Proċedura : 2020/2708(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0246/2020

Testi mressqa :

B9-0246/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0239

<Date>{09/09/2020}9.9.2020</Date>
<NoDocSe>B9‑0246/2020</NoDocSe>
PDF 151kWORD 47k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa</Titre>

<DocRef>(2020/2708(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Alexis Georgoulis, Niyazi Kizilyürek</Depute>

<Commission>{GUE/NGL}f'isem il-Grupp GUE/NGL</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0246/2020

B9‑0246/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa

(2020/2708(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 bit-titolu "Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura" (COM(2018)0267),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar it-trasport u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE[2] ("ir-Regolament"),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-kultura u s-setturi kulturali u kreattivi huma mezz importanti fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija, u huma pjattaforma għal-libertà tal-espressjoni; billi l-atturi kulturali u kreattivi Ewropej jippreservaw u jippromwovu d-diversità kulturali u lingwistika fl-Ewropa, u jipparteċipaw fit-tisħiħ tal-aspetti kollha tas-solidarjetà u l-integrazzjoni; billi dawn l-atturi jirrappreżentaw forza imprezzabbli għat-tkabbir ekonomiku u soċjali sostenibbli fl-Ewropa u għall-popli tagħha;

B. billi s-setturi kulturali u kreattivi Ewropej huma responsabbli għal madwar 4 % tal-prodott domestiku gross (PDG) Ewropew u għal aktar minn 7,4 miljun impjieg fl-Ewropa, ekwivalenti għal 3.7 % tal-impjiegi kollha fl-UE-27; billi s-setturi kulturali u kreattivi huma interkonnessi mill-qrib u wrew li huma ta' benefiċċju għal setturi oħra, bħat-turiżmu u t-trasport; billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, erbgħa minn kull għaxar turisti jagħżlu d-destinazzjoni tagħhom abbażi tal-offerta kulturali tagħha;

C. billi s-setturi kulturali u kreattivi Ewropej kienu fost l-aktar affettwati severament mill-pandemija globali tal-COVID-19; billi kienu diġà qed isibuha diffiċli qabel il-pandemija u ġew injorati fl-istrumenti ta' rkupru; billi skont l-istimi tal-Kummissjoni stess, is-setturi kulturali u kreattivi – li huma responsabbli għal EUR 509 biljun f'valur miżjud għall-PDG – x'aktarx li tilfu 80 % tal-fatturat tagħhom fit-tieni kwart tal-2020 b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-miżuri ta' konteniment;

D. billi t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri meħtieġa biex jitwaqqaf it-tixrid tal-pandemija affettwaw serjament is-setturi kulturali u kreattivi minħabba l-għeluq ta' postijiet kulturali, jiġifieri s-swali taċ-ċinema, it-teatri, is-swali tal-kunċerti, il-galleriji tal-arti, l-istituzzjonijiet kulturali, il-festivals, il-mużewijiet u l-postijiet tal-mużika, u b'hekk aggravaw ix-xejriet negattivi u l-isfidi ekonomiċi għas-setturi kulturali u kreattivi; billi għandu jsir kull sforz sabiex jiġu salvagwardjati u promossi aktar is-sopravivenza u l-iżvilupp tas-setturi kulturali u kreattivi;

E. billi l-industriji fis-setturi kulturali u kreattivi huma settur atipiku, iddominat minn kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji bi ħtiġijiet speċifiċi, xogħol atipiku, freelancing, bi protezzjoni tas-sigurtà soċjali minima jew ineżistenti għall-artisti u dawk fid-dinja tal-ispettaklu; billi dawn l-industriji jvarjaw fid-daqs u huma magħmula minn atturi diversi, iżda fuq kollox huma kkaratterizzati mill-preponderanza ta' strutturi żgħar (SMEs jew artisti u dawk fid-dinja tal-ispettaklu li jaħdmu għal rashom) u introjtu irregolari; billi l-artisti u l-professjonisti kulturali qed jiżdiedu b'mod kostanti u fil-biċċa l-kbira dawn huma żgħażagħ; billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma prekarji u huma kkaratterizzati minn kuntratti għal żmien qasir, impjiegi part-time u impjiegi staġjonali, filwaqt li dawk b'lawrji universitarji jispiċċaw jaħdmu żewġ impjiegi jew aktar b'mod parallel;

F. billi s-settur wera solidarjetà mingħajr preċedent matul il-pandemija, u spiss ħareġ kontenut kulturali mingħajr ħlas permezz ta' kanali diġitali, u kkontribwixxa għall-benesseri tal-popolazzjoni taħt lockdown;

G. billi d-disponibbiltà tal-kontenut kulturali online ma ssarrfitx f'żieda fl-introjtu tad-detenturi tad-drittijiet u tal-artisti fid-dinja tal-ispettaklu; billi d-diġitalizzazzjoni tas-settur, li ġiet aċċellerata mill-COVID-19, kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tal-operaturi online u ma kinitx akkumpanjata mit-trasparenza meħtieġa tal-ftehimiet ta' liċenzjar;

H. billi l-Pjan ta' Rkupru tal-Kummissjoni ma joffri l-ebda garanzija li s-setturi kulturali u kreattivi jistgħu jaċċessaw il-finanzjament ta' emerġenza; billi minkejja li l-proposta tal-Kummissarju Gabriel biex l-Istati Membri jallokaw 1 % tal-baġit ta' rkupru għall-kultura hija pass pożittiv, din ma tipprovdi l-ebda garanzija legalment vinkolanti għas-setturi kulturali u kreattivi;

I. billi l-proposta riveduta tal-Kummissjoni dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) fiha tnaqqis ta' 20 % għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, tnaqqis ta' 13 % għal Ewropa Kreattiva u tnaqqis ta' 7 % għal Erasmus+, meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-QFP tal-2018; billi l-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Lulju 2020 hija allinjata biss mal-proposta tal-Kummissjoni tal-2018; billi Ewropa Kreattiva huwa l-uniku programm tal-UE li jipprovdi appoġġ dirett lis-setturi kulturali u kreattivi madwar l-Ewropa; billi la l-inizjattivi li suppost ikopri l-programm Ewropa Kreattiva u lanqas il-baġit tiegħu ma jipprovdu l-appoġġ meħtieġ minn programm li diġà jirċievi iktar talbiet milli jiflaħ u li huwa sottofinanzjat;

J. billi jidher ċar li l-proposti baġitarji attwali għall-programm Ewropa Kreattiva fil-QFP li jmiss la jissodisfaw l-aspettattivi tas-settur u lanqas dawk tal-Parlament, li talab ripetutament l-irduppjar tal-fondi meta mqabbel mal-QFP 2014–2020;

K. billi l-pandemija tal-COVID-19 se tpoġġi pressjoni ekonomika sinifikanti fit-tul fuq is-setturi kulturali u kreattivi, u se xxekkel kemm id-diversità kif ukoll il-ħolqien kulturali fis-snin li ġejjin;

L. billi s-setturi kulturali u kreattivi se jkollhom bżonn jibqgħu ffinanzjati kif xieraq sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn l-għanijiet minquxa fil-Patt Ekoloġiku; billi t-tranżizzjoni ma għandhiex titwettaq b'mod li jista' jkun ta' ħsara għall-kreattività; billi l-Patt Ekoloġiku ma jipprovdix appoġġ għal inizjattivi kulturali jew attivitajiet oħra relatati mas-setturi kulturali u kreattivi;

1. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-artisti, il-kreaturi, l-awturi, l-artisti fid-dinja tal-ispettaklu, il-pubblikaturi, il-kumpaniji tagħhom u ħaddiema oħra fis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej, li ġew affettwati serjament mill-pandemija globali tal-COVID-19, u jagħti ġieħ lil xogħolhom matul dawn iż-żminijiet diffiċli;

2. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw is-setturi kulturali u kreattivi, peress li dawn għandhom rwol importanti kemm fil-ħajja ekonomika kif ukoll fil-ħajja soċjali u ġew affettwati serjament mill-kriżi attwali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u l-artisti kulturali kollha fl-ambjent tax-xogħol tagħhom u jqisu bis-sħiħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji fis-setturi kulturali u kreattivi;

3. Jistieden lill-Istati Membri jippreservaw u jippromwovu strutturi ta' negozjar kollettiv għall-kuntratti, ir-rappreżentanza kollettiva, is-sigurtà soċjali u l-assigurazzjoni tas-saħħa f'konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea;

4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex itaffu l-impatt dejjem agħar tal-kriżi fuq is-setturi kulturali u kreattivi li jirriżulta mill-kanċellazzjoni ta' festivals u avvenimenti kulturali kbar, b'impatt diżastruż, b'mod partikolari fuq is-settur tal-arti tal-ispettaklu; iqis li huwa essenzjali li jiġi inkluż appoġġ robust għas-setturi kulturali u kreattivi fost l-interventi ta' rkupru, inklużi l-miżuri ekonomiċi ppjanati;

5. Itenni t-talba tiegħu biex il-baġit għal Ewropa Kreattiva (EUR 2.8 biljun) jiġi rduppjat, peress li dan huwa l-programm ewlieni għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni kulturali Ewropea;

6. Jirrikonoxxi li s-setturi kulturali u kreattivi huma kkaratterizzati minn proporzjon għoli ta' professjonisti li jaħdmu għal rashom u freelancers; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri li jippromwovu s-sigurtà tal-impjiegi u pagi ġusti fis-setturi kulturali u kreattivi, filwaqt li jiżguraw bilanċ ġeografiku u jiffaċilitaw l-aċċess għall-fondi tal-UE għal din il-kategorija ta' ħaddiema;

7. Jappoġġja bil-qawwa l-inklużjoni mingħajr kundizzjonijiet tas-setturi kulturali u kreattivi fil-Pjan ta' Rkupru u jitlob allokazzjoni ta' mill-inqas 7 % tal-Fond ta' Rkupru għall-kultura, bi preallokazzjoni baġitarja ċara fil-programmi rilevanti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-Fond ta' Rkupru jestendi għas-setturi kulturali u kreattivi fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom;

8. Jistieden lill-Istati Membri biex, b'mod immedjat u flimkien mal-provvediment tal-għotjiet, jintegraw sostituzzjoni għall-pagi u t-tariffi mitlufa tal-produtturi kulturali li jaqbżu introjtu soċjali bażiku, ikkalkulata skont l-introjtu ntaxxat mis-sena ta' qabel il-COVID-19, fil-fondi ta' għajnuna nazzjonali, u b'hekk jistabbilixxu skemi ta' għajnuna għal dawk li jaħdmu għal rashom komparabbli mal-arranġamenti ta' appoġġ għall-intrapriżi u l-impjegati dipendenti;

9. Jenfasizza li matul il-lockdown ħafna siti ta' wirt kulturali tħallew mingħajr superviżjoni u mingħajr manutenzjoni xierqa, u b'riżultat ta' dan sofrew ħsara, u li dawn is-siti kienu diġà suxxettibbli kemm għad-degradazzjoni ambjentali, id-diżastri naturali u t-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-iskavar illegali jew it-traffikar illeċitu tal-artefatti tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti l-impjiegi fis-settur tal-wirt kulturali, li jiġu appoġġjati l-professjonisti tar-restawr u l-esperti tal-wirt, u li jiġu mgħammra bil-mezzi meħtieġa biex jipproteġu s-siti ta' wirt Ewropew;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw is-setturi kulturali u kreattivi bħala setturi strateġiċi tal-ekonomija, u jallokaw baġits fissi assoċjati ma' azzjonijiet rapidi u konkreti ddedikati għall-irkupru u t-tkabbir tas-settur, li għandhom ikunu ta' benefiċċju għall-partijiet ikkonċernati kollha tiegħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-azzjonijiet kulturali eliġibbli għall-finanzjament fil-qafas tal-istrumenti finanzjarji li jappoġġjaw l-intraprenditorija u l-innovazzjoni;

11. Jinnota li l-maġġoranza tal-miżuri ta' appoġġ imfassla s'issa kienu bbażati fuq is-self, għażla li mhijiex sostenibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha fl-ekosistemi kulturali; jitlob appoġġ imdaqqas u primarjament ibbażat fuq l-għotjiet għas-setturi kulturali u kreattivi sabiex jiġi żgurat l-għajxien tal-komunitajiet lokali; iqis li s-setturi kulturali u kreattivi huma fost l-aktar setturi dinamiċi tal-ekonomija, li għandhom jippromwovu b'mod sostanzjali l-ugwaljanza bejn is-sessi u jistgħu jaġixxu bħala katalist b'saħħtu għall-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjoni ġusta;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iskambju ta' prattiki u tekniki tal-artisti, u tippromwovi b'mod sinifikanti l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; jappoġġja bil-qawwa r-rikonoxximent reċiproku konkomitanti tal-kompetenzi artistiċi;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] Testi adottati, P9_TA(2020)0169.

[2] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza