazzjonali miftiehma, u għal tnaqqis sinifikanti tar-rilaxx tagħhom fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija sabiex jiġu minimizzati l-impatti negattivi tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent sal-2020; billi jenħtieġu sforzi addizzjonali sostanzjali biex jintlaħaq l-għan 3 tal-SDGs u biex l-għadd ta' mwiet u ta' mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u minn tniġġis u kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija jitnaqqas b'mod sostanzjali sal-2030; billi l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi tista' tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-SDGs;
D. billi l-proprjetajiet kimiċi, fiżiċi u tossikoloġiċi tas-sustanzi kimiċi jvarjaw ħafna; billi filwaqt li ħafna minn dawn is-sustanzi li huma parti integrali mill-ħajja ta' kuljum mhumiex perikolużi jew persistenti, uħud jistgħu jippersistu fl-ambjent, jakkumulaw fil-katina alimentari u jistgħu jkunu ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem f'konċentrazzjonijiet baxxi;
E. billi t-tniġġis minn sustanzi kimiċi sintetiċi huwa theddida serja u li qed tikber għas-saħħa pubblika u għall-ambjent; billi, pereżempju, il-kanċer relatat ma' esponiment kimiku perikoluż huwa l-kawża ewlenija ta' mwiet relatati max-xogħol: billi fl-UE jseħħu madwar 120 000 każ ta' kanċer relatat max-xogħol kull sena b'riżultat tal-esponiment għal karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol, li jwassal għal madwar 80 000 fatalità kull sena[35];
F. billi r-regolamentazzjoni għandha rwol fundamentali fil-prevenzjoni tal-ħsara minn sustanzi kimiċi perikolużi; billi huwa stmat li f'dawn l-aħħar 20 sena ġew evitati miljun kanċer ġdid parzjalment bis-saħħa tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali; billi studju tal-2017 ikkalkula b'mod konservattiv il-benefiċċji kumulattivi tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi fl-UE "f'għexieren ta' biljuni ta' euro fis-sena"[36];
G. billi strateġija sostenibbli fir-rigward tas-sustanzi kimiċi għandha tnaqqas b'mod effettiv l-esponiment tal-bnedmin u tal-ambjent għal sustanzi kimiċi perikolużi, u fl-istess ħin għandha ttejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni fl-industrija Ewropea;
H. billi t-tniġġis kimiku jikkawża t-telf ta' ekosistemi terrestri u akkwatiċi u jwassal għat-tnaqqis tar-"reżiljenza tal-ekosistema", jiġifieri l-kapaċità ta' reżistenza għall-ħsara u ta' rkupru, li jwassal għal tnaqqis rapidu fil-popolazzjonijiet tal-annimali;
I. billi fis-26 ta' Ġunju 2019 il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta' azzjoni biex jiġu eliminati l-użi mhux essenzjali kollha tas-sustanzi kimiċi perfluworurati (PFAS) minħabba n-natura persistenti ħafna tagħhom u ż-żieda fir-riskji għas-saħħa u l-ambjent[37];
J. billi fir-rapport tagħha bit-titolu "L-ambjent Ewropew – L-istat u l-prospetti 2020", l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent esprimiet tħassib dejjem jikber dwar ir-rwol tas-sustanzi kimiċi fil-qagħda mwiegħra tal-ambjent tagħna u wissiet li ż-żieda mistennija fil-produzzjoni ta' sustanzi kimiċi u fl-emissjonijiet kontinwi ta' sustanzi kimiċi persistenti u perikolużi turi li l-piż kimiku fuq is-saħħa u l-ambjent x'aktarx li mhux se jonqos u li l-politiki attwali mhumiex adegwati biex jindirizzaw għadd kbir ta' sustanzi kimiċi;
K. billi tenħtieġ tranżizzjoni lejn il-produzzjoni ta' sustanzi kimiċi li jkunu sikuri sa mid-disinn, inkluż l-użu ta' sustanzi kimiċi inqas perikolużi tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti, biex jitnaqqas it-tniġġis kimiku u tittejjeb iċ-ċirkolarità tal-ekonomija tal-Ewropa; billi l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari jeħtieġ li jindirizza s-sustanzi kimiċi tossiċi sabiex jissodisfa dawn l-għanijiet;
L. billi l-awtorizzazzjoni ta' sustanzi pprojbiti jew sustanzi ta' tħassib serju ħafna (SVHCs) biex jidħlu fis-suq tal-UE permezz ta' prodotti importati minn pajjiżi terzi mhijiex konformi mal-għan li jiġu żviluppati ċikli ta' materjali mhux tossiċi;
M. billi huwa tajjeb li l-Kummissjoni qed tiffinanzja proġetti li jippromwovu teknoloġiji diġitali innovattivi biex is-sustanzi kimiċi jiġu traċċati tul il-katina tal-provvista (pereżempju l-blockchain);
N. billi l-feti, it-trabi, it-tfal, in-nisa tqal, l-anzjani u l-foqra huma partikolarment suxxettibbli għall-effetti tal-esponiment għas-sustanzi kimiċi; billi l-familji b'introjtu baxx jistgħu jkunu esposti b'mod sproporzjonat minħabba li spiss jgħixu qrib sorsi kbar ta' rilaxxi, bħal siti għar-rimi ta' skart perikoluż u faċilitajiet ta' produzzjoni[38];
O. billi l-Kummissjoni qatt ma wettqet l-istrateġija tagħha dwar ambjent mhux tossiku li kienet imwiegħda fl-ambitu tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali; billi issa huwa importanti li l-Kummissjoni tipproponi strateġija ambizzjuża li effettivament timminimizza l-esponiment tal-bnedmin u tal-ambjent għal sustanzi kimiċi perikolużi, u fl-istess ħin ittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni fl-industrija Ewropea;
P. billi l-istudji kkummissjonati mill-Kummissjoni (eż. b'rabta mal-istrateġija għal Ambjent Mhux Tossiku u fil-kuntest tal-kontrolli tal-idoneità tar-REACH u tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi għajr ir-REACH) identifikaw lakuni kbar fil-leġiżlazzjoni tal-UE għall-ġestjoni sikura tas-sustanzi kimiċi fl-UE, inklużi inkonsistenzi fil-livell tal-leġiżlazzjoni settorjali u implimentazzjoni insuffiċjenti, u ddeskrivew sett wiesa' ta' miżuri li għandhom jitqiesu;
Q. billi dawn il-lakuni u l-inkonsistenzi jirrikjedu azzjoni leġiżlattiva sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mir-riskji li joriġinaw mis-sustanzi kimiċi;
R. billi l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tkun ibbażata fuq l-aħħar għarfien u metodi xjentifiċi indipendenti, u għandha tindirizza wkoll l-esponimenti fil-ħajja reali tul iċ-ċiklu kollha tal-ħajja;
S. billi skont ir-Regolament (KE) 1107/2009, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu iwettqu "valutazzjoni indipendenti, oġġettiva u trasparenti" ta' sustanzi u prodotti attivi fil-pestiċidi u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għandha twettaq rieżami xjentifiku indipendenti f'konformità mar-Regolament (KE) 178/2002 (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel);
1. Jilqa' l-ambizzjoni ta' tniġġis żero għal ambjent mingħajr sustanzi tossiċi; jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tas-settur tas-sustanzi kimiċi fl-ilħuq tal-bosta miri tal-Patt Ekoloġiku, b'mod partikolari l-ambizzjoni ta' tniġġis żero, in-newtralità klimatika, it-tranżizzjoni enerġetika, il-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u l-ekonomija ċirkolari, billi jiġu offruti proċessi u materjali tal-produzzjoni innovattivi;
2. Iqis li kwalunkwe forma ta' tniġġis jeħtieġ li tiġi evitata jew imnaqqsa għal livelli li ma jibqgħux perikolużi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent sabiex ikun possibbli li wieħed jgħix tajjeb, fil-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta;
3. Iqis li l-iżgurar li l-użi kollha tas-sustanzi kimiċi, tal-materjali u tal-prodotti jkunu sikuri, sostenibbli u ċirkolari sa mid-disinn huwa miżura upstream essenzjali mhux biss biex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem, jinkiseb ambjent mingħajr sustanzi tossiċi (arja, ilma, ħamrija) u biex tiġi protetta l-bijodiversità, iżda anki biex tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ċirkolari u kompetittiva;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta Strateġija komprensiva għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi biex issir il-bidla fundamentali meħtieġa biex tiġi implimentata l-ambizzjoni għal ambjent mingħajr tniġġis, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa tal-annimali u tal-ambjent, jiġi minimizzat l-esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-prinċipju ta' prekawzjoni u l-protezzjoni effettiva tal-ħaddiema, jiġi minimizzat l-użu tal-ittestjar fuq l-annimali, jiġu ppreservati u restawrati l-ekosistemi u l-bijodiversità, u titrawwem l-innovazzjoni f'sustanzi kimiċi sostenibbli, bħala l-bażi għal strateġija Ewropea għal ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ċirkolari, sikura u sostenibbli, filwaqt li jissaħħu l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u tingħata spinta lill-impjiegi fl-UE;
5. Jissottolinja li l-Istrateġija futura għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi trid tindirizza wkoll l-akkwist sostenibbli tal-materjali u l-intensità tal-enerġija fil-produzzjoni ta' sustanzi kimiċi tul il-katina ta' provvista, kif ukoll l-istandards tas-saħħa, soċjali u ambjentali u d-drittijiet tal-bniedem;
6. Jenfasizza li l-Istrateġija l-ġdida għandha tkun koerenti mal-objettivi politiċi l-oħra tal-Patt Ekoloġiku, u komplementari għalihom, inklużi l-objettivi tal-Liġi dwar il-Klima, il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid għal Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, u l-Pjan Ewropew biex Jingħeleb il-Kanċer, kif ukoll il-kuntest il-ġdid għall-ekonomija Ewropea wara l-COVID-19;
7. Jenfasizza li l-Istrateġija l-ġdida għandha tiddeskrivi s-setturi u l-modi li bihom l-industrija tas-sustanzi kimiċi tista' tikkontribwixxi għal dawn l-objettivi, bħal fil-każ tal-enerġija nadifa, il-materja prima, it-trasport sostenibbli, id-diġitalizzazzjoni u t-tnaqqis fil-konsum;
8 Huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tippreżenta strateġija komprensiva fejn is-sostenibbiltà tkun il-pilastru fundamentali, u li għandha tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-politiki rilevanti kollha, inklużi dawk relatati mas-sustanzi kimiċi, il-kummerċ, it-taxxa, l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni, u tiżgura l-infurzar tagħhom sabiex tattira l-investiment fl-Ewropa u toħloq swieq għal prodotti ċirkolari u b'livell baxx ta' karbonju;
9. Jenfasizza li l-industrija tas-sustanzi kimiċi hija ta' importanza sinifikanti għall-ekonomija Ewropea, u li l-modernizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija huma fundamentali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku; jirrikonoxxi li l-industrija tas-sustanzi kimiċi hija kapaċi tipprovdi diversi soluzzjonijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata l-industrija tas-sustanzi kimiċi sabiex jitwettqu l-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-2050; jenfasizza li l-promozzjoni tal-innovazzjoni sikura u sostenibbli hija element fundamentali fit-tranżizzjoni minn industrija lineari għal waħda ċirkolari u sostenibbli, li tagħti lil dan is-settur vantaġġ kompetittiv kbir;
10. Iqis li l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tikseb koerenza u sinerġiji bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi (eż. REACH, CLP, POPs, merkurju, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, bijoċidi, Livelli Massimi ta' Residwi (MRLs), leġiżlazzjoni dwar is-Saħħa u Sikurezza Operazzjonali (OSH)) u l-leġiżlazzjoni relatata tal-Unjoni, inklużi l-leġiżlazzjoni dwar prodotti speċifiċi (eż. ġugarelli, kożmetiċi, materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, prodotti tal-kostruzzjoni, prodotti farmaċewtiċi, imballaġġ, id-Direttiva 2019/904 dwar prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss), il-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-prodotti (eż. ekodisinn, ekotikketta, politika futura dwar il-prodotti sostenibbli), il-leġiżlazzjoni dwar il-kompartimenti ambjentali (eż. l-ilma, il-ħamrija u l-arja), u l-leġiżlazzjoni dwar is-sorsi ta' tniġġis, inklużi l-installazzjonijiet industrijali (eż. IED, id-Direttiva Seveso III), kif ukoll il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart (eż. id-Direttiva dwar ir-Restrizzjoni ta' Sustanzi Perikolużi (RoHS), id-Direttiva dwar il-Vetturi li Ma Għadhomx Jintużaw (ELV));
11. Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jitnaqqas it-trikkib bejn l-oqfsa legali, u bejn il-kompiti allokati lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA);
12. Jenfasizza li l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tkun allinjata mal-ġerarkija tal-azzjonijiet fil-ġestjoni tar-riskji, li tagħti prijorità lill-prevenzjoni tal-esponiment, l-eliminazzjoni gradwali ta' sustanzi perikolużi u s-sostituzzjoni b'alternattivi aktar sikuri, meta jkun fattibbli, minflok miżuri ta' kontroll;
13. Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas u jiġi evitat l-esponiment għal sustanzi kimiċi bħall-interferenti endokrinali (EDCs), li ntwera li jikkontribwixxu għal żidiet sinifikanti f'mard kroniku u li wħud minnhom jistgħu jfixklu s-sistema immunitarja u r-risponsi infjammatorji tagħha, fil-kuntest ta' miżuri biex tittejjeb is-saħħa pubblika u tissaħħaħ ir-reżistenza għall-viruses bħas-SARS-CoV-2[39];
14. Jenfasizza li l-Istrateġija għandha tirrifletti bis-sħiħ il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara ambjentali għandha, bħala prijorità, tiġi rettifikata fis-sors u li min iniġġes għandu jħallas, kif ukoll il-prinċipji kruċjali tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-Sustanzi Kimiċi bħat-tqegħid tal-oneru tal-prova fuq il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti downstream, u li għandha tapplika dawn il-prinċipji b'mod effettiv;
15. Iqis li l-mekkaniżmi ta' Responsabbiltà Estiża tal-Produttur jirrappreżentaw għodda tajba biex jiġi implimentat il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas filwaqt li jistimolaw l-innovazzjoni;
16. Jenfasizza l-ħtieġa ta' objettivi ambizzjużi biex jiżdied l-għadd ta' sustanzi kimiċi eżaminati kull sena, speċjalment fir-rigward tal-proprjetajiet EDC tagħhom;
17. Jenfasizza l-fatt li din l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha timxi id f'id mal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030;
18. Jenfasizza li l-Istrateġija l-ġdida għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika robusta u aġġornata, filwaqt li tqis ir-riskju li joriġina mill-interferenti endokrinali, is-sustanzi kimiċi perikolużi fil-prodotti importati, u l-effetti kkombinati ta' sustanzi kimiċi differenti u sustanzi kimiċi persistenti ħafna, u li azzjoni regolatorja sussegwenti, għajr fuq kwistjonijiet xjentifiċi (eż. identifikazzjoni tal-perikli u klassifikazzjoni tal-perikli)[40], għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjonijiet tal-impatt u għandha tqis il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati rilevanti sabiex tiżdied iċ-ċarezza dwar il-prijoritajiet;
19. Jenfasizza li politika dwar sustanzi kimiċi sostenibbli tirrikjedi azzjoni simultanja fuq diversi aspetti: id-definizzjoni ta' kriterji għal sustanzi kimiċi sostenibbli biex jiġu xprunati investimenti li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, it-titjib tat-traċċar ta' sustanzi kimiċi perikolużi fil-prodotti u l-promozzjoni tas-sostituzzjoni tagħhom b'alternattivi aktar sikuri, u l-bini ta' alleanzi ma' setturi ewlenin biex issir ħidma fuq inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari (eż. l-industrija tal-kostruzzjoni, tat-tessuti, elettronika u awtomobilistika);
20. Jafferma mill-ġdid li l-lakuni u d-dgħufijiet regolatorji kollha fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għandhom jiġu eliminati, li l-leġiżlazzjoni għandha tiġi implimentata bis-sħiħ u li l-Istrateġija l-ġdida għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tikkontribwixxi b'mod effettiv għas-sostituzzjoni rapida ta' sustanzi ta' tħassib kbir ħafna u ta' sustanzi kimiċi perikolużi oħra, inklużi l-interferenti endokrinali, is-sustanzi kimiċi persistenti ħafna, is-sustanzi newrotossiċi, is-sustanzi immunotossiċi u l-pollutanti organiċi persistenti, u tindirizza wkoll l-effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi, in-nanoforom ta' sustanzi u l-esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi mill-prodotti; jemmen li l-istrateġija għandha tikkontribwixxi wkoll għall-effikaċja tal-miżuri ta' kontroll; itenni li kwalunkwe projbizzjoni tas-sustanzi kimiċi msemmija għandha tqis l-aspetti kollha tas-sostenibbiltà;
21. Itenni t-tħassib tiegħu li l-leġiżlazzjoni li tipprevjeni l-preżenza ta' sustanzi kimiċi fil-prodotti, inklużi l-importazzjonijiet, hija mifruxa, mhijiex sistematika u lanqas konsistenti u tapplika biss għal numru żgħir ħafna ta' sustanzi, prodotti u użi, spiss b'ħafna eżenzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala parti mill-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi, tippreżenta pjan ta' azzjoni biex jiġu eliminati l-lakuni fil-qafas legali attwali, filwaqt li tagħti prijorità lill-prodotti li l-konsumaturi jiġu f'kuntatt magħhom mill-qrib u ta' spiss, bħat-tessuti, l-għamara, il-prodotti tat-tfal u l-prodotti assorbenti tal-iġjene;
22. Ifakkar li sal-2020, l-SVHCs rilevanti kollha, inklużi s-sustanzi bi proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali ta' tħassib ekwivalenti, iridu jitqiegħdu fuq il-lista ta' kandidati tar-REACH; jenfasizza li wara l-2020 se jkunu meħtieġa sforzi biex jiġu identifikati aktar SVHCs possibbli u biex tibqa' tiġi żgurata l-konformità sħiħa tad-dossiers ta' reġistrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi rapidament bl-eliminazzjoni gradwali tal-SVHCs;
23. Iqis li l-Istrateġija l-ġdida dwar is-Sustanzi Kimiċi għandha tiżgura li ebda sustanza kimika li jkollha effetti potenzjalment negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent ma titqiegħed fis-suq qabel ma l-perikli u r-riskji relatati ma' tali sustanza jkunu ġew ivvalutati bir-reqqa;
24. Jissottolinja l-ħtieġa ta' impenn ċar biex jiġi żgurat finanzjament fuq perjodu medju u twil għal riċerka mtejba u indipendenti dwar kimika ekoloġika, ibbażata fuq is-sikurezza sa mid-disinn biex jiġu żviluppati alternattivi sikuri u sostenibbli, inklużi alternattivi mhux kimiċi, u biex jiġu promossi s-sostituzzjoni ta' sustanzi kimiċi ta' ħsara, meta jkun fattibbli, u produzzjoni sostenibbli, filwaqt li jiġu żgurati prekundizzjonijiet adegwati għal innovazzjoni u żvilupp sikuri u sostenibbli ta' sustanzi kimiċi ġodda u aktar sikuri;
25. Jenfasizza li l-industrija tas-sustanzi kimiċi għandha tipparteċipa b'mod wiesa' f'tali finanzjament;
26. Jenfasizza l-ħtieġa ta' impenn ċar biex jiġu żgurati fondi għall-bijomonitoraġġ uman u l-monitoraġġ ambjentali tal-impatti u l-esponiment għas-sustanzi kimiċi sabiex jittejbu l-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji kimiċi, kif ukoll għal kondiviżjoni u użu mtejba tad-data ta' monitoraġġ lokali, reġjonali, nazzjonali u fil-livell tal-UE bejn il-pajjiżi, is-setturi u l-istituzzjonijiet f'oqsma ta' politika rilevanti (eż. l-ilma, is-sustanzi kimiċi, l-arja, il-bijomonitoraġġ, is-saħħa); jenfasizza li l-istudji tal-bijomonitoraġġ uman għandhom jitwettqu b'rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data;
27. Iqis li r-riċerka xjentifika għandha tqis ukoll l-epiġenetika meta twettaq testijiet minħabba suspetti ta' tossiċità; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja dan l-għan u żżid il-koordinazzjoni u l-azzjoni Ewropej fil-qasam tal-bijomonitoraġġ; jenfasizza l-ħtieġa ta' riċerka dwar kwistjonijiet li ma ngħatawx attenzjoni biżżejjed bħall-kanċers relatati mas-sistema endokrinali u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tad-disturbi endokrinali;
28. Jenfasizza l-importanza ta' finanzjament sostenibbli għar-riċerka u l-innovazzjoni biex jittejjeb il-fehim xjentifiku tal-impatti ta' sustanzi kimiċi perikolużi fuq l-ambjent, is-saħħa, il-bijodiversità u r-reżiljenza tal-ekosistemi, kif ukoll biex tiġi promossa r-riċerka dwar it-titjib ta' metodi għall-identifikazzjoni ta' perikli relatati mas-sustanzi kimiċi;
29. Itenni l-ħtieġa li l-ittestjar fuq l-annimali jiġi minimizzat u sostitwit b'mod progressiv permezz ta' użu estiż ta' metodoloġiji ġodda ta' approċċ u strateġiji ta' ttestjar intelliġenti, inklużi metodi in vitro u in silico; jappella għal aktar sforzi u fondi għal dan il-fini bil-għan li jiġu stabbiliti valutazzjonijiet tas-sikurezza rapidi, affidabbli u robusti mhux ibbażati fuq l-annimali fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha, flimkien ma' dik dwar il-kożmetiċi; jiddispjaċih għall-fatt li għad hemm ostakli għall-utilità u l-aċċettazzjoni ta' metodi ta' ttestjar alternattivi (mhux fuq l-annimali) għal skopijiet regolatorji, parzjalment marbuta ma' fatturi bħal lakuni fil-linji gwida disponibbli dwar l-ittestjar[41] u finanzjament insuffiċjenti għar-riċerka u l-iżvilupp ta' metodi li ma jinvolvux l-annimali; jitlob li tittieħed azzjoni sabiex jinstab rimedju għal din is-sitwazzjoni;
30. Iqis li l-aħjar xjenza disponibbli għandha tintuża bħala punt ta' riferiment għall-validazzjoni ta' metodi ta' approċċ ġodda, minflok mudelli obsoleti bbażati fuq l-annimali;
31 Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-validazzjoni u l-introduzzjoni ta' metodi ta' ttestjar mhux fuq l-annimali jiġu aċċellerati b'mod konsiderevoli;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali u tal-intelliġenza artifiċjali sabiex jiġi aċċellerat l-iżvilupp ta' għodod ta' tossikoloġija predittiva biex tiġi appoġġjata l-innovazzjoni;
33. Jenfasizza l-fatt li l-projbizzjonijiet fuq l-ittestjar fuq l-annimali stabbiliti mir-Regolament dwar il-Kożmetiċi ma jridux jiġu kompromessi mill-ittestjar imwettaq skont leġiżlazzjoni oħra bħal REACH;
34. Iqis li l-Istrateġija għandha testendi l-użu tal-valutazzjoni ġenerika tar-riskju għal-leġiżlazzjoni kollha;
35. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kull azzjoni meħtieġa biex tiżgura li l-effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi jiġu indirizzati bis-sħiħ u b'mod konsistenti fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha, inkluż billi jitnaqqas l-esponiment u, meta jkun neċessarju, billi ssir reviżjoni tar-rekwiżiti tad-data u billi jiġu żviluppati metodi ġodda ta' ttestjar, preferibbilment bi qbil ma' metodoloġiji maqbula mill-aġenżiji tal-UE;
36. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, f'kooperazzjoni mal-ECHA, l-EFSA, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, metodoloġija biex jitqiesu l-effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi, inkluż l-esponiment ikkombinat għal sustanzi kimiċi multipli kif ukoll esponiment minn sorsi differenti, bħal pereżempju fattur ta' valutazzjoni tat-taħlita, u tadatta r-rekwiżiti legali biex dawn l-effetti jiġu indirizzati fil-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha dwar is-sustanzi kimiċi u l-emissjonijiet;
37. Jilqa' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "sustanza waħda – valutazzjoni ta' periklu waħda" sabiex ir-riżorsi tal-aġenziji u l-korpi xjentifiċi tal-Unjoni jintużaw aħjar, tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, inkluż l-ittestjar, jitnaqqas ir-riskju ta' eżiti diverġenti tal-valutazzjonijiet, titħaffef ir-regolamentazzjoni tas-sustanzi kimiċi u jiddaħħlu l-konsistenza u t-trasparenza fiha, u jiġu żgurati protezzjoni aħjar tas-saħħa u tal-ambjent u kundizzjonijiet ekwi għall-industrija, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-SMEs;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi database tal-UE dwar is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi li tkun kompletament konnessa u interoperabbli sabiex tiffaċilita l-kondiviżjoni bla intoppi tad-data bejn l-awtoritajiet u tipprovdi aċċess pubbliku għar-riċerkaturi, ir-regolaturi, l-industrija u ċ-ċittadini inġenerali;
39. Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji Ewropej ta' evalwazzjoni EFSA u ECHA flimkien mal-aġenziji nazzjonali, billi jiġu żviluppati linji gwida komuni għall-valutazzjoni tar-riskju, jiġifieri għall-prodotti bijoċidali u fitofarmaċewtiċi, li jqisu l-aktar riżultati xjentifiċi reċenti, sabiex jiġu evitati l-inkonsistenzi;
40. Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ aktar integrat għall-valutazzjoni ta' sustanzi kimiċi b'perikli, riskji u funzjonijiet simili bħala grupp wieħed; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tuża approċċ ta' raggruppament ibbażat fuq ix-xjenza b'mod aktar wiesa', kemm fl-evalwazzjoni kif ukoll fl-azzjoni regolatorja sussegwenti, sabiex jiġu evitati sostituzzjonijiet deplorevoli u jitnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali; jenfasizza li l-approċċ ta' "sustanza waħda – valutazzjoni ta' periklu waħda" la għandu jikkontradixxi u lanqas jimpedixxi l-iżvilupp ta' approċċ ta' raggruppament biex familji ta' sustanzi kimiċi jiġu vvalutati fl-intier tagħhom;
41. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi , bl-appoġġ tal-ECHA, forum għall-analiżi tal-benefiċċji, l-iżvantaġġi u l-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta' skema ġdida għall-ittestjar tas-sustanzi kimiċi, fejn l-istudji tas-sikurezza jitwettqu minn laboratorji/istituzzjonijiet iċċertifikati, assenjati fil-qafas tal-proċess regolatorju, bl-ispejjeż jiġu koperti mill-applikanti sabiex jiġi rrispettat l-oneru tal-prova li jitqiegħed fuq il-kumpaniji;
42. Iqis li huma meħtieġa miżuri regolatorji għall-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli bħat-tfal, in-nisa tqal u dawk li qed ireddgħu jew l-anzjani; jistieden lill-Kummissjoni tadotta definizzjoni trażversali ta' gruppi vulnerabbli, u tipproponi li, jekk ikun xieraq, l-approċċi eżistenti ta' valutazzjoni xjentifika tar-riskji jiġu adattati kif meħtieġ, u tallinja mal-ogħla standards il-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli fil-leġiżlazzjoni kollha dwar is-sustanzi kimiċi;
43. Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika attenzjoni partikolari għas-sustanzi kimiċi li jakkumulaw u li jippersistu fil-ġisem, dawk li jiġu trażmessi lit-tfal permezz tat-tqala jew il-ħalib tas-sider, u dawk li jista' jkollhom effetti fost il-ġenerazzjoni;
44. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat mekkaniżmu effikaċi għall-koordinazzjoni tal-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli billi, pereżempju, jiġu introdotti rekwiżiti konsistenti ta' ġestjoni tar-riskji f'biċċiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi ta' tħassib, inklużi n-newrotossini u l-interferenti endokrinali;
45. Iqis li l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tikkontribwixxi għal livell għoli ta' protezzjoni tal-ħaddiema minn sustanzi kimiċi ta' ħsara;
46. Jistieden lill-Kummissjoni tifformula proposta leġiżlattiva biex is-sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2004/37/KE dwar il-karċinoġeni u l-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, sabiex din tiġi allinjata mal-mod kif jiġu ttrattati s-sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni (CMRs) f'leġiżlazzjoni oħra tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi (eż. REACH u l-leġiżlazzjoni dwar il-prodott bijoċidali, il-pestiċidi u l-kosmetiċi);
47. Jenfasizza l-importanza li jiġi meħtieġ li l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni skont REACH ikunu wkoll preċiżi biżżejjed fir-rigward tal-esponiment għas-sustanza kkonċernata sabiex ir-riskji jkunu jistgħu jiġu vvalutati kif xieraq u sabiex jittieħdu miżuri tal-ġestjoni tar-riskji adegwati, b'mod partikolari għall-ħaddiema;
48. Jenfasizza l-importanza li jkun hemm informazzjoni komprensiva dwar ir-riskju kimiku u s-sigurtà kimika disponibbli għall-impjegaturi peress li huma jeħtieġ li jipproteġu u jinfurmaw lill-ħaddiema tagħhom permezz ta' tagħmir protettiv, taħriġ u istruzzjonijiet dwar is-sigurtà korretti u jimplimentaw sistema ta' sorveljanza tajba; jitlob li fil-livell nazzjonali jkun hemm spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi u sanzjonijiet għall-ksur tar-rekwiti tas-sikurezza; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' kumitati tal-prevenzjoni;
49. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni ċara u li tinftiehem dwar is-sustanzi kimiċi liċ-ċittadini, lill-ħaddiema u lin-negozji bil-lingwi kollha tal-UE kif ukoll il-ħtieġa li jiżdiedu t-trasparenza u t-traċċabbiltà fil-katina tal-provvista kollha;
50. Jitlob li l-Istrateġija ttejjeb b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni ta' REACH, fir-rigward tar-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni, u tipprovdi ċarezza fuq l-interfaċċa tagħha mal-oqfsa tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u tal-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ ta' sustanzi u taħlitiet kimiċi; itenni l-prinċipju ta' "ebda data, ebda suq"; jinsisti li r-reġistrazzjonijiet kollha tas-sustanzi għandhom ikunu konformi mill-aktar fis possibbli; jitlob l-aġġornament obbligatorju tad-dossiers ta' reġistrazzjoni, abbażi tal-aħħar xjenza disponibbli, sabiex ir-reġistrazzjonijiet jibqgħu konformi; jitlob trasparenza fir-rigward tal-konformità mal-obbligi ta' reġistrazzjoni, u li l-ECHA tingħata s-setgħa espliċita li tirtira n-numri ta' reġistrazzjoni f'każ ta' nonkonformità kontinwa ma' kwalunkwe rekwiżit; jenfasizza l-importanza ta' programmi bejn l-ECHA u l-industrija fuq bażi volontarja sabiex jittejbu d-dossiers ta' reġistrazzjoni lil hinn mill-konformità; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi qafas li jħeġġeġ tali programmi;
51. Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-ECHA jaħdmu flimkien biex, sa tmiem din is-sena, jinkludu s-sustanzi ta' tħassib serju ħafna magħrufa attwalment rilevanti kollha fil-lista tal-kandidati, kif impenjaw ruħhom li jagħmlu l-eks Viċi President tal-Kummissjoni Tajani u l-eks Kummissarju Potočnik fl-2010 u kif imtenni fi pjan direzzjonali tal-Kummissjoni mill-2013[42];
52. Jitlob lill-Kummissjoni tapplika r-Regolament REACH kif suppost, b'konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Marzu 2019 fil-Kawża T-837/16 (l-Iżvezja v. il-Kummissjoni dwar il-kromat taċ-ċomb);
53. Jitlob lill-Kummissjoni tirrispetta l-iskadenzi stabbiliti f'REACH, b'mod partikolari fir-rigward tad-deċiżjonijiet relatati ma' awtorizzazzjoni jew restrizzjoni;
54. Jenfasizza l-importanza li jiġi meħtieġ li l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni jkunu preċiżi biżżejjed fir-rigward tal-użi tas-sustanza kkonċernata sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-eżistenza jew in-nuqqas ta' alternattivi xierqa;
55. Jitlob li l-proċedura ta' restrizzjoni tittejjeb permezz tar-raggruppament tas-sustanzi u billi jiġu identifikati u ddikjarati b'mod ċar l-inċertezzi xjentifiċi tal-valutazzjoni tar-riskji u ż-żmien meħtieġ biex tiġi ġġenerata l-informazzjoni nieqsa, u billi jitqiesu l-ispejjeż ta' nuqqas ta' azzjoni; jitlob li l-livell ta' evidenza meħtieġ biex jingħataw derogi mir-restrizzjoni proposta jiżdied;
56. Jitlob lill-ECHA tippubblika l-istudji tossikoloġiċi u ekotossikoloġiċi li jiġu sottomessi mir-reġistranti u mill-applikanti;
57. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi li l-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedura rapida skont l-Artikolu 68(2) ta' REACH relatata mal-użu tal-konsumatur jiġi estiż għas-sustanzi kollha ta' tħassib serju ħafna;
58. Iqis li hemm bżonn li l-valutazzjoni tar-riskji, inkluża l-evalwazzjoni, u l-ġestjoni tar-risjki tas-sustanzi jitjiebu u jitħaffu b'mod ġenerali, u b'mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' sustanzi karċinoġeniċi u mutaġeniċi fid-dawl tal-impenn tal-Kummissjoni favur il-ġlieda kontra l-kanċer;
59. Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-modalitajiet u l-parametri tat-testijiet li jkopru l-interferenti endokrinali; jinnota li filwaqt li jitwettqu testijiet importanti (eż. fil-qasam tar-riproduzzjoni u l-effetti fuq is-sistema tal-ormon tat-tirojde), ħafna minn dawn it-testijiet għandhom sensittività baxxa u xi kultant varjabbiltà għolja, u dan jagħmel l-impatt tagħhom pjuttost limitat;
60. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu lura milli jawtorizzaw sustanzi u milli japprovaw prodotti b'settijiet ta' data mhux kompleti dwar il-perikli għas-saħħa u għall-ambjent, jew jekk l-applikant ma jkunx jista' juri li ma jeżistux alternattivi xierqa, meta dan ikun prerekwiżit għall-awtorizzazzjoni[43];
61. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-letteratura xjentifika indipendenti rieżaminata bejn il-pari titqies bis-sħiħ u tingħata l-istess importanza bħall-istudji regolatorji ta' prattika tajba tal-laboratorju (GLP) fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji tas-sustanzi kimiċi kollha; jenfasizza li dan huwa mod effikaċi biex isir kontribut għat-tnaqqis tal-ittestjar bla bżonn fuq l-annimali;
62. Jitlob kjarifika tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni tas-sustanzi kimiċi għal użi intermedji skont REACH, li jiġu applikati biss meta s-sustanza intermedja tinbidel f'sustanza rreġistrata oħra, u li jiġi żgurat kontroll sistematiku ta' konformità sħiħa ma' REACH;
63. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lok għal kontroll regolatorju rapidu, effiċjenti u trasparenti tas-sustanzi kimiċi ta' ħsara, u tiżviluppa u timplimenta sistema ta' twissija bikrija biex jiġu identifikati riskji ġodda u emerġenti sabiex jiġi żgurat segwitu regolatorju rapidu upstream u jitnaqqas malajr l-esponiment ġenerali;
64. Iqis li wieħed mill-modi kif jinkiseb livell ogħla ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent huwa li tiżdied it-trasparenza fir-rigward tal-proċeduri u l-proprjetajiet tas-sustanzi kimiċi; jenfasizza li għandu jsir titjib b'rabta mat-trasparenza fir-rigward tal-konformità tar-reġistranti, il-volum ta' produzzjoni tas-sustanzi kimiċi, ir-rapporti sħaħ ta' studju li jiġġustifikaw l-affidabbiltà tas-sommarju robust tal-istudju (RSS), u l-immappjar tal-produzzjoni u l-użu tas-sustanzi ta' tħassib serju ħafna;
65. Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar il-materjal li jiġi f'kuntatt mal-ikel għandha tiġi riveduta bi qbil mar-Regolament dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ ta' sustanzi u taħlitiet kimiċi u r-Regolament REACH sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti u protettiv għas-sikurezza tal-materjali u tal-prodotti li jiġu f'kuntatt mal-ikel;
66. Jinsisti b'mod partikolari fuq il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni komprensiva u armonizzata tal-materjali kollha li jiġu f'kuntatt mal-ikel abbażi tal-prinċipju ta' prekawzjoni, il-prinċipju ta' "ebda data, ebda suq", valutazzjonijiet komprensivi tas-sikurezza li jindirizzaw il-parametri rilevanti kollha tas-saħħa u s-sikurezza u li jkunu bbażati fuq l-aħħar data xjentifika għas-sustanzi kimiċi kollha użati fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, infurzar effikaċi u informazzjoni mtejba għall-konsumaturi;
67. Jitlob l-eliminazzjoni gradwali tas-sustanzi ta' tħassib serju ħafna fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel;
68. Jissuġġerixxi t-tfassil rapidu ta' inventarju għall-ġbir tal-aħjar prattiki tar-regolamentazzjoni dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel fil-livell ta' Stat Membru, inklużi miżuri fil-livell nazzjonali biex jiġi indirizzat l-esponiment għall-interferenti endokrinali u l-fluworokarburi;
69. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura rabta xierqa bejn ir-reviżjoni tar-regolamentazzjoni dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u l-Pjan biex Jingħeleb il-Kanċer;
70. Huwa mħasseb dwar il-bosta inkonsistenzi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rigrwad sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBTs) u sustanzi persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna (vPvBs) identifikati fil-Kontroll tal-Idoneità; jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' azzjoni ċar u, jekk ikun neċessarju, proposti leġiżlattivi dwar kif għandhom jiġu indirizzati s-sustanzi persistenti u mobbli, il-vPvBs u l-PBTs kollha, abbażi ta' valutazzjonijiet tal-impatt u għarfien xjentifiku, u fi ħdan l-oqfsa stabbiliti, b'kont meħud tal-leġiżlazzjoni u l-media ambjentali rilevanti kollha;
71. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi skadenzi stretti fil-pjan ta' azzjoni dwar is-sustanzi perfluworoalkilati (PFAS) sabiex tiġi żgurata t-tneħħija gradwali u rapida tal-użi mhux essenzjali kollha tal-PFAS, u taċċelera l-iżvilupp ta' alternattivi sikuri u mhux persistenti għall-użi kollha tal-PFAS bħala parti mill-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi;
72. Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-kunċett u l-kriterji ta' "użu essenzjali" ta' sustanzi kimiċi perikolużi, filwaqt li tieħu bħala bażi d-definizzjoni ta' użu essenzjali pprovduta fil-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu, sabiex jiġi pprovdut approċċ armonizzat għal miżuri regolatorji dwar użi mhux essenzjali;
73. Iqis barra minn hekk li s-sustanzi li huma newrotossiċi jew immunotossiċi għandhom jitqiesu bħala ta' tħassib ekwivalenti għas-sustanzi ta' tħassib serju ħafna skont REACH;
74. Jafferma mill-ġdid it-talbiet tiegħu tat-18 ta' April 2019 għal qafas komprensiv tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali (EDCs) u, b'mod partikolari, l-adozzjoni ta' definizzjoni orizzontali bbażata fuq id-definizzjoni tad-WHO għal EDCs suspettati, kif ukoll għal EDCs magħrufa u preżunti b'konformità mal-klassifikazzjoni tas-CMRs fir-Regolament dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ ta' sustanzi u taħlitiet kimiċi, għal rieżami tar-rekwiżiti tad-data kif xieraq, għal minimizzazzjoni effikaċi tal-esponiment ġenerali tal-bnedmin u tal-ambjent għall-EDCs, għat-tfassil ta' proposti leġiżlattivi biex jiddaħħlu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-EDCs fil-leġiżlazzjoni dwar il-ġugarelli, il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel u l-kożmetiċi biex l-EDCs jiġu ttrattati bħas-CMRs, u biex il-leġiżlazzjoni kollha dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel tiġi riveduta biex l-EDCs jiġu sostitwiti;
75. Jafferma mill-ġdid it-talba tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013[44] għall-iżvilupp ta' metodi ta' ttestjar u dokumenti ta' gwida sabiex jitqiesu aħjar l-interferenti endokrinali, l-effetti possibbli ta' doża baxxa, l-effetti kkombinati u u r-relazzjonijiet mhux monotoniċi bejn id-doża u r-rispons, b'mod partikolari fir-rigward ta' fażijiet kritiċi ta' esponiment matul l-iżvilupp; jenfasizza li l-EDCs għandhom jitqiesu bħala sustanzi mingħajr valur ta' limitu sakemm applikant ma jkunx jista' juri b'mod xjentifiku valur ta' limitu sikur;
76. Jitlob lill-Kummissjoni timplimenta b'mod rapidu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-aktar leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-sustanzi kimiċi (bl-esklużjoni ta' REACH) u tintroduċi klassijiet ġodda ta' periklu fir-Regolament dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ ta' sustanzi u taħlitiet kimiċi u b'mod parallel fis-Sistema Globalment Armonizzata (eż. għal EDCs, tossiċità terrestri, immunotossicità, PBTs u vPvBs);
77. Iqis li sustanzi li huma persistenti, mobbli u tossiċi (PMT) jew persistenti ħafna u mobbli ħafna (vPvM) għandhom jiżdiedu mal-lista ta' REACH ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna;
78. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-identifikazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-sustanzi kimiċi ta' tħassib, bħas-CMRs u l-EDCs, inkluż fil-Pjan Ewropew tagħha biex Jingħeleb il-Kanċer, speċjalment għall-protezzjoni tal-ħaddiema, peress li skont l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), il-kanċer jikkawża 52 % tal-imwiet kollha relatati max-xogħol fl-UE[45];
79. Jenfasizza li l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi għandha tintroduċi r-reġistrazzjoni tal-polimeri, testendi r-rekwiżiti ta' informazzjoni standard għas-sustanzi bejn tunnellata u għaxar tunnellati għas-sustanzi kollha ta' dan it-tip, issaħħaħ ir-rekwiżiti ta' informazzjoni dwar il-proprjetajiet tossikoloġiċi u dwar l-użi u l-esponiment, inter alia billi jintalab rapport dwar is-sikurezza kimika għal sustanzi bejn tunnellata u għaxar tunnellati, u ttejjeb il-valutazzjoni ta' sustanzi kumplessi (eż. sustanzi ta' kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli (UVCBs)), b'mod partikolari billi tappoġġja lill-ECHA fl-iżvilupp ulterjuri tas-soluzzjonijiet diġà implimentati, bħal pereżempju l-Profili tal-Identità ta' Sustanza; jitlob l-iżvilupp ta' metodi speċifiċi għall-valutazzjoni ta' dan it-tip ta' sustanza li jippermettu approċċ xjentifiku sod u jkunu applikabbli fil-prattika;
80. Ifakkar fl-impenn tal-Unjoni li tiżgura s-sikurezza ta' nanomaterjali u materjali manifatturati bi proprjetajiet simili skont is-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u jafferma mill-ġdid it-talbiet tiegħu tal-24 ta' April 2009 għal reviżjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha sabiex tiġi żgurata s-sikurezza għall-applikazzjonijiet kollha ta' nanomaterjali fi prodotti b'impatti potenzjali fuq is-saħħa, l-ambjent jew is-sikurezza tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u għall-iżvilupp ta' testijiet adegwati biex jiġu vvalutati l-perikli ta' nanomaterjali u l-esponiment għalihom tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom;
81. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-kundizzjonijiet u l-kriterji li skonthom l-użu ta' plastiks bijodegradabbli jew kompostabbli ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem, filwaqt li jitqiesu l-kompartimenti ambjentali kollha li fihom jistgħu jiġu rilaxxati dawn il-plastiks u filwat li jiġi applikat il-prinċipju ta' prekawzjoni;
82. Jitlob lill-Kummissjoni tiffinalizza r-rieżami tar-rakkomandazzjoni dwar id-definizzjoni ta' nanomaterjali, tirrevedi dik ir-rakkomandazzjoni kif meħtieġ u tiżgura li n-nanomaterjali jiġu identifikati u indirizzati b'mod konsistenti fil-leġiżlazzjoni kollha permezz ta' definizzjoni legalment vinkolanti;
83. Jesiġi li l-Kummisjoni titlob regolarment lill-ECHA tevalwa l-prestazzjoni u l-impatt tal-Osservatorju tal-UE għan-Nanomaterjali;
84. Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jitlob lill-Kummissjoni tagħti widen għat-talbiet varji tal-Parlament tas-16 ta' Jannar 2019 għat-titjib tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-pestiċidi; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef it-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn pestiċidi b'riskju baxx kif definit skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tnaqqas id-dipendenza fuq il-pestiċidi billi tippromwovi u tappoġġja l-implimentazzjoni ta' prattiki ta' ġestjoni integrata tal-pesti (IPM), tilħaq l-objettivi tad-direttiva dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u taqleb l-objettivi ta' din tal-aħħar fil-leġiżlazzjoni rilevanti, ittejjeb l-istatistika dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tiżviluppa indikaturi tar-riskju aħjar, tnaqqas l-użu tal-fertilizzanti biex jiġi evitat it-telf tal-ħamrija, u tappoġġja lill-bdiewa biex jilħqu dawn l-objettivi;
85. Iqis li biex jiġu żgurati l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u kundizzjonijiet ekwi għall-bdiewa Ewropej, is-sustanzi attivi pprojbiti ma għandhomx jidħlu fis-suq tal-UE permezz ta' prodotti importati;
86. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tħaffef l-iżvilupp ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx u tistabbilixxi l-2030 bħala mira għall-eliminazzjoni gradwali tal-pestiċidi b'riskju għoli;
87. Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri speċifiċi biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti kemm l-użu ta' pestiċidi kimiċi kif ukoll ir-riskji li jirriżultaw minnhom;
88. Jissottolinja d-dewmien inkwetanti fit-twettiq tal-programm ta' rieżami u l-ħtieġa li tiġi żgurata (ri)valutazzjoni tas-sikurezza komprensiva u aktar rapida ta' sustanzi attivi bijoċidali, koformulanti u prodotti sħaħ – inkluż għal proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali – biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini u tal-ambjent;
89. Jissottolinja l-importanza li ssir tranżizzjoni lejn ekonomija verament ċirkolari u newtrali għall-klima u li jiġu żviluppati ċikli ta' materjali mhux tossiċi; iqis li oġġetti magħmula minn materjali verġni u dawk magħmula minn materjali riċiklati għandhom jissodisfaw l-istess standards kimiċi; jafferma mill-ġdid li, skont il-ġerarkija tal-iskart, kif definita fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart[46], il-prevenzjoni tieħu prijorità fuq ir-riċiklaġġ u li, għaldaqstant, ir-riċiklaġġ m'għandux jiġġustifika t-tkomplija tal-użu ta' sustanzi tradizzjonalment perikolużi;
90. Itenni li l-kwistjoni tal-prodotti li jkun fihom sustanzi ta' legat ta' tħassib għandha tiġi ttrattata permezz ta' sistema effiċjenti ta' traċċar u rimi;
91. Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-alternattivi biex tiġi indirizzata l-interfaċċja bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart, u b'mod partikolri li s-sustanzi ta' tħassib huma dawk li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta' REACH bħala sustanzi ta' tħassib serju ħafna, is-sustanzi pprojbiti skont il-Konvenzjoni ta' Stokkolma (POPs), is-sustanzi speċifiċi ristretti f'oġġetti elenkati fl-Anness XVII għal REACH u s-sustanzi speċifiċi regolati skont il-leġiżlazzjoni speċifika settorjali u/jew dwar il-prodotti;
92. Iqis li l-iżvelar tal-informazzjoni mhux kunfidenzjali kollha dwar is-sustanzi kimiċi perikolużi f'oġġetti tul il-katina tal-provvista lill-konsumaturi u lill-maniġers tal-iskart huwa prerekwiżit biex jinkisbu ċikli ta' materjali mhux tossiċi;
93. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi komprensivi dwar l-impatti tas-sustanzi kimiċi fuq is-saħħa u l-ambjent, li fost affarijiet oħra jgħinu biex tiġi vvalutata l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi;
94. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kemm jista' jkun malajr tiġi stabbilita sistema ta' informazzjoni pubblika tal-UE faċli għall-utent, trasparenti, obbligatorja u armonizzata dwar is-sustanzi perikolużi li jinsabu fil-materjali, fl-oġġetti u fl-iskart, u ssir disponibbli malajr fil-lingwi kollha tal-Unjoni;
95. Jirrimarka li l-Istrateġija għandha tgħin lill-industrija tikseb newtralità klimatika u l-objettiv ta' tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, kif ukoll tappoġġja l-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li ttejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni u l-produzzjoni sikuri u sostenibbli tal-industrija tal-UE, b'konformità mal-Patt Ekoloġiku u l-Istrateġija Industrijali Ġdida; jenfasizza li l-istrateġija għandha tevita piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa;
96. Jinnota li l-Istrateġija għandha tgħin lill-industrija tas-sustanzi kimiċi tikseb newtralità klimatika u l-objettivi ta' tniġġis żero, permezz tal-iżvilupp ta' ktajjen tal-valur integrati ġodda li jikkombinaw is-settur agrikolu u dak kimiku, u tappoġġja wkoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li ttejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni tal-industrija tal-UE;
97. Jitlob li jingħata appoġġ lill-SMEs, inkluż appoġġ tekniku għas-sostituzzjoni ta' sustanzi perikolużi b'alternattivi aktar sikuri, sabiex jiġu megħjuna jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi u jsir progress lejn il-produzzjoni u l-użu ta' prodotti sikuri u sostenibbli, billi jiġu promossi r-riċerka u l-iżvilupp, l-investiment f'sustanzi kimiċi sostenibbli u l-innovazzjoni teknoloġika taħt programmi tal-Unjoni bħal Orizzont Ewropa;
98. Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi għandha titfassal b'tali mod li l-SMEs ikunu jistgħu jimplimentawha bla preġudizzju għal-livell ta' protezzjoni meħtieġa;
99. Jenfasizza li leġiżlazzjoni li tipprovdi stabbiltà regolatorja u prevedibbiltà hija fundamentali biex tingħata direzzjoni lill-innovazzjoni meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn settur tas-sustanzi kimiċi ċirkolari, sikur u sostenibbli inkluż l-użu sostenibbli ta' materja prima rinnovabbli biex tiġi appoġġjata l-bijoekonomija, u investimenti fit-tul biex jinkiseb ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi; jappoġġja l-involviment tal-partijiet ikkonċernati f'dan ir-rigward;
100. Jenfasizza l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi tipprovdi inċentivi għal kimika, materjali (inkluż il-plastik) u teknoloġiji sikuri u sostenibbli, inklużi alternattivi mhux kimiċi, li jkunu sikuri u mhux tossiċi mid-disinn;
101. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-Istrateġija għandha toħloq opportunitajiet għaż-żieda ta' teknoloġiji nodfa biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku;
102. Iqis li l-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji u l-produzzjoni ta' tali kimika għandhom jiġu inċentivati fi ħdan l-UE;
103. Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji tal-UE għal sustanzi kimiċi sostenibbli abbażi ta' proposta xjentifika tal-ECHA; iqis li dawn il-kriterji għandhom jiġu kkomplementati bi standards tal-prodott (bħall-qafas tal-Politika dwar il-Prodotti sostenibbli);
104. Jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva prodotti sikuri u sostenibbli u produzzjoni nadifa u tintroduċi u/jew tadatta strumenti ekonomiċi (pereżempju tariffi, taxxi ambjentali, responsabbiltà estiża tal-produttur) biex tinkiseb internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sustanzi kimiċi, inklużi l-ispejjeż tas-saħħa u dawk ambjentali, irrispettivament minn jekk l-użu tagħhom iseħħx fl-Unjoni jew barra minnha;
105. Ifakkar li l-introjtu li l-ECHA tirċievi mill-imposti se jonqos b'mod sostanzjali; Jitlob reviżjoni tal-mudell ta' finanzjament tal-ECHA u l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' finanzjament prevedibbli u sostenibbli, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb u fit-tul tagħha u jitneħħew l-ineffiċjenzi kollha, speċjalment dawk dovuti għas-separazzjoni tal-linji baġitarji, filwaqt li jiġu pprovduti kemm ir-riżorsi meħtieġa biex jiġu ssodisfati d-domandi li qed jiżdiedu fuq il-ħidma attwali tagħha kif ukoll riżorsi addizzjonali suffiċjenti għal kwalunkwe xogħol addizzjonali meħtieġ fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid, inkluż persunal fi ħdan l-ECHA ddedikat esklużivament għall-protezzjoni tal-annimali u l-promozzjoni ta' metodi li ma jinvolvux annimali fl-attivitajiet kollha tal-ECHA;
106. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżommu lura milli jnaqqsu r-riżorsi tal-ECHA fil-proċeduri baġitarji annwali u jipprovdu lill-ECHA b'riżorsi addizzjonali għal kwalunkwe kompitu ieħor li jista' jkun meħtieġ, bħat-twettiq ta' evalwazzjonijiet ta' sustanzi;
107. Jitlob livelli ta' persunal u baġit adegwati għas-servizzi tal-Kummissjoni li għandhom il-kompitu li jiżguraw l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi; jenfasizza li l-allokazzjoni tar-riżorsi trid twieġeb għall-prijoritajiet politiċi kemm attwali kif ukoll fit-tul u għaldaqstant, fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jistenna rinfurzar sinifikanti tar-riżorsi umani b'mod partikolari fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ambjent u l-aġenziji rilevanti tal-UE;
108. Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi; jitlob lill-Istati Membri jallokaw kapaċitajiet suffiċjenti biex itejbu l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi u li l-Kummissjoni u l-ECHA jipprovdu appoġġ adegwat biex dan isir;
109. Jitlob lill-Kummissjoni twettaq awditu tas-sistemi ta' infurzar fl-Istati Membri fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi u tagħmel rakkomandazzjonijiet għal titjib, issaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-korpi tal-infurzar, u tipproponi strumenti ta' infurzar tal-UE, fejn meħtieġ; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħat mogħtija skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2019/1020[47] sabiex jiġi żgurat l-ittestjar adegwat tal-prodotti madwar l-Unjoni;
110. Jemmen li l-Istati Membri għandhom jirċievu gwida ċara dwar kif isaħħu s-sistemi ta' infurzar tagħhom fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi u li l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-korpi ta' infurzar tal-Istati Membri f'dan il-qasam għandhom jiġu msaħħa; jitlob lill-Kummissjoni toħroġ tali gwida fuq il-bażi ta' awditu tas-sistemi ta' infurzar b'kont meħud tal-esperjenza miksuba taħt il-Forum REACH;
111. Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja l-istabbiliment ta' netwerk Ewropew ta' bliet u komunitajiet lokali ħielsa mill-EDCs bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jiġu skambjati l-aħjar prattiki, b'analoġija mal-Patt tas-Sindki favur il-Klima u l-Enerġija;
112. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjoni legali rapida meta tistabbilixxi li l-liġijiet tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi ma jkunux qed jiġu rispettati; ifakkar fl-osservazzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020[48] li l-proċeduri fil-qasam tal-ksur ambjentali għandhom ikunu aktar effiċjenti; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida interni tagħha dwar il-proċeduri ta' ksur u tuża l-opportunità tal-komunikazzjoni li jmiss tagħha dwar regolamentazzjoni aħjar biex ikun żgurat infurzar rapidu u effiċjenti tal-liġijiet tal-UE;
113. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li s-sustanzi kimiċi u l-prodotti importati u esportati jirrispettaw l-istess standards bħal dawk li jirregolaw is-sustanzi kimiċi u l-prodotti li jiġu prodotti u użati fl-Unjoni sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-manifatturi tal-UE u dawk mhux tal-UE; iqis li l-kontrolli tan-nuqqas ta' konformità fl-Unjoni u fil-fruntieri tagħha għandhom jissaħħu, inkluż permezz ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet doganali u l-iżvilupp ta' għodda diġitali speċifika għal dak il-għan, filwaqt li titqies l-esperjenza miksuba fil-kuntest tal-Forum REACH; jilqa' l-pjan ta' azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku[49] u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-proposti li jmiss biex ikun żgurat l-infurzar tal-liġijiet tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi;
114. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni bir-reqqa tad-dipendenza tal-Istati Membri fuq importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta' sustanzi kimiċi fi ktajjen tal-valur kritiċi bħal dawk relatati mal-ingredjenti farmaċewtiċi attivi, id-diżinfettanti, eċċ., u kwalunkwe riskju għas-saħħa assoċjat;
115. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki biex jiffaċilitaw u jippromwovu manifattura kimika sikura u sostenibbli lura fl-Ewropa fi ktajjen tal-valur strateġiċi bħal dawk tal-ingredjenti farmaċewtiċi attivi u d-diżinfettanti, sabiex jerġa' jinkiseb il-kontroll ta' dan il-qasam strateġiku u titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq pajjiżi terzi, jiżguraw aċċess sigur u jevitaw nuqqas ta' mediċini, mingħajr ma jdgħajfu l-benefiċċji li l-ekonomiji miftuħa jiksbu mill-kummerċ internazzjonali;
116. Jitlob lill-Kummissjoni tipprojbixxi fl-importazzjonijiet kollha residwi ta' sustanzi perikolużi mingħajr valur ta' limitu pprojbiti fl-UE, peress li m'hemm l-ebda livell sikur ta' esponiment għalihom, u tapplika l-istess livelli massimi ta' residwi (MRLs) għal sustanzi oħra f'importazzjonijiet bħal sustanzi prodotti fl-UE biex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-manifatturi u l-bdiewa tal-UE u dawk mhux tal-UE;
117. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw, politikament u finanzjarjament, l-istrutturi u l-proċessi internazzjonali kollha li għandhom l-għan li jiksbu ġestjoni tas-sustanzi kimiċi tajba fuq skala globali;
118 Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi t-tniġġis kimiku (inklużi l-pestiċidi) bħala wieħed mill-motivaturi ewlenin tal-kriżi tal-bijodiversità u toħroġ bi proposti legali sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' sustanzi kimiċi persistenti, akkumulattivi u mobbli fl-ambjent u l-effetti avversi tagħhom fuq l-ekosistemi u l-bijodiversità;
119. Jenfasizza li s-sostenibbiltà tas-sustanzi kimiċi trid tinkludi wkoll ir-responsabbiltà soċjali u ambjentali tal-industriji u l-kumpaniji tas-sustanzi kimiċi tul il-ktajjen tal-provvista kollha tagħhom;
120. Iqis li l-istandards tal-Unjoni dwar is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi għandhom jiġu promossi internazzjonalment;
121. Jitlob lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq suċċessur għall-Approċċ Strateġiku għall-Ġestjoni Internazzjonali tas-Sustanzi Kimiċi (SAICM), inkluża riforma tal-Programm Speċjali; jitlob lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għan-negozjati għall-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' finanzjament adegwat, prevedibbli u sostenibbli f'dak ir-rigward;
122. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
- [2] ĠU L 396, 30.12.2006, p. 3.
- [3] ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.
- [4] ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
- [5] ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
- [6] ĠU L 169, 2.6.2019, p. 45.
- [7] ĠU L 201, 21.7.2012, p. 60.
- [8] ĠU L 50, 20.2.2004, p. 44.
- [9] ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.
- [10] ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.
- [11] ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.
- [12] ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1.
- [13] ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.
- [14] ĠU L 226, 24.8.2013, p. 1.
- [15] ĠU L 231, 6.9.2019, p. 1.
- [16] ĠU L 345, 27.12.2017, p. 87.
- [17] ĠU L 30, 31.1.2019, p. 112.
- [18] ĠU L 164, 20.6.2019, p. 23.
- [19] ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33.
- [20] https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/docs/pages/com_2018_733_analysis_in_support_en_0.pdf
- [21] ĠU C 184, 8.7.2010, p. 82.
- [22] ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.
- [23] ĠU C 390, 18.11.2019, p. 10.
- [24] Testi adottati, P8_TA(2018)0353.
- [25] https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12154-Europe-s-Beating-Cancer-Plan/public-consultation
- [26] Testi adottati, P8_TA(2018)0352.
- [27] Testi adottati, P8_TA(2018)0356.
- [28] Testi adottati, P8_TA(2019)0023.
- [29] Testi adottati, P8_TA(2019)0082.
- [30] Testi adottati, P8_TA(2019)0441.
- [31] Testi adottati, P8_TA(2020)0005.
- [32] Testi adottati, P8_TA(2018)0202.
- [33] https://op.europa.eu/s/nJFb
- [34] http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2019/608866/IPOL_STU(2019)608866_EN.pdf
- [35] https://osha.europa.eu/mt/themes/work-related-diseases/work-related-cancer
- [36] NU, Global Chemicals Outlook II: summary for policymakers.
- [37] Konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fis-26 ta' Ġunju 2019, "Lejn Strateġija tal-Unjoni għal Politika Sostenibbli dwar is-Sustanzi Kimiċi", punt 14.
- [38] NU, Global Chemicals Outlook II: summary for policymakers.
- [39] https://www.ehn.org/toxic-chemicals-coronavirus-2645713170.html
- [40] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2015 fil-kawża T-521/14.
- [41] Konstatazzjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-aktar leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-sustanzi kimiċi (bl-esklużjoni tar-REACH) u l-isfidi, il-lakuni u d-dgħufijiet identifikati (COM(2019)0264).
- [42] https://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=MT&f=ST%205867%202013%20INIT
- [43] Kif iddikjarat fis-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Marzu 2019 fil-Kawża T-837/16 (l-Iżvezja v. il-Kummissjoni dwar il-kromat taċ-ċomb).
- [44] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-interferenti endokrinali, ĠU C 36, 29.1.2016, p. 85.
- [45] https://visualisation.osha.europa.eu/osh-costs#!/
- [46] Direttiva 2008/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008, ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.
- [47] Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011, ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1.
- [48] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, Testi adottati, P9_TA(2020)0015.
- [49] Komunikazzjoni tal-10 ta' Marzu 2020, COM(2014)0094.