<RepeatBlock-By><Depute>Jérôme Rivière, Thierry Mariani, Peter Kofod, Jaak Madison, Harald Vilimsky, Tom Vandendriessche</Depute>
<Commission>{ID}f'isem il-Grupp ID</Commission>
</RepeatBlock-By>
B9‑0258/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran
–wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lausanne tal-24 ta' Lulju 1923, u b'mod partikolari l-Artikoli 38, 39, 40, 41, 42, 43 u 44 tiegħu, dwar il-libertà reliġjuża fit-Turkija u l-impenn lejn in-non-diskriminazzjoni kontra popolazzjonijiet mhux Musulmani,
–wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4 u 5 tat-Trattat ta' Lausanne, li jiddelimitaw b'mod permanenti l-fruntieri tar-Repubblika tat-Turkija,
–wara li kkunsidra l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija mal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fl-24 ta' Ottubru 1945, u l-impenn tagħha li tirrispetta l-Karta fundatriċi tan-NU,
–wara li kkunsidra l-proċess ta' adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija mal-Unjoni Ewropea, u l-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni fis-17 ta' Diċembru 2004,
–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li t-Turkija hija parti għalihom,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-Trattat ta' Lausanne, li fih ir-Repubblika tat-Turkija tiddikjara li tirrinunzja irrevokabbilment għad-drittijiet kollha fuq territorji lil hinn mill-fruntieri tagħha kif rikonoxxuti hemmhekk, inklużi t-territorji mqiegħda taħt il-Mandat tal-Lega tan-Nazzjonijiet (is-Sirja, il-Libanu, il-Palestina, iċ-Ċisġordanja, l-Iraq);
–wara li kkunsidra r-rapport tas-Sotto-Kummissjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni tad-Diskriminazzjoni u l-Protezzjoni tal-Minoranzi ppubblikat fit-2 ta' Lulju 1985, li jiddeskrivi l-massakru tal-Armeni bħala ġenoċidju,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1987 dwar soluzzjoni politika għall-kwistjoni tal-Armenja, li fiha ġie rikonoxxut il-Ġenoċidju Armen[1],
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija[2], li fiha talab lit-Turkija tirrikonoxxi l-ġenoċidju Armen, filwaqt li jitqies li dan l-att kien prerekwiżit għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea;
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen[3], li fiha afferma mill-ġdid ir-rikonoxximent tiegħu tal-ġenoċidju Armen u talab lit-Turkija tirrikonoxxi l-ġenoċidju u "tagħmel b'bonafidi inventarju integrat tal-wirt kulturali Armen u ta' oriġini oħra li safa meqrud jew mgħarraq tul is-seklu li għadda fil-ġurisdizzjoni tagħha";
–wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.billi t-Turkija regolarment tikser is-sovranità tal-Greċja u ta' Ċipru;
B.billi l-bastiment Tork tar-riċerka sismika Oruç Reis jgħaddi regolarment mill-kosta ta' Kastellorizo, jiġifieri fl-ibħra territorjali Griegi;
C.billi dan il-bastiment, akkumpanjat minn bastimenti militari, ilu jwettaq riċerka illegali fil-Lvant tal-Mediterran mill-10 ta' Awwissu 2020;
D.billi quddiem il-kritika internazzjonali kkawżata minn dawn il-manuvri, il-President Tork Recep Tayyip Erdoğan iddikjara: "Se jifhmu li t-Turkija hija b'saħħitha biżżejjed politikament, ekonomikament u militarment biex tkisser il-mapep u d-dokumenti immorali";
E.billi n-nazzjonalisti Torok okkupaw il-gżira ta' Kastellorizo fl-1974;
F.billi t-Turkija ilha tokkupa illegalment 37 % tat-territorju ta' Ċipru mill-1974;
G.billi l-armata Torka "xegħlet" il-frejgata Franċiża Courbet fi tliet okkażjonijiet waqt li dan il-bastiment kien qed jinforza l-embargo tan-NU fuq il-kunsinna ta' armi lil-Libja;
H.billi t-Turkija qed tokkupa parti kbira mit-Tramuntana tas-Sirja, mingħajr il-qbil tar-Repubblika Għarbija Sirjana jew l-istedina mingħandha; billi l-punt ċentrali ta' din l-okkupazzjoni huwa Idlib, il-monument ewlieni tal-gruppi Iżlamiċi li qed jiġġieldu fis-Sirja; billi t-Turkija qed tuża din is-sitwazzjoni bħala mezz ta' rikatt lill-UE;
I.billi t-Turkija bagħtet aktar minn 5 000 Iżlamista radikali Sirjani fil-Libja u issa qed tiskjera t-truppi tagħha fil-pajjiż;
J.billi t-Turkija, fl-Operazzjoni Tiger Claw, regolarment tibbumbardja l-Majjistral tal-Iraq mingħajr provokazzjoni la minn Erbil u lanqas minn Baghdad u b'hekk tipperikola ħafna rħula tal-fruntiera qrib Zakho, li wħud minnhom huma abitati minn Insara tal-Lvant;
K.billi l-ftehimiet ta' estradizzjoni ffirmati mit-Turkija mal-Kosovo u l-Albanija, li Ankara qed tuża biex taħbi lill-avversarji tagħha, imorru kontra l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-dritt għall-asil fi kwistjonijiet politiċi;
L.billi t-Turkija qed issaħħaħ ir-rabtiet tagħha mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari mal-Bożnija-Ħerzegovina;
M.billi kieku kellha teżerċita influwenza predominanti fil-Balkani u fil-Libja, it-Turkija mbagħad tkun tikkontrolla ż-żewġ rotot ta' aċċess migratorju ewlenin lejn l-Ewropa, u dan joħloq theddida eżistenzjali għan-nazzjonijiet Ewropej;
N.billi l-President Erdoğan għamel ħafna dikjarazzjonijiet provokanti kontra n-nazzjonijiet Ewropej, bħal, "Franza, b'mod partikolari, għandha tieqaf tieħu miżuri li jżidu t-tensjonijiet. M'huma se jieħdu xejn billi juru l-poter";
O.billi kien hemm bosta vjolazzjonijiet tal-libertà reliġjuża fit-Turkija, bħad-detenzjoni ta' Pastor Brunson, in-nuqqas ta' investigazzjoni serja dwar il-qtil jew l-attakki kontra l-Insara fir-reġjun ta' Tur Abdin, pereżempju l-każijiet ta' Simoni u Hurmuz Diril, u l-inkoraġġiment tat-tħassir tal-kultura Sirjaka;
P.billi l-Bażilika ta' Santa Sofija u l-Knisja tas-Salvatur ta' Chora ġew ittrasformati f'moskej;
Q.billi l-gvern Tork kontinwament jirreferi għad-dinastiji Ottomani u l-waqgħa ta' Kostantinopli, filwaqt li l-UE rarament tuża l-eżempji edifikanti tal-Battalja ta' Lepanto u l-assedju ta' Vjenna;
R.billi l-AKP, il-partit fil-gvern tat-Turkija, għandu fergħat f'ħafna Stati Membri tal-UE u li l-President Erdoğan juża biex jhedded lill-gvernijiet Ewropej;
S.billi l-"Grey Wolves", milizzja vjolenti, huma preżenti fit-territorju Ewropew;
T.billi fis-17 ta' Marzu 2017, il-ministru tal-intern Tork qal: "Jekk tridu, nistgħu niftħu t-triq għal 15 000 refuġjat li ma nibagħtulkomx kull xahar u nħallukom bla nifs";
U.billi fl-10 ta' Awwissu 2020 il-President Erdoğan qal: "Fil-ġlied ma naħsbuhiex darbtejn biex nagħmlu martri. (...) Il-mistoqsija hi: dawk li jħabbtu wiċċhom magħna fil-Mediterran u fil-Lvant Qarib, lesti li jagħmlu l-istess sagrifiċċji?";
V.billi l-UE pprovdiet lit-Turkija b'EUR 6 biljun skont il-ftehim tat-18 ta' Marzu 2016, EUR 14,5 biljun taħt il-qafas ta' qabel l-adeżjoni mill-2003, u EUR 28,9 biljun ġew investiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment sa mill-2000, b'total ta' aktar minn EUR 49 biljun;
W.billi r-reġim Tork reġa' kiser id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari wara l-attentat ta' kolp ta' stat tal-2016; billi t-Turkija ġiet ikkundannata aktar minn 3 000 darba mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sa mill-1959; billi l-membri tal-oppożizzjoni sofrew arrest arbitrarju; billi fis-27 ta' Awwissu 2020, Ebru Timtik, avukat Tork akkużat bit-terroriżmu, miet fil-ħabs wara 238 jum strajk tal-ġuħ; billi t-Turkija tittratta ħażin il-popolazzjoni Kurda tagħha; billi Havrin Khalaf, politiku Kurd żagħżugħ, inqatel fit-13 ta' Ottubru 2019 minn merċenarji fis-servizz tat-Turkija;
X.billi l-President Tork iżomm relazzjonijiet mill-qrib ma' organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala terroristi mill-UE; billi l-President Erdoğan iltaqa' mal-President tal-Bureau Politiku tal-Ħamas, Ismael Haniyeh, u d-delegazzjoni li takkumpanjah, f'Awwissu 2020; billi Ankara offriet appoġġ u daħlet f'alleanza oġġettiva mar-reġim tal-Fraternità Musulmana fl-Eġittu qabel ma waqa' fl-2013; billi ħafna membri tar-reġim ikkundannati f'pajjiżhom isibu kenn fit-Turkija;
1.Jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill itemmu inkondizzjonalment u irrevokabilment in-negozjati kollha dwar l-adeżjoni tat-Turkija mal-UE, billi dan mhuwiex pajjiż Ewropew u ma jaġixxix f'konformità mal-valuri Ewropej, b'mod partikolari dawk li għandhom l-għan li jippreservaw il-paċi fl-Ewropa, u għaldaqstant m'għandux isir membru tal-Unjoni Ewropea;
2.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill itemmu l-finanzjament kollu lit-Turkija f'termini tal-proċess ta' qabel l-adeżjoni, il-QFP attwali u ppjanat, il-Faċilità tal-UE għar-Refuġjati, u f'termini tal-pjan ta' azzjoni UE-Turkija dwar il-migrazzjoni; jistieden lill-UE, barra minn hekk, twaqqaf is-self kollu tal-BEI lit-Turkija;
3.Iqis li l-UE għandha tirritalja ekonomikament u politikament b'reazzjoni għall-aggressjoni inaċċettabbli murija mir-reġim Tork, u għalhekk jipproponi li d-Deċiżjoni tal-Unjoni Doganali li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1996 tiġi sospiża għal perjodu ta' sitt xhur li jista' jiġġedded;
4.Jistieden lill-UE titlob li t-Turkija tirrimborża parti mis-somom imħallsa, kemm fil-qafas ta' qabel l-adeżjoni kif ukoll skont il-ftehim dwar il-migranti, bħala kumpens għall-ħsara kkawżata lil pajjiżi membri bħal Ċipru u l-Greċja;
5.Jipproponi li l-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana għandu minn issa jeskludi lit-Turkija mil-laqgħat tiegħu sakemm il-pajjiż jieqaf jikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana; jistieden lin-NATO tesplora mezzi legali possibbli biex tkeċċi Stat Parti mill-alleanza;
6.Jistieden lill-kapijiet kollha ta' stat jew ta' gvern tal-UE biex jikkundannaw l-aggressjoni Torka fil-forom attwali kollha tagħha u biex jesprimu l-appoġġ bla kundizzjonijiet għal u s-solidarjetà tagħhom mal-Greċja u Ċipru fil-ġlieda tagħhom biex jipproteġu l-integrità territorjali tagħhom u l-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-kontinent Ewropew usa', b'rispett għas-sovranità tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà;
7.Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesprimi bil-qawwa l-appoġġ tagħha għall-Greċja u Ċipru, li waħedhom qed iħabbtu wiċċhom mal-attakki tat-Turkija; jistieden lill-Istati Membri kollha jipprovdu appoġġ lil dawk il-pajjiżi, anke għajnuna militari, u biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri esterni tal-Unjoni f'dawn l-oqsma, b'rispett għas-sovranità tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà;
8.Jikkundanna solennement is-silenzju totali u n-nuqqas ta' solidarjetà tal-Kummissjoni mal-Greċja u Ċipru, kif ukoll ma' Franza matul l-aggressjoni militari mit-Turkija kontra bastiment navali Franċiż;
9.Jiddeplora s-sitwazzjoni tal-libertà reliġjuża fit-Turkija, fejn il-minoranzi, b'mod partikolari l-minoranzi Nsara, huma dejjem aktar attakkati u emarġinati;
10.Jistieden lill-Istati Membri kollha jwaqqfu l-operazzjonijiet konġunti kollha mat-Turkija fil-Lvant Nofsani u fid-dinja Għarbija;
11.Jistieden lill-Istati Membri kollha jsaħħu l-viġilanza tagħhom fuq il-gruppi ta' influwenza Torok preżenti fl-Ewropa; jinkoraġġixxi l-monitoraġġ ta' attivitajiet militanti li jaqdu l-interessi tar-reġim Tork, b'mod partikolari permezz ta' strutturi kulturali u reliġjużi; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jibagħtu lura lit-Turkija kwalunkwe militant Tork tal-AKP preżenti fit-territorju tagħhom;
13.Jistieden lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Presidenza fil-kariga tal-Kunsill.