MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa
9.9.2020 - (2020/2708(RSP))
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Laurence Farreng, Stéphane Séjourné, Vlad‑Marius Botoş, Ilana Cicurel, Radka Maxová, Monica Semedo, Morten Løkkegaard, Petras Auštrevičius, Ramona Strugariu, Claudia Gamon, Irène Tolleret, Nicola Danti, Klemen Grošelj, Sylvie Brunet, Frédérique Ries, Izaskun Bilbao Barandica, Marie‑Pierre Vedrenne, Andrus Ansip, Olivier Chastel, Chrysoula Zacharopoulou, Clotilde Armand, Nicolae Ştefănuță, Fabienne Keller, Katalin Cseh, Samira Rafaela, Christophe Grudler, Martina Dlabajová, Stéphanie Yon‑Courtin, Maite Pagazaurtundúa
f'isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0246/2020
B9‑0250/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 bit-titolu "Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura" (COM(2018) 0267),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar it-trasport u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE ("ir-Regolament")[4],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17, it-18, id-19, l-20 u l-21 ta' Lulju 2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kultura hija settur strateġiku għall-Unjoni Ewropea, li tikkostitwixxi parti importanti tal-ekonomija tagħna filwaqt li tirrifletti l-valuri, l-istorja u l-istil ta' ħajja Ewropej tagħna;
B. billi l-atturi kulturali u kreattivi Ewropej jippreservaw u jippromwovu d-diversità kulturali u lingwistika fl-Ewropa, u jikkontribwixxu għat-tisħiħ ta' identità Ewropea fil-livelli kollha; billi ċ-ċittadini kollha tal-UE għandu jkollhom id-dritt ta' aċċess għall-kultura fil-lingwa tagħhom stess, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil-lingwi żgħar u l-minoranzi lingwistiċi;
C. billi dawn l-atturi jirrappreżentaw forza imprezzabbli għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u huma sors importanti ta' kompetittività globali;
D. billi l-industriji kulturali u kreattivi Ewropej jirrappreżentaw madwar 4 % tal-prodott domestiku gross Ewropew, ċifra simili għall-ICT u s-servizzi tal-akkomodazzjoni u tal-ikel; billi, fl-2019, kien hemm 7,4 miljun persuna f'impjieg kulturali fl-UE-27, li jammontaw għal 3,7 % tal-impjiegi totali fl-UE-27; billi, fl-2019, il-proporzjon ta' persuni li kienu jaħdmu għal rashom fil-qasam tal-kultura fl-UE-27 kien aktar mid-doppju tal-medja osservata għall-ekonomija kollha kemm hi[5];
E. billi l-operaturi kulturali u kreattivi Ewropej kienu fost l-aktar affettwati serjament mill-pandemija globali tal-COVID-19; billi l-għeluq ta' dan is-settur ekonomiku kellu riperkussjonijiet fuq setturi oħra bħat-trasport u t-turiżmu;
F. billi l-industriji kulturali u kreattivi jiffurmaw settur atipiku bi ħtiġijiet speċifiċi u magħmul minn atturi ta' daqsijiet differenti, iżda fuq kollox ikkaratterizzat mill-predominanza ta' strutturi żgħar (SMEs jew persuni li jaħdmu għal rashom) u introjtu irregolari;
G. billi l-kriżi tal-COVID-19 diġà għandha, u se jibqa' jkollha, effett negattiv dejjiemi fuq il-produzzjoni kulturali u kreattiva u l-introjtu li jirriżulta, u għaldaqstant fuq id-diversità kulturali Ewropea;
H. billi t-teatri, iċ-ċinemas, il-festivals, is-swali tal-kunċerti, il-mużewijiet u s-siti ta' wirt storiku kienu fost l-ewwel li ngħalqu minħabba miżuri ta' konteniment, u huma fost l-aħħar li reġgħu fetħu; billi l-miżuri ta' sigurtà imposti biex jipprevjenu tifqigħa ġdida ma jippermettulhomx joperaw b'kapaċità sħiħa, li tirriżulta f'aktar telf ta' introjtu;
I. billi, b'ħafna Ewropej isibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' iżolament matul il-pandemija, l-opportunitajiet ta' aċċess għall-kultura online żdiedu, u dan għamilha aktar aċċessibbli iżda spiss mingħajr ħlas;
J. billi huwa ċar li l-proposti baġitarji suċċessivi għall-programm Ewropa Kreattiva fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss ma jissodisfawx l-aspettattivi la tas-settur u lanqas tal-Parlament, li appella għall-ħtieġa li jiġi rduppjat il-finanzjament tiegħu meta mqabbel mal-QFP 2014-2020;
K. billi l-industriji kulturali u kreattivi jeħtieġ li jibqgħu ffinanzjati kif xieraq u jkunu lesti għat-tranżizzjoni lejn kontinent newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, kif deskritt fil-Patt Ekoloġiku Ewropew;
1. Jesprimi s-solidarjetà sinċiera tiegħu mal-artisti, il-kreaturi, l-awturi, il-pubblikaturi, is-soċjetajiet tagħhom u l-ħaddiema u l-atturi l-oħra fl-industriji kulturali u kreattivi Ewropej li ġew affettwati serjament mill-pandemija tal-COVID-19, u jagħti ġieħ lill-azzjonijiet tagħhom matul iż-żminijiet diffiċli esperjenzati minn miljuni ta' Ewropej;
2. Iqis li huwa fundamentali li l-miżuri ekonomiċi storiċi meħuda mill-istituzzjonijiet Ewropej jingħaqdu ma' azzjonijiet wiesgħa favur il-forzi kulturali u kreattivi tal-Ewropa;
3. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Ewropew fit-tfassil tal-pjan ta' rkupru "Next Generation EU", b'mod partikolari l-ħolqien ta' REACT-EU, li għandha l-għan li tipprovdi fondi addizzjonali lil setturi ekonomiċi fost l-aktar affettwati, bħall-kultura; jinsab allarmat, madankollu, mill-fatt li l-ebda ammont speċifiku ma ġie allokat b'mod ċar għall-benefiċċju dirett tal-industriji kulturali u kreattivi; jinsisti, f'dan il-kuntest, li l-operaturi kulturali u kreattivi għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-azzjonijiet immirati tal-Istati Membri u għandhom jibbenefikaw b'mod wiesa' mill-fondi u l-istrumenti magħmula disponibbli mill-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (EERP);
4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-industriji kulturali u kreattivi bħala industriji strateġiċi, u jidentifikaw baġit ċar assoċjat ma' azzjonijiet rapidi u konkreti ddedikati għall-irkupru ta' dan is-settur, li għandu jkun ta' benefiċċju għall-partijiet ikkonċernati kollha tiegħu;
5. Jilqa' l-ħolqien tal-istrument tal-UE għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta' qgħad f'emerġenza (SURE), li huwa maħsub biex jappoġġja l-miżuri ta' xogħol b'ħinijiet iqsar stabbiliti mill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-SMEs u dawk li jaħdmu għal rashom; iqis li dan l-istrument jista' jippermetti lill-atturi tal-industriji kulturali u kreattivi jibqgħu fil-qasam tal-attività tagħhom filwaqt li jikkumpensa għat-telf ta' introjtu tagħhom; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri jipprovdu garanziji adegwati sabiex SURE ikun jista' jopera malajr kemm jista' jkun;
6. Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-programm Ewropa Kreattiva u s-sottoprogrammi MEDIA u Culture, kif ukoll il-fergħat transsettorjali tiegħu f'li jiġi żgurat grad ġust ta' stabbiltà fis-settur permezz tal-aċċess għall-fondi Ewropej sakemm is-suq kulturali jirkupra; ifakkar li l-Parlament talab irduppjar meħtieġ tal-baġit allokat għal dan il-programm għall-QFP li jmiss; jafferma mill-ġdid bil-qawwa, għalhekk, il-pożizzjoni tiegħu rigward il-baġit ta' dan il-programm u programmi Ewropej oħra li jappoġġjaw l-industriji kulturali u kreattivi u l-ħaddiema fis-settur kulturali; iqis li huwa ta' importanza kbira li l-programmi jiġu ffinalizzati u mgħoddija malajr kemm jista' jkun sabiex inkunu nistgħu niżguraw tranżizzjoni bla xkiel għall-programm li jmiss;
7. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-Kapitali Ewropej tal-Kultura biex tgħinhom jillimitaw, kemm jista' jkun, it-tfixkil ikkawżat mill-pandemija, b'mod partikolari ma' dawk il-bliet li għandhom it-titolu fl-2020 u fl-2021, permezz ta' djalogu fil-fond mal-organizzaturi; jiddikjara li huwa lest li jimxi 'l quddiem malajr sabiex tinstab aġenda ġdida, ibbilanċjata u adattata;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika firxa wiesgħa ta' sorsi ta' finanzjament li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-industriji kulturali u kreattivi; iqis li l-Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni futura ddedikata għall-industriji kulturali u kreattivi fi ħdan l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għandu jkollha rwol ewlieni f'dan il-kuntest;
9. Jilqa' l-miżuri ġodda ta' appoġġ taħt il-Faċilità ta' Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi (CCS GF), li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess għal finanzjament tad-dejn affordabbli għall-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex ittaffi l-impatt, li kull ma jmur dejjem qed ikun aktar negattiv, tal-kriżi fuq l-industriji kulturali u kreattivi, fi żmien meta l-kanċellazzjoni kontinwa ta' festivals u avvenimenti kulturali ewlenin qed ikollha konsegwenzi finanzjarji diżastrużi, b'mod partikolari għas-settur tal-arti tal-ispettaklu;
11. Jirrimarka li t-turiżmu jirrappreżenta 10,3 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea, li 40 % minnu huwa marbut mal-offerta kulturali; iqis li l-irkupru gradwali tat-turiżmu huwa opportunità biex jiġu promossi b'mod attiv il-kultura u l-wirt Ewropew filwaqt li jitqiegħdu s-sisien għal turiżmu Ewropew sostenibbli; jappella, f'dan ir-rigward, għat-tnedija ta' programm annwali ta' valorizzazzjoni tal-wirt Ewropew li jirrifletti d-diversità kulturali Ewropea, bl-użu tal-Fondi Strutturali biex il-wirt jiġi integrat fiċ-ċirkwiti kulturali Ewropej;
12. Iqis li għandna naħtfu din l-opportunità biex nippromwovu l-kontenut kulturali Ewropew madwar id-dinja billi nħeġġu l-produzzjoni Ewropea u niżviluppaw networks tax-xandir Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri biex tiżgura l-aktar traspożizzjoni bla xkiel possibbli tal-leġiżlazzjoni relatata, bħar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali;
13. Huwa tal-fehma li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jassistu lill-operaturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa għandhom jappoġġjaw atturi u inizjattivi li jirriflettu d-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa, inklużi l-lingwi minoritarji;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi politika ambizzjuża u inklużiva ta' komunikazzjoni u ta' promozzjoni għall-kultura fl-Ewropa, li tippermetti li l-kontenut kulturali, l-avvenimenti u l-postijiet kulturali Ewropej igawdu minn firxa verament Ewropea u globali; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq ir-riżultati pożittivi tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali biex tfassal inizjattiva simili ddedikata għall-kultura u r-rwol tagħha fl-Ewropa;
15. Iqis li d-dimensjoni kulturali jeħtieġ li tifforma parti mid-djalogu maċ-ċittadini, b'mod partikolari matul il-Konferenza li jmiss dwar il-Futur tal-Ewropa;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU C 238, 6.7.2018, p. 28.
- [2] Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
- [3] Testi adottati, P9_TA(2020)0169.
- [4] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.
- [5]https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Culture_statistics_-_cultural_employment#Self-employment