Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0257/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0257/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona Schengen

14.9.2020 - (2020/2780(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Esther de Lange, Andreas Schwab, Peter Liese, Roberta Metsola
f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0257/2020

Proċedura : 2020/2780(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0257/2020
Testi mressqa :
B9-0257/2020
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0257/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona Schengen

(2020/YYYY(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 67, 114 u 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID‑19[3],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi f'diversi Stati Membri l-għadd ta' każijiet tal-COVID-19 żdied b'mod sinifikanti minn Ġunju 'l hawn, u billi l-awtoritajiet nazzjonali u esperti oħra jorbtu din iż-żieda b'mod sinifikanti maż-żieda fl-ivvjaġġar matul is-sajf;

B. billi hija meħtieġa azzjoni koordinata mill-Istati Membri biex jiġi evitat d-dgħajfien tal-kredibbiltà tal-miżuri għall-ġlieda kontra l-COVID-19;

C. billi l-limitazzjonijiet fuq il-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri mhux dejjem kienu konformi mal-livelli ta' riskju attwali, peress li f'xi każijiet ġew imposti limitazzjonijiet stretti, bħall-għeluq tal-fruntieri, f'pajjiżi b'rati baxxi ta' infezzjoni;

D. billi l-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi huma pilastri essenzjali tal-erba' libertajiet, li fuqhom huwa bbażat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern;

E. billi l-integrità taż-żona Schengen trid tiġi ppreservata;

F. billi matul il-perjodu reċenti tas-sajf l-Istati Membri ħarġu restrizzjonijiet mhux koordinati għal-libertà tal-moviment tal-persuni fi ħdan l-UE, relatati mal-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19; billi dawn il-miżuri kollha qed jifframmentaw serjament is-suq intern;

G. billi mill-bidu tal-firxa usa' tal-COVID-19 fl-UE aktar kmieni din is-sena, il-Parlament ripetutament talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri armonizzati dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-merkanzija fi ħdan is-suq intern;

H. billi fil-bidu tal-ewwel mewġa tal-pandemija tal-COVID-19, xi Stati Membri introduċew restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' ċertu tagħmir ta' protezzjoni personali; billi direttiva dwar l-infrastruttura kritika transfruntiera li tiżgura l-provvista ta' merkanzija u servizzi kritiċi fl-Istati Membri kollha tal-UE f'kull ħin hija ta' importanza kruċjali;

I. billi l-Kummissjoni pproponiet rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ koordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19[4];

J. billi l-UE teħtieġ tippjana bil-quddiem għal għodod ġodda li jippermettulha tiffaċċja l-kontinwazzjoni possibbli tal-pandemija tal-COVID-19 u/jew kriżi oħra possibbli simili fin-natura tagħha;

Perspettiva fuq medda qasira ta' żmien: miżuri armonizzati meħtieġa b'mod urġenti fis-suq intern

1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda tal-każijiet tal-COVID-19 f'diversi Stati Membri minn Ġunju 'l hawn, u jappella għal rispons ħafna aktar koordinat mill-Istati Membri sabiex tiżdied il-kredibbiltà u għalhekk l-effiċjenza tal-miżuri għall-ġlieda kontra l-pandemija;

2. Jissottolinja li biż-żieda reċenti ta' każijiet ġodda tal-COVID-19 madwar l-UE, l-Istati Membri reġgħu ħadu miżuri ġodda, differenti u mhux koordinati dwar il-moviment liberu għall-persuni li jivvjaġġaw lejn jew li jaslu minn pajjiżi oħra tal-UE, u f'xi każijiet għalqu l-fruntieri tagħhom; jirrimarka li kull Stat Membru uża l-miżuri nazzjonali tiegħu stess – li jvarjaw minn kwarantina obbligatorja jew rakkomandata (li ddum 7, 10 jew 14-il jum), u/jew testijiet negattivi tar-reazzjoni katina bil-polimerażi (PCR) mal-wasla (li huma meħtieġa li jkollhom minn 48 sa 72 siegħa), flimkien ma' forom nazzjonali differenti ta' lokalizzazzjoni tal-vjaġġaturi, użu differenti ta' kodifikazzjoni tal-kuluri u kriterji għad-definizzjoni ta' żoni ta' riskju, u miżuri differenti dwar l-użu tal-maskri tal-wiċċ – mingħajr ebda tip ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE, b'tali mod li jiġu fframmentati l-ispazju u s-suq intern komuni tagħna tal-UE, u jiġi limitat il-moviment liberu;

3. Jilqa', għalhekk, l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipproponi rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ koordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, iżda jiddispjaċih għall-fatt li din l-inizjattiva ma ntwerietx qabel; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa din l-inizjattiva b'mod urġenti, u tipproponi lill-Istati Membri miżuri armonizzati possibbli, inkluża formola unika ta' lokalizzazzjoni tal-vjaġġaturi tal-UE, bil-għan li tinħoloq fiduċja f'sistema ta' monitoraġġ fl-UE kollha;

4. Itenni l-appell urġenti tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isegwu kooperazzjoni dedikata, strutturata u effikaċi f'dan il-kuntest; jemmen li tali kooperazzjoni għandha tantiċipa l-ħtieġa għal miżuri koordinati u armonizzati relatati ma' kwalunkwe restrizzjoni fiż-żona Schengen u kwalunkwe restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-persuni, il-merkanzija u s-servizzi fl-UE minħabba l-kriżi tal-COVID-19 u l-iżvilupp tagħha, u għandha tipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq intern, u b'hekk tiżgura ċ-ċertezza għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE fl-aspetti kollha tal-ħajja tagħhom ta' kuljum u tevita aktar miżuri nazzjonali mhux koordinati fil-futur;

5. Jenfasizza li l-integrità taż-żona Schengen trid tiġi ppreservata, u li kwalunkwe restrizzjoni potenzjali għandha tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni biex tkun kompatibbli mal-integrità taż-żona Schengen;

6. Jenfasizza li sabiex jiġu armonizzati l-miżuri restrittivi għall-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-UE, l-Istati Membri għandhom jirreferu għall-istess settijiet ta' data uffiċjali, jużaw l-istess kriterji, u jaqblu dwar l-istess approċċ ibbażat fuq ir-reġjuni aktar milli fuq pajjiżi sħaħ; jilqa' l-approċċ meħud mill-Kummissjoni fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta tagħha, u jirrimarka li s-settijiet ta' data pprovduti miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jistgħu jipprovdu l-bażi uffiċjali meħtieġa għal dawn il-miżuri armonizzati;

7. Jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġbru flimkien ir-riżorsi, inklużi l-kapaċitajiet ta' manifattura, sabiex tiġi ssodisfata d-domanda akbar fl-UE għal tagħmir ta' protezzjoni personali, ventilaturi u tagħmir mediku ieħor, provvisti tal-laboratorju u prodotti ta' sanitizzazzjoni, li jgħin ukoll biex jissaħħu r-riżervi tal-ħażna strateġika tar-rescEU;

8. Jirrimarka li huwa essenzjali li jkun hemm impenn għal miżuri armonizzati li jerġgħu jibnu l-fiduċja bejn l-Istati Membri sabiex jerġa' jibda l-moviment liberu tal-persuni, il-merkanzija u s-servizzi fi ħdan is-suq intern; jenfasizza li l-kapaċitajiet tal-ittestjar fl-Istati Membri kollha għandhom jiżdiedu aktar sabiex il-vjaġġaturi jkunu jistgħu jiġu ttestjati; jemmen li l-investiment fl-ittestjar rapidu tal-COVID-19 għall-persuni li jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri, speċjalment dawk li jivvjaġġaw bħala parti mill-attivitajiet regolari tagħhom, huwa kruċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod reċiproku r-riżultati tal-PCR ta' xulxin sabiex jevitaw li joħolqu ostakli addizzjonali għall-moviment liberu, inklużi r-rekwiżiti tat-traduzzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li jkun hemm użu wiesa' ta' testijiet mhux għaljin ta' 15-il minuta;

9. Jenfasizza x-xejra inkwetanti ta' konformità mnaqqsa mal-miżuri kontra l-COVID-19, iċ-ċaħda tal-pandemija u l-kampanji kontra t-tilqim, filwaqt li jitqies id-dritt ta' kull persuna li tiddeċiedi dwar it-trattament tagħha stess;

10. Ifakkar li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri żviluppaw apps għat-traċċar tal-COVID-19; jistenna li l-interoperabbiltà ta' dawn l-apps tiġi implimentata fil-livell tal-UE sa Ottubru sabiex jiġi żgurat it-traċċar tal-COVID-19 fl-UE kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jinkoraġġixxu liċ-ċittadini jużaw dawn l-apps, li għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

11. Jirrimarka l-importanza tal-armonizzazzjoni għar-reġjuni tal-fruntiera fejn in-numru ta' vjaġġaturi bejn żewġ Stati Membri differenti huwa għoli; jirrimarka li l-ekonomija u ħajjet in-nies f'dawn ir-reġjuni huma affettwati mill-għeluq tal-fruntieri b'mod negattiv u sproporzjonat, u li diversi Stati Membri introduċew eżenzjonijiet u adattamenti speċifiċi tar-regoli għal dawn ir-reġjuni; jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lil dawn is-sitwazzjonijiet, u jaħdmu wkoll fuq l-armonizzazzjoni ta' dawn il-miżuri speċifiċi; jemmen li armonizzazzjoni akbar tar-regoli dwar il-moviment fir-reġjuni tal-fruntiera tkun ta' benefiċċju kbir għall-funzjonament tas-suq intern kollu u taż-żona Schengen, u b'hekk fl-aħħar mill-aħħar l-UE kollha kemm hi;

12. Itenni l-ħtieġa li tiġi segwita politika kummerċjali tal-UE ffukata fuq awtonomija strateġika miftuħa li tappoġġja d-diversifikazzjoni u r-reżiljenza fil-ktajjen tal-provvista, b'sistema kummerċjali multilaterali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli fil-qalba tagħha, biex tiġi żgurata d-disponibbiltà globali tal-prodotti, u kkomplementata minn fond strateġiku għad-diversifikazzjoni tal-katina tal-provvista biex jappoġġja b'mod attiv lill-kumpaniji tal-UE;

13. Jissottolinja l-fatt li ripatrijazzjoni sħiħa tal-katini tal-provvista la hi possibbli u lanqas mixtieqa f'ekonomija globali; jenfasizza li network estiż ta' ftehimiet ta' kummerċ (FTAs) ġusti u implimentati b'mod tajjeb, flimkien ma' sistema kummerċjali multilaterali li tiffunzjona b'mod sħiħ mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u Korp ta' Appell operattiv fil-qalba tagħha, huma l-aħjar mod biex jiġi ggarantit li jkunu disponibbli diversi sorsi ta' manifattura għal mediċini essenzjali, u li l-istandards regolatorji jikkonverġu globalment, filwaqt li jiġi żgurat qafas ta' innovazzjoni globali b'saħħtu li jikkomplementa l-produzzjoni Ewropea;

Perspettiva fuq medda twila ta' żmien: pjan strateġiku għall-futur b'għodod ġodda

14. Ifakkar li matul l-ewwel parti tal-perjodu tal-lockdown tal-pandemija tal-COVID-19 aktar kmieni din is-sena, l-UE u s-suq intern waqfu parzjalment, b'konsegwenzi estremi għaċ-ċittadini tal-UE u l-ekonomija tagħha minħabba li oġġetti essenzjali bħall-ikel, it-tagħmir mediku, jew it-tagħmir protettiv ma setgħux jiċċirkolaw, u minħabba li l-moviment liberu, anke għal persuni li jaħdmu fil-kura tas-saħħa u servizzi essenzjali oħra, ġie sospiż; jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha titgħallem minn din l-esperjenza, billi tuża pjan strateġiku bl-għodod armonizzati u koordinati meħtieġa biex jiġu ffaċċjati sitwazzjonijiet simili sabiex jiġi evitat waqfien jew tfixkil ieħor tas-suq intern kollu u taż-żona Schengen u – fl-aħħar mill-aħħar – tal-UE kollha kemm hi;

15. Itenni li huwa kruċjali għall-ħajja ta' kuljum tan-nies li oġġetti essenzjali, bħall-ikel, it-tagħmir mediku jew it-tagħmir protettiv, jibqgħu jiġu kkonsenjati madwar l-UE f'kull ħin; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal direttiva mtejba dwar l-infrastruttura kritika transfruntiera biex jiġi żgurat il-moviment liberu kontinwu ta' oġġetti u servizzi essenzjali fi ħdan is-suq intern fi żminijiet ta' kriżi bħal pandemija;

16. Ifakkar li l-qerq relatat mal-COVID-19 u l-prodotti mhux sikuri kienu qed jiċċirkolaw fi ħdan is-suq intern u kienu prevalenti b'mod speċjali meta l-kriżi bdiet aktar kmieni din is-sena, u dan jagħmel ħsara potenzjali lill-konsumaturi; itenni li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali dwar is-sikurezza tal-prodotti għandhom jiżguraw li l-pjattaformi online jkunu jistgħu jieħdu azzjoni biex jipprevjenu abbużi possibbli kontra l-konsumaturi; jirrimarka li filwaqt li d-Direttiva dwar in-Networks u s-Servizzi tal-Informazzjoni ħadet l-ewwel pass lejn iċ-ċibersigurtà madwar l-Ewropa kollha, li ngħatat spinta mill-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, dak li huwa meħtieġ, wara l-kriżi, huwa viżjoni olistika taċ-ċibersigurtà u tas-servizzi kritiċi rilevanti kollha; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tħaffef il-proċess lejn il-ħolqien ta' strumenti li jiżguraw ir-reżiljenza ta' infrastrutturi diġitali essenzjali fl-UE kollha;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tirriforma l-governanza tax-Schengen fid-dawl ta' sfidi ġodda bħall-COVID-19; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jikkompletaw l-integrazzjoni tal-Istati Membri kollha fiż-żona Schengen, sabiex miżuri koordinati u armonizzati japplikaw b'mod ugwali fl-Unjoni kollha u għall-benefiċċju ugwali taċ-ċittadini kollha li jirrisjedu fi ħdanha;

°

° °

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Presidenza fil-kariga tal-Kunsill.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza