Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0243/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0243/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi 2022

9.9.2020 - (2019/2805(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B9-0014/2020
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Sirpa Pietikäinen, Christel Schaldemose, Karin Karlsbro, Bas Eickhout, Jadwiga Wiśniewska, Idoia Villanueva Ruiz
f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel


Proċedura : 2019/2805(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0243/2020
Testi mressqa :
B9-0243/2020
Testi adottati :

B9-0243/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi 2022

(2019/2805(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi[1],

 wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa[2],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-Infrastruttura Ekoloġika – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa[4],

 wara li kkunsidra s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020" (COM(2011)0244),

 wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Infrastruttura Ekoloġika[5],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "Rieżaminazzjoni tal-progress f'rabta mal-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-infrastruttura ekoloġika tal-UE" (COM(2019)0236)

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa (COM(2013)0249),

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "L-infrastruttura ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa"[6],

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Ottubru 2013 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "L-infrastruttura ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa[7]",

 wara li kkunsidra l-mistoqsija tad-19 ta' Settembru 2013 lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta' politika tal-UE dwar l-Infrastruttura Ekoloġika (IE) (O-000094/2013 – B7-0525/2013),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali;

 wara li kkunsidra l-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa[8],

 wara li kkunsidra l-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija[9],

 wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-importanza tal-infrastruttura urbana u ekoloġika – Is-sena Ewropea tal-Bliet aktar Ekoloġiċi 2022 (O-000039/2020 – B9-0014/2020),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-infrastruttura ekoloġika hija mifhuma li hija network ta' żoni naturali u seminaturali ppjanati b'mod strateġiku, li jinkludi karatteristiċi ambjentali mfassla u mmaniġġjata biex jipprovdu firxa wiesgħa ta' servizzi tal-ekosistema, li jinkorporaw spazji mħaddra (jew blu fil-każ tal-ekosistemi akkwatiċi) u karatteristiċi fiżiċi oħra f'żoni fuq l-art (inkluż kostali) jew fil-baħar f'ambjent rurali kif ukoll urban;

B. billi 72 % tal-popolazzjoni tal-UE tgħix fi bliet, kbar jew żgħar, u f'subborgi, u l-perċentwal tal-popolazzjoni urbana qed ikompli jikber u jista' jilħaq it-80 % fl-2020[10]; billi dawn iċ-ċifri juru li qed tiżdied l-importanza ta' bliet aktar ekoloġiċi biex jiġu indirizzati l-isfidi kbar li qed tħabbat wiċċha magħhom il-pjaneta tagħna, u li dawn għandhom aktar potenzjal bħala ċentri essenzjali kemm għall-implimentazzjoni ta' aġendi globali kif ukoll għall-involviment taċ-ċittadini fid-deċiżjonijiet ta' politika;

C. billi l-bliet qed jiffaċċjaw għadd ta' sfidi, li jvarjaw mill-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tar-residenti tagħhom sa tħassib ambjentali, u billi l-infrastruttura ekoloġika għandha potenzjal kbir li toffri soluzzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali li huma bbażati fuq in-natura għal ħafna minn dawn il-problemi, li huma ġeneralment irħas u sostenibbli filwaqt li joħolqu l-impjiegi;

D. billi huwa importanti li jiżdied l-għarfien dwar l-infrastruttura ekoloġika u l-ħafna impatti pożittivi tagħha fuq l-ekosistemi u s-servizzi li jipprovdu lill-popolazzjonijiet, sabiex jiġu promossi aħjar is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura fl-art u fl-ippjanar territorjali u l-ħolqien u l-riġenerazzjoni ta' spazji mħaddra, biex tiġi aċċellerata l-bidla lejn mudell tal-infrastruttura aktar ekoloġiku fl-ippjanar urban u fl-iżvilupp territorjali u l-ibliet ikunu jistgħu jadattaw aħjar għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima;

E. billi l-infrastruttura ekoloġika tipprovdi servizzi tal-ekosistema li huma kruċjali għall-benesseri tagħna, il-produzzjoni tal-ikel urban, iċ-ċirkolazzjoni u ż-żamma tal-ilma, iżżid l-infiltrazzjoni u tnaqqas it-tniġġis permezz ta' proċessi naturali, tirregola t-temperatura, tappoġġja l-bijodiversità (inkluż id-dakkir), ittejjeb iċ-ċikli tan-nutrijenti, issebbaħ iż-żoni residenzjali, tiffaċilita l-eżerċizzju fiżiku għar-residenti u ttejeb il-benesseri tar-residenti;

F. billi l-infrastruttura ekoloġika tikkontribwixxi għall-iżvilupp tan-network Natura 2000 f'żoni urbani, ittejjeb il-konnettività bejn il-kurituri ekoloġiċi ħodor jew blu, ittejjeb il-konservazzjoni ta' speċijiet u ħabitats li huma essenzjali għall-ekosistema, u tgħin fil-kontinwità tal-provvista tas-servizzi tal-ekosistema f'żoni urbani. billi l-benefiċċji annwali tas-servizzi tal-ekosistemi pprovduti min-network Natura 2000 ġew stmati għal EUR 300 biljun madwar l-UE, bil-benefiċċji tal-infrastruttura ekoloġika jiswew ħafna iktar minn hekk;

G. billi l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet jinvolvi aktar milli sempliċiment jiġu implimentati inizjattivi għat-tħaddir tal-ibliet minħabba l-importanza li jkollna arja, ilma u ħamrija nodfa u pajsaġġ li jippromwovi l-bijodiversità, biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-ispazji mħaddra;

H. billi l-infrastruttura ekoloġika hija parti kruċjali mill-Istrateġija għall-Bijodiversità 2020;

I. billi l-infrastruttura ekoloġika tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tal-klima peress li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi għat-tibdil fil-klima, u tgħin biex jitnaqqas l-ammont ta' CO2 fl-atmosfera permezz tas-sekwestru dirett tal-karbonju, speċjalment f'żoni torbiera, oċeani u foresti; billi tgħin ukoll biex jitnaqqas l-ippumpjar u t-trattament tal-ilma u tal-ilma mormi u fid-domanda assoċjata għall-enerġija, u biex jitnaqqas l-użu u l-emissjonijiet tal-enerġija fil-bini bis-saħħa ta' "bini intelliġenti" li jkollu elementi ekoloġiċi bħal soqfa u ħitan imħaddra u materjali ġodda li jżidu l-effiċjenza tar-riżorsi; billi l-infrastruttura ekoloġika tgħin ukoll biex titnaqqas id-domanda tal-enerġija u t-tniġġiż marbut mat-trasport billi tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' forom ta' trasport alternattivi u nodfa bħar-rota, il-mixi u trasport pubbliku nadif, inkluż it-trasport fuq l-ilma;

J. billi l-infrastruttura ekoloġika tikkontribwixxi għall-adattament tal-klima permezz tal-protezzjoni tal-kapital naturali, il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u l-ispeċijiet, għal titjib fl-istatus ekoloġiku, il-ġestjoni ta' korpi tal-ilma u s-sikurezza tal-ikel; billi l-iżvilupp ta' infrastruttura ekoloġika hija fost l-aktar miżuri effettivi għall-adattament għat-tibdil fil-klima li jistgħu jittieħdu fi bliet, billi ttaffi l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u l-fenomeni meteoroloġiċi dejjem aktar estremi, bħal perjodi ta' sħana kbira, nirien forestali, ammonti estremi ta' xita, għargħar u nixfa, u r-regolazzjoni tat-temperaturi estremi biex b'hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej li jgħixu f'żoni urbani;

K. billi aktar minn 22 % tal-ispeċijiet Ewropej jinsabu mhedda bl-estinzjoni skont il-Lista l-Ħamra tal-IUCN ta' speċijiet mhedda; billi l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet tgħin biex tiġi promossa l-bijodiversità u jista' jkollha rwol importanti biex ittaffi l-kriżi tal-bijodiversità; billi l-promozzjoni tal-bijodiversità fil-bliet tista' ġġib benefiċċji kollaterali billi żżid ir-reżiljenza tal-ekosistemi u żżid il-potenzjal tal-assorbiment tal-karbonju;

L. billi l-ippjanar urban tajjeb, il-ħamrija miżrugħa u l-uċuħ permeabbli huma aħjar biex jinżamm l-ilma, tiġi ġestita t-tnixxija, tiġi evitata l-erożjoni tal-ħamrija u biex jiġi miġġieled l-iskular urban milli huma l-asfalt u l-konkos; billi infrastruttura ekoloġika ta' kwalità għolja tnaqqas ir-riskju ta' għargħar;

M. billi infrastruttura ekoloġika mfassla tajjeb hija waħda mill-aħjar modi biex tiżdied il-kwantità ta' kurituri ekoloġiċi ħodor jew blu, u b'dan il-mod tiġi protetta l-bijodiversità;

N. billi l-pjanti jippurifikaw l-arja meta jiffiltraw partiċelli żgħar u jipproduċu l-ossiġenu; billi l-kwalità tal-arja fil-bliet tagħna saret waħda mill-akbar sfidi tas-saħħa li qed tiffaċċja l-UE llum; billi arja aktar nadifa ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' miljuni ta' persuni, inklużi dawk li jbatu mill-ażma u minn mard respiratorju; billi kull sena fl-UE, 430 000 persuna jmutu qabel iż-żmien minħabba li jieħdu n-nifs minn arja mniġġsa, billi t-titjib tal-kwalità tal-arja għandu jkun prijorità għall-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet, biex il-persuni u l-ekosistemi jiġu protetti mill-impatt tat-tniġġis tal-arja; billi t-titjib fil-kwalità tal-arja jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-għadd ta' mwiet prematuri;

O. billi l-użu ta' siġar u veġetazzjoni jista' jnaqqas it-tniġġis akustiku fiż-żoni urbani; billi l-istorbju huwa t-tieni l-akbar kawża ambjentali ta' problemi tas-saħħa, wara l-kwalità tal-arja; billi l-proġett ta' riċerka HOSANNA ffinanzjat mill-UE wera li t-tarka akustika naturali tal-pjanti tipproteġi aħjar lir-residenti mill-istorbju tat-traffiku milli l-barrieri akustiċi dritti li jintużaw normalment; billi l-bijodiversità u n-natura huma affettwati b'mod negattiv mit-tniġġis akustiku u l-inizjattivi tal-ekoloġizzazzjoni tal-bliet għandhom jinkludu inizjattivi biex jitnaqqas it-tniġġis akustiku;

P. billi l-infrastruttura ekoloġika għandha tiġi promossa wkoll fi bliet kostali, li ħafna drabi jinsabu ħdejn artijiet mistagħdra, biex jiġu ppreservati l-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta, u jissaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija kostali, it-turiżmu u l-pajsaġġ u żviluppi pożittivi li jżidu r-reżiljenza aħjar għall-impatti tat-tibdil fil-klima f'dawn iż-żoni vulnerabbli li huma affettwati b'mod partikolari miż-żieda fil-livell tal-baħar;

Q. billi l-infrastruttura ekoloġika għandha tiġi promossa f'żoni tal-portijiet, peress li dawn huma parti importanti tal-bliet kostali u normalment ikopru territorji vasti ta' art, li huma wkoll parti min-network Natura 2000; billi permezz ta' dan jistgħu jiġu indirizzati aħjar kwistjonijiet ambjentali bħat-tniġġis u t-telf tal-bijodiversità, u tiġi xprunata l-promozzjoni ta' żvilupp ta' infrastrutturi ġodda bħall-elettrifikazzjoni tal-portijiet;

R. billi l-infrastruttura ekoloġika toffri aċċess għan-natura lil persuni li kieku jkollhom inqas kuntatt magħha – bħat-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità – u tikkontribwixxi għall-edukazzjoni u l-għarfien tagħhom dwar in-natura u l-isfidi ekoloġiċi;

S. billi bliet aktar ekoloġiċi jistgħu joffru benefiċċji notevoli għas-saħħa, għax itejbu l-kwalità tal-arja, iħeġġu lir-residenti jiċċaqalqu u jagħmlu aktar eżerċizzju fiżiku, jgħinu fil-prevenzjoni u l-kura tad-depressjoni, itejbu s-sistema immunitarja u fuq kollox iżidu l-kuntentizza u l-benesseri[11];

T. billi numru akbar ta' parks u ġonna urbani, toroq imħaddrin, soqfa mħaddra fuq il-binjiet, bus stops miksija b'veġetazzjoni u żoni tal-bandli b'aktar ħdura, fost azzjonijiet oħra, jagħmlu l-akkwati u l-bliet aktar attraenti u komdi; billi dawn iżidu wkoll il-kuntatti soċjali bejn ir-residenti, jinkoraġġixxu bidliet pożittivi fl-imġiba u joħolqu sens aktar b'saħħtu ta' komunità; billi l-ispazji mħaddra b'sjieda pubblika jistgħu jġibu benefiċċji inkalkulabbli għall-abitanti tal-bliet;

U. billi kif diġà ntwera, akkwati b'aktar ħdura jżidu l-valur ekonomiku tal-proprjetajiet peress li jagħmlu lil dawn iż-żoni aktar mixtieqa fost ix-xerrejja potenzjali;

V. billi l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet tista' tiffaċilita l-produzzjoni aktar sostenibbli tal-ikel fuq skala żgħira, u tnaqqas l-impronta tal-ikel billi ssaħħaħ il-ktajjeb tal-provista qosra, u għaldaqstant tippermetti l-ħolqien ta' mikronegozji ġodda u tħeġġeġ lir-residenti jsiru attivi f'dan il-qasam u jifhmu aħjar il-katina alimentari, speċjalment il-biedja organika u sostenibbli għall-ambjent;

W. billi 80 % tal-iskart li jinsab fil-baħar ġej mill-bliet, inkluż skart upstream minn baċini tax-xmajjar, billi huwa importanti li s-sistema tal-immaniġġjar tal-iskart f'żoni urbani tittejjeb, speċjalment l-immaniġġjar tat-tniġġis diffuż, l-iskart u l-makroskart, pereżempju billi tissaħħaħ il-filtrazzjoni fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi, biex il-bliet isiru aktar ekoloġiċi u jiġi indirizzat it-tniġġis tal-oċeani;

X. billi ċ-ċittadini jeħtieġ li jkunu involuti u jħossu li jistgħu jipparteċipaw fl-ippjanar urban u t-tfassil tal-infrastruttura ekoloġika, fid-dawl tal-karatteristiċi ambjentali, soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi lokali;

Y. billi l-iżvilupp ta' infrastruttura ekoloġika jimxi id f'id mal-ġestjoni sostenibbli tiegħu, speċjalment fir-rigward tar-riżorsi tal-ilma; billi huwa importanti li l-infrastruttura ekoloġika ħadra u blu tintrabat b'mod ambjentalment responsabbli, u tinkludi l-użu mill-ġdid tal-ilma u tal-ilma tax-xita flimkien mal-ġestjoni tajba tal-ilma;

Z. billi s-servizzi tal-ekosistema pprovduti mis-siġar isiru ħafna aktar importanti aktar ma jgħaddi ż-żmien,  billi l-ġestjoni u l-ippjanar sani u integrati ta' żoni urbani huma essenzjali sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tal-iżvilupp tagħhom, u biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal u s-servizzi tal-infrastruttura ekoloġika;

1. Jirrikonoxxi l-kontribut li jistgħu jagħtu l-bliet aktar ekoloġiċi biex jinkisbu l-għanijiet li ġew stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi u fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' reżiljenza u adattament tal-UE għat-tibdil fil-klima; jissottolinja r-rwol importanti li l-bliet aktar ekoloġiċi jista' jkollhom biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-NU u biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Aġenda Urbana Ġdida, b'mod partikolari biex jittejbu l-użu tar-riżorsi tal-ilma u l-bijodiversità fl-ambjent urban;

2. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija tal-UE ġdida għal bliet b'aktar ħdura u infrastruttura ekoloġika biex tgħin lill-bliet jagħtu sehemhom fil-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll biex itejbu l-benesseri tan-nies li jgħixu fil-bliet;

3. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri fi ħdan il-Patt Ekoloġiku Ewropew biex tindirizza speċifikament ir-rwol tal-bliet u tippromwovi l-investiment fl-infrastruttura ekoloġika;

4. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi integrata b'mod effikaċi l-perspettiva klimatika u ambjentali fit-tfassil tal-politiki urbani fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u globali;

5. Jisħaq fuq il-bżonn li tiġi adottata strateġija ta' adattament għal bliet esposti għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima abbażi ta' approċċ ta' ekosistema ġdid u innovattiv biex jiġi evitat u mmaniġġjat ir-riskju, b'mod partikolari billi jiġu identifikati żoni fejn l-ilma jiġi rtirat, żoni fejn l-għargħar jiġu assorbiti, żoni bi protezzjoni naturali u f'każijiet fejn ikun essenzjali, żoni li jkunu jeħtieġu protezzjoni artifiċjali;

6. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jfasslu pjanijiet ta' azzjoni u jimpenjaw ruħhom b'mod attiv f'attivitajiet maħsuba biex jippromwovu u jmantnu l-ekoloġizzazzjoni ta' żoni urbani f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluża s-soċjetà ċivili;

7. Jinsisti li l-potenzjal tal-bliet li jgħinu fil-protezzjoni tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistema qed jiġi sottovalutat; ifakkar li t-titjib tal-bijodiversità, tas-servizzi tal-ekosistema u tal-infrastruttura ekoloġika urbana fil-bliet u ż-żoni periurbani jtejjeb is-saħħa tal-bniedem; ifakkar li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-inkorporazzjoni u l-integrazzjoni ulterjuri tal-bijodiversità flimkien mal-funzjonijiet tal-ekosistema fit-tfassil, fil-politika u fl-ippjanar urban jista' jkollhom rwol importanti fil-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima fil-bliet u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu dawn il-prattiki;

8. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel enfasi akbar fuq l-importanza ta' infrastruttura ekoloġika fl-Istrateġija għall-Bijodiversità 2030 li jmiss;

9. Jipproponi li s-sena 2022 tingħażel bħala s-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi;

10. Jipproponi li l-għanijiet tas-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi 2022 ikunu li:

a. titqajjem sensibilizzazzjoni tal-benefiċċji ta' spazji mħaddra fl-ambjent mibni; jiġu introdotti inizjattivi biex tiżdied il-provvista ta' spazji mħaddra, inkluż qrib żoni residenzjali;

b. tiżdied il-kwantità u l-kwalità tar-riċerka u l-iżvilupp ta' innovazzjonijiet ġodda f'diversi oqsma ta' għarfien espert biex jinħoloq valur miżjud aktar ekoloġiku u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja fil-bliet; jingħata appoġġ immirat għad-diġitalizzazzjoni sostenibbli fl-UE u għaldaqstant għan-negozji ġodda u l-innovazzjonijiet diġitali; jiżdied l-aġġornament ta' proġetti tal-infrastruttura ekoloġika;

c. l-awtoritajiet lokali u ċ-ċittadini jiġu mħeġġa jieħdu azzjoni u jtejbu l-akkwati u l-ambjent urban tagħhom, billi jaħdmu flimkien u jaġixxu bħala komunità biex tiżdied ir-reżiljenza tagħhom u tingħata sura ġdida lill-futur tal-bliet tagħhom; jiżdied l-involviment taċ-ċittadini f'azzjonijiet u teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ambjent u l-ħajja inġenerali tal-belt;

d. tinħoloq kultura ta' apprezzament tal-ispazji mħaddra u tal-infrastruttura ekoloġika ħadra u blu; jitħeġġeġ l-iżvilupp urban li jirrispetta l-ħtieġa għal spazji mħaddra bħala aspett importanti tal-kwalità tal-ħajja fil-bliet;

e. jiġi promoss l-użu ta' materjali u servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-klima permezz tal-akkwist pubbliku;

f. jiżdied in-numru ta' proġetti ta' infrastruttura ekoloġika; titkompla l-Istrateġija tal-UE dwar l-Infrastruttura Ekoloġika u jiżdiedu r-riżorsi għaliha;

g. issir konnessjoni bejn l-inizjattivi eżistenti u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, kif inhu previst f'diversi inizjattivi u strateġiji, fost l-oħrajn, fil-qasam tal-ippjanar urban, l-urbaniżmu u l-infrastruttura sostenibbli, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, l-arkitettura ekoloġika, enerġija aktar nadifa, il-mobilità tal-persuni bil-mixi u ċ-ċiklisti, il-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma u l-ġestjoni sostenibbli u ċirkulari tal-iskart abbażi tal-ġerarkija tal-iskart, li għandha l-għan li tikseb il-mira ta' żero skart u tnaqqas l-iskart għall-minimu permezz tal-użu massimu tar-riċiklaġġ;

h. jinħoloq pjan direzzjonali għall-ekoloġizzazzjoni tal-bliet Ewropej u għall-manutenzjoni ta' spazji mħaddra sal-2030, li jkun ibbażat fuq il-prinċipju tal-urbaniżmu ekoloġiku bħala mezz biex jitħeġġu r-rabtiet armonjużi bejn l-ambjent rurali u dak urban, biex jiġu rikonoxxuti l-interdipendenza tagħhom u l-ħtieġa ta' relazzjoni bidirezzjonali;

i. jitwettqu attivitajiet edukattivi mmirati lejn diversi riċevituri b'kontenut adattat għall-grupp fil-mira, b'mod partikolari t-tfal;

j. jiġu mħeġġa inizjattivi biex jitnaqqas it-traffiku urban u li jippromwovu u jinvestu fit-trasport pubbliku;

k. tiġi żgurata l-akbar parteċipazzjoni possibbli ta' NGOs ambjentali fl-attivitajiet ta' protezzjoni ambjentali u edukazzjoni;

l. jiżdiedu b'mod sinifikanti s-soqfa urbani u t-tħaddir tal-faċċati biex jitjiebu l-klima urbana, il-kwalità tal-arja u l-insulazzjoni;

m. jingħata appoġġ lill-ġardinaġġ urban u jiġi salvagwardjat u żviluppat l-għoti ta' żoni għat-tħaddir kif ukoll faċilitajiet ta' ġardinaġġ fl-iskejjel urbani madwar l-UE, billi dawn huma pilastru importanti tal-edukazzjoni ambjentali tat-tfal;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni rapida biex ittejjeb il-kwalità tal-arja fil-bliet, b'mod partikolari billi tnaqqas it-tniġġis tal-emissjonijiet permezz ta' soluzzjonijiet ġodda ta' mobilità urbana li jiffavorixxu għażliet ta' trasport pubbliku aktar effiċjenti u ambjentalment sostenibbli.

12. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni u l-possibilità ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-ekoloġizzazzjoni taż-żoni urbani u l-manutenzjoni ta' żoni mħaddra, permezz tal-involviment tagħhom fil-fażijiet tal-ippjanar territorjali u l-implimentazzjoni sostenibbli kif xieraq, sabiex jinkisbu soluzzjonijiet ta' ppjanar urban sostenibbli, jinkiseb sens ta' sjieda tal-azzjonijiet rilevanti u jkollna bliet soċjalment inklużivi, reżiljenti u b'emissjonijiet baxxi li jkunu attraenti għaċ-ċittadini tagħhom; iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jafu kif jistgħu jikkontribwixxu għall-ekoloġizzazzjoni tal-bliet tagħhom, jieħdu ħsieb l-ispazji mħaddra u jittrasformawhom f'ambjenti aktar tajbin għas-saħħa; jinkoraġġixxi lill-muniċipalitajiet u lir-reġjuni jappoġġjaw kemm jista' jkun l-inizjattivi ekoloġiċi ppreżentati miċ-ċittadini u jiżviluppaw proġetti ta' sponsorizzazzjoni għal żoni miftuħa; iħeġġeġ lill-muniċipalitajiet u r-reġjuni biex jadottaw u jimplimentaw inizjattivi ambizzjużi għal bliet ekoloġiċi;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja miżuri ambizzjużi biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħin biex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-iżvilupp urban sostenibbli u għall-infrastruttura ekoloġika, bħal sħubijiet ta' innovazzjoni u skemi ta' akkwist pubbliku konġunt bejn il-bliet tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħin biex titjieb is-setgħa kollettiva tal-bliet biex jinstabu soluzzjonijiet effiċjenti malajr; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-parteċipazzjoni tas-settur privat permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati, programm aktar ambizzjuż tal-Bank Ewropew tal-Investiment u inċentivi għall-SMEs, li jista' jkollhom rwol kruċjali fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sostenibbli innovattivi.

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

 

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Settembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza