Proċedura : 2020/2780(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0259/2020

Testi mressqa :

B9-0259/2020

Dibattiti :

PV 15/09/2020 - 11
CRE 15/09/2020 - 11

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0240

<Date>{14/09/2020}14.9.2020</Date>
<NoDocSe>B9‑0259/2020</NoDocSe>
PDF 173kWORD 55k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar il-COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE</Titre>

<DocRef>(2020/2780(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Kateřina Konečná</Depute>

<Commission>{GUE/NGL}f'isem il-Grupp GUE/NGL</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0257/2020

B9‑0259/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE

(2020/2780(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),– wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif ukoll l-Artikoli 4, 6, 9, 21(1), 67(2), 114, 153, 169 u 191 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"), b'mod partikolari l-Artikoli 35 u 45 tagħha,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID‑19[4],

 wara li kkunsidra r-rapport l-aktar riċenti dwar it-theddid mill-mard li jittieħed (CDTR) taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-linji gwida tas-saħħa pubblika u l-protokolli ta' rapportar tal-ECDC dwar il-COVID‑19,

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91[5],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, mill-perspettiva tal-ġestjoni tar-riskji, il-pandemija tal-COVID-19 għaddiet mill-fażi akuta għall-fażi kronika; billi jidher probabbli li l-virus se jibqa' attiv sakemm jinstab vaċċin effikaċi u sikur u jiġi fornut fi kwantitajiet kbar biżżejjed biex tiġi żgurata protezzjoni xierqa f'parti kbira ħafna tal-popolazzjoni globali; billi dan ifisser li se nkomplu ngħixu f'ċirkostanzi diffiċli għal mill-inqas diversi xhur oħra;

B. billi l-intensità tat-tixrid tal-virus tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor u minn reġjun għal ieħor fl-istess Stat Membru;

C. billi l-istaġun tal-influwenza x'aktarx li jżid l-għadd ta' nies b'sintomi ħfief li jiġu ttestjati;

D. billi l-kapaċità tal-ittestjar f'xi Stati Membri għadha mhijiex biżżejjed; billi xi drabi n-nies ikollhom jistennew ħafna ġranet biex jingħataw ir-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 tagħhom; billi dan jaffettwa b'mod sinifikanti l-kapaċità tagħhom li jaħdmu u jivvjaġġaw;

E. billi xi Stati Membri qed jirrifjutaw li jirrikonoxxu kwalunkwe tip ta' test tal-COVID-19 li jkun sar fi Stat Membru ieħor; billi tali nuqqas ta' fiduċja qed jikkomplika ħafna l-ħajja tan-nies;

F. billi l-approċċi differenti li jintużaw fl-UE għall-ġbir ta' data relatata mal-COVID‑19 jagħmluha diffiċli li d-data titqabbel;

G. billi għad m'hemm ebda metodoloġija armonizzata għall-ġbir u l-evalwazzjoni tal-għadd ta' persuni infettati u lanqas metodoloġija armonizzata rigward is-"semafori" tal-COVID-19; billi minħabba dan in-nuqqas ta' armonizzazzjoni, id-data dwar il-persuni infettati spiss tiġi interpretata fl-Istati Membri kollha, li konsegwentement jieħdu deċiżjonijiet ħżiena u jimplimentaw bidliet fis-"semafori" tal-COVID-19 tagħhom, u dan iwassal biex ċittadini minn Stati Membri oħra jiġu diskriminati bla bżonn;

H. billi r-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 s'issa wera nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f'termini ta' koordinazzjoni tal-miżuri tas-saħħa pubblika, inklużi r-restrizzjoni tal-moviment tan-nies fi ħdan il-fruntieri u bejn il-fruntieri u s-sospensjoni ta' drittijiet u liġijiet oħra; billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri introduċew mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni jew għalqu tali fruntieri, parzjalment jew totalment, jew għalquhom għal ċerti tipi ta' vjaġġaturi, inklużi ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom u ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu fit-territorju tagħhom jew f'dak ta' Stat Membru ieħor;

I. billi ħafna Ewropej ġew sistematikament soġġetti għal regoli differenti mhux biss skont il-post jew ir-residenza tagħhom, iżda anki skont fejn ikunu vvjaġġaw; billi dan in-nuqqas ta' koordinazzjoni matul il-perjodu tas-sajf wassal għal kontrolli u miżuri diżorganizzati fil-fruntieri, kif ukoll fl-ajruporti u fl-istazzjonijiet tal-ferrovija;

J. billi l-kriżi tal-COVID-19 kellha, u għad qed ikollha, impatti kbar fuq is-saħħa u, f'ħafna każijiet, konsegwenzi negattivi sinifikanti ħafna għad-drittijiet fundamentali u għall-iskambji ekonomiċi, xjentifiċi, turistiċi u kulturali;

K. billi l-provvista tal-kura tas-saħħa hija, fuq kollox, kompetenza nazzjonali, iżda s-saħħa pubblika hija kompetenza kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni;

L. billi għad hemm lok biex l-Unjoni Ewropea twettaq aħjar il-politika tas-saħħa pubblika fil-parametri eżistenti tat-Trattati; billi d-dispożizzjonijiet dwar is-saħħa pubblika skont it-Trattati għadhom fil-biċċa l-kbira mhux utilizzati biżżejjed f'termini tal-użu possibbli tagħhom biex iwettqu l-impenji;

M. billi t-theddid transfruntier jista' jiġi indirizzat biss b'mod konġunt u għalhekk jirrikjedi il-kooperazzjoni u s-solidarjetà fi ħdan l-Unjoni;

N. billi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri, inklużi l-kontrolli fil-fruntieri interni, jaffettwaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni kif minquxa fid-dritt tal-Unjoni; billi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri jew mill-Unjoni għandhom dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali; billi tali miżuri għandhom ikunu strettament meħtieġa, proporzjonali, temporanji u b'kamp ta' applikazzjoni limitat; billi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri mhijiex għażla iżda obbligu previst mit-Trattati;

O. billi jista' jkun ikkumplikat ħafna li tinstab informazzjoni korretta u aġġornata dwar miżuri, restrizzjonijiet u rati ta' infezzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali speċjalment għal persuni li ma jitkellmux il-lingwa nazzjonali tal-Istat Membru; billi l-ECDC qed jipprova jagħmel din l-informazzjoni aktar aċċessibbli, iżda dan mhuwiex magħruf sew mill-pubbliku;

P. billi l-Kummissjoni diġà ħadet azzjoni inizjali billi adottat diversi pakketti ta' miżuri, komunikazzjonijiet u strateġiji, inkluża l-proposta reċenti għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Settembru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0499);

Q. billi l-Kunsill għandu jappoġġja din ir-rakkomandazzjoni u jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-Istati Membri jikkoordinaw id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħhom fi sforz biex iwaqqfu jew jillimitaw it-tixrid tal-virus;

R. billi huwa importanti ferm li ż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona b'mod sħiħ biex il-prinċipju tal-libertà ta' moviment jiġi salvagwardat bħala wieħed mill-kisbiet ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea, u prerekwiżit ewlieni għall-irkupru ekonomiku tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19;

S. billi l-Parlament, bħala koleġiżlatur u l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini tal-UE, irid jiġi inkluż bħala parti integrali u essenzjali tad-diskussjonijiet kollha dwar il-koordinazzjoni tal-UE biex tiġi indirizzata din il-kriżi tas-saħħa;

T. billi jidher li l-UE ma tgħallmitx mil-lezzjonijiet li jmorru lura għall-bidu tal-kriżi;

U. billi l-COVID‑19 uriet l-interdipendenzi bejn is-saħħa tal-bniedem u s-saħħa tal-pjaneta tagħna; billi l-feġġien ta' mard żoonotiku – il-mard li jgħaddi mill-annimali għall-bnedmin – huwa aggravat mit-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali;

V. billi l-moviment liberu interrott tal-merkanzija pperikola l-provvista ta' tagħmir mediku meħtieġ fl-Unjoni kollha;

W. billi r-restrizzjonijiet diverġenti fuq l-ivvjaġġar wasslu għall-kanċellazzjoni tat-titjiriet ta' ħafna ċittadini, u għadhom ma ġewx rimborżati għalihom;

1. Huwa mħasseb dwar l-impatti tat-tifqigħa tal-COVID‑19 u l-konsegwenzi fit-tul tagħha fuq il-benessri tan-nies madwar id-dinja, b'mod partikolari fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli u l-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħall-persuni anzjani u dawk li diġà qed ibatu minn problemi tas-saħħa; huwa mħasseb ħafna dwar iż-żidiet f'daqqa reċenti ta' każijiet ta' coronavirus u dwar l-għadd kbir ta' każijiet ġodda rrappurtati fl-Istati Membri; jappella għal kawtela kontinwa fi kwalunkwe taffija ppjanata tal-miżuri sanitarji; jenfasizza li l-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa għandhom jibqgħu l-aktar għan politiku importanti;

2. Jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa ta' ġestjoni koordinata tas-saħħa biex din il-pandemija tiġi miġġielda b'mod effikaċi; jenfasizza l-importanza li ċ-ċittadini jserrħu rashom rigward il-konsistenza tal-miżuri meħuda minn Stat Membru għal ieħor;

3. Ifakkar li l-libertà tal-moviment għaċ-ċittadini tal-Unjoni hija dritt fundamentali minqux fit-Trattati tal-UE u fil-Karta;

4. Jissottolinja li dan id-dritt jista' jiġi ristrett biss għal raġunijiet speċifiċi u limitati ta' interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tal-politika pubblika u s-sigurtà pubblika;

5. Jinsisti fuq il-fatt li dawk ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu applikati f'konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, b'mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni;

6. Jirrimarka li l-kunċett tal-"aħħar istanza" tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jirrikjedi verifika dwar jekk miżuri oħra jistgħux ikunu daqstant adatti jew aħjar biex jintlaħaq l-objettiv u jħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu kif xieraq u jadottaw biss miżuri meħtieġa, koordinati u proporzjonati bħala l-aħħar istanza tagħhom meta jirrestrinġu l-ivvjaġġar jew jintroduċu kontrolli fil-fruntieri interni;

7. Jenfasizza li l-ECDC qed jagħmel xogħol imprezzabbli u għandu jingħata aktar riżorsi immedjatament, inkluż aktar persunal permanenti, biex ikompli l-ħidma tiegħu dwar il-COVID-19 filwaqt li jkun jista' jkompli u jerġa' jibda l-ħidma tiegħu fuq mard ieħor; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mandat rivedut għall-ECDC biex jiżdiedu b'mod sinifikanti l-baġit fit-tul, il-persunal u l-kompetenzi tiegħu, sabiex ikun jista' jipprovdi protezzjoni tas-saħħa pubblika fost l-aqwa fid-dinja f'kull mument, inkluż matul l-epidemiji;

8. Jirrimarka li l-ECDC għadu jissottolinja disparitajiet fil-ġbir tad-data u fir-rapportar tad-data mill-Istati Membri; billi, f'xi każijiet, huwa diffiċli li wieħed jiddistingwi b'mod ċar ir-reġjuni l-aktar infettati f'xi Stati Membri abbażi tad-data nazzjonali;

9. Jiddeplora l-fatt li dan in-nuqqas ta' armonizzazzjoni tad-data ma jippermettix li jkollna stampa ċara u sħiħa tat-tixrid tal-virus fl-Ewropa u tar-reġjuni li għandhom jiġu evitati;

10. Jinnota li kull Stat Membru qed isegwi r-rakkomandazzjoni tal-kunsill xjentifiku tiegħu stess mingħajr ma jikkoordina mal-Istati Membri l-oħra jew mal-Kummissjoni;

11. Jistieden lill-Istati Membri jinvestu aktar fl-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki ma' xulxin, inkluż bejn il-kunsilli xjentifiċi tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita skambji bħal dawn;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi metodoloġija komuni għall-ġbir ta' data dwar is-saħħa u għall-għadd u r-rapportar tan-numru ta' mwiet;

13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw l-istess definizzjoni għal każ pożittiv ta' COVID-19 u għal mewt bil-COVID-19 u għall-irkupru mill-infezzjoni;

14. Jirrikonoxxi l-importanza tar-rati ta' inċidenza fl-evalwazzjoni tat-tixrid tal-virus, iżda jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li tiġi vvalutata s-sitwazzjoni billi jitqiesu kriterji oħra tas-saħħa bħar-rata ta' testijiet pożittivi, ir-rati ta' rikoveru l-isptar, u r-rati ta' okkupanza tal-unitajiet tal-kura intensiva;

15. Jissottolinja li dawk il-kriterji tas-saħħa komuni jippermettu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jwettqu analiżi komuni tar-riskju epidemjoloġiku fil-livell tal-UE;

16. Iqis li l-ECDC għandu jkun kapaċi jivvaluta b'mod adegwat u effikaċi r-riskju tat-tixrid tal-virus u jippubblika mappa aġġornata kull ġimgħa tar-riskju abbażi ta' kodiċi komuni ta' kuluri, stabbilit skont l-informazzjoni miġbura u pprovduta mill-Istati Membri;

17. Jappoġġja l-kodiċi ta' kuluri propost mill-Kummissjoni fl-aħħar proposta tagħha għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill; iqis li l-limiti minimi u l-kuluri ssuġġeriti (aħdar, oranġjo, aħmar u griż) se jiffaċilitaw il-moviment fi ħdan l-UE u se jagħtu liċ-ċittadini informazzjoni aktar trasparenti u jiżguraw prevedibbiltà aħjar;

18. Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-approċċ reġjonali ssuġġerit mill-Kummissjoni; iqis li l-immappjar tar-riskji tal-ECDC għandu jsir fil-livell reġjonali u mhux biss fil-livell nazzjonali; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jittrażmettu lill-ECDC id-data miġbura mill-awtoritajiet pubbliċi reġjonali;

19. Jistieden lill-Istati Membri biex fil-ġejjieni jadottaw miżuri għas-saħħa pubblika u soċjali li jkunu aktar immirati, u applikabbli fil-livell reġjonali, inklużi r-reġjuni transfruntieri u l-ewroreġjuni; jenfasizza li f'sitwazzjonijiet tas-saħħa emerġenti, l-istrateġija dwar is-saħħa pubblika għandha tiġi kkoordinata mhux biss fost l-Istati Membri iżda anki mal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

20. Ifakkar li l-ECDC irrakkomanda li l-Istati Membri jsegwu miżuri bażiċi minimi biex jevitaw it-tixrid tal-virus, bħal miżuri ta' iġjene, tbegħid fiżiku u limitazzjoni tal-ammont ta' nies miġburin f'daqqa, l-użu ta' maskri tal-wiċċ f'ambjenti speċifiċi, arranġamenti ta' telexogħol, ittestjar estensiv, l-iżolament ta' każijiet, il-kwarantina ta' persuni li jkunu ġew f'kuntatt ma' persuni infettati u l-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli;

21. Jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-ECDC imsemmija hawn fuq u jiddefinixxu qafas komuni ta' miżuri tas-saħħa li l-awtoritajiet pubbliċi fiż-żoni affettwati għandhom jadottaw sabiex iwaqqfu t-tixrid tal-pandemija;

22. Jirrikonoxxi li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jikkunsidraw u jikkondividu miżuri addizzjonali jekk ir-rata ta' trażmissjoni tiżdied, inklużi interventi li jillimitaw il-moviment tal-popolazzjoni, inaqqsu l-għadd ta' kuntatti għal kull persuna, l-evitar ta' avvenimenti tal-massa, l-għoti ta' attenzjoni partikolari lil żoni b'riskju għoli, l-għeluq tal-iskejjel jew ir-rakkomandazzjoni biex in-nies "jibqgħu d-dar";

23. Iqis li qafas bħal dan isaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u bejn iż-żoni affettwati, u jevita miżuri restrittivi b'reazzjoni għal dan; jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni transfruntieri u jinsistu fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni fil-livell lokali u f'dak reġjonali;

24. Iqis li f'każ ta' żona attiva ta' tixrid transfruntier, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jistabbilixxu flimkien mekkaniżmi tas-saħħa għall-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni f'ħin reali;

25. Jenfasizza li applikazzjoni koordinata tal-miżuri tas-saħħa fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri jidher li hija essenzjali biex ikun żgurat li jkunu konsistenti, effikaċi u appoġġjati mill-popolazzjoni;

26. Jappella għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' ttestjar komuni fl-Istati Membri kollha, speċjalment fir-reġjuni transfruntieri;

27. Iqis li l-Istati Membri għandhom jaqblu dwar in-numru minimu ta' testijiet li għandhom jitwettqu kuljum skont il-kulur taż-żona affettwata;

28. Jissottolinja li l-komparabbiltà tar-riżultati tat-testijiet tippermetti r-rikonoxximent reċiproku bejn il-pajjiżi;

29. Iqis li huwa inaċċettabbli li l-Istati Membri ma jaċċettawx testijiet imwettqa fi Stat Membru ieħor bħala prova ta' nuqqas ta' infettività, anke jekk ikunu saru ġurnata jew tnejn qabel jew ikunu saru ftit lil hinn mill-fruntiera, u li jinsistu li test irid isir fil-laboratorji tagħhom stess; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod reċiproku t-testijiet tal-COVID-19 u r-riżultati tagħhom imwettqa mill-korpi tas-saħħa ċertifikati fi Stati Membri oħra u jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita din l-armonizzazzjoni;

30. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu kapaċitajiet ta' ttestjar adegwati, inklużi laboratorji, biex jiżguraw li kull min ikollu bżonn jagħmel test jista' jagħmlu mingħajr ħinijiet ta' stennija sproporzjonati;

31. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaqblu dwar perjodu ta' kwarantina komuni filwaqt li jikkunsidraw l-opinjoni tal-ECDC;

32. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw protokoll komuni għall-monitoraġġ ta' pazjenti asintomatiċi u miżuri rigward l-iżolament ta' pazjenti li rriżultaw pożittivi għall-COVID-19;

33. Itenni t-talba tiegħu għal monitoraġġ mill-qrib tal-miżuri kollha adottati abbażi tal-ġbir ta' data personali, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jinfurzaw b'mod adegwat ir-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data;

34. Jinsisti li kwalunkwe miżura li tillimita l-privatezza u l-protezzjoni tad-data tagħna trid tkun legali, effikaċi fl-indirizzar tar-riskju għall-ħajja u s-saħħa pubblika, strettament proporzjonata u użata biss għal skopijiet ta' saħħa pubblika, u soġġetta għal limiti ta' żmien stretti; jisħaq li l-inizjattivi ta' emerġenza m'għandhomx iwasslu għal sorveljanza tal-massa wara li tgħaddi l-kriżi u jitlob garanziji f'dan ir-rigward;

35. Jissottolinja li l-metodoloġija u l-kriterji komuni adottati u l-mapep żviluppati mill-ECDC għandhom jiffaċilitaw approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-proċessi deċiżjonali proprji tal-Istati Membri, u jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Istati Membri tkun konsistenti u kkoordinata tajjeb;

36. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq il-wegħda ta' aċċess universali għal vaċċin effikaċi u sikur u tirrinunzja għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, filwaqt li tagħmel vaċċin tal-COVID-19 futur beni pubbliku u tiggarantixxi d-Dritt għall-Kura u tqiegħed is-saħħa pubblika qabel il-profitti privati;

37. Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-pazjent u ta' approċċ iċċentrat fuq il-pazjent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu r-rappreżentanza u l-kontribut tal-pazjenti fil-proċess deċiżjonali fir-rigward tal-politiki tal-kura tas-saħħa;

38. Ifakkar li l-għoti ta' informazzjoni ċara, f'waqtha u komprensiva lill-pubbliku huwa kruċjali biex jiġu limitati l-impatti ta' kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu fis-seħħ, u biex jiġu żgurati l-prevedibbiltà, iċ-ċertezza tad-dritt u l-konformità miċ-ċittadini;

39. Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika parti mis-sit web tagħha biex tagħti ħarsa ġenerali tar-reġjuni infettati kollha bl-użu ta' kodifikazzjoni bil-kuluri armonizzata, biex tipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri nazzjonali, reġjonali u lokali kollha u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fis-seħħ, u biex tiċċara fejn in-nies jistgħu jmorru biex jiġu ttestjati jew biex jingħataw kura tas-saħħa, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u l-vjaġġaturi kollha tal-UE jkunu jistgħu jsibu faċilment l-informazzjoni rilevanti għad-destinazzjonijiet tal-ivvjaġġar tagħhom;

40. Jenfasizza l-importanza ta' informazzjoni ċara, aċċessibbli u li tinftiehem dwar in-numri ta' infezzjonijiet, is-sistemi tal-kura tas-saħħa, il-miżuri fis-seħħ u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza li din l-informazzjoni kruċjali jeħtieġ li tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha u fil-lingwi użati minn partijiet sinifikanti tal-popolazzjoni biex jiġu inklużi l-persuni li jkunu ġejjin minn kuntest migratorju;

41. Jenfasizza li l-informazzjoni kollha trid tkun tinftiehem faċilment mill-popolazzjoni kollha, inklużi persuni b'livell baxx ta' litteriżmu, billi tinkludi kuluri ċari u armonizzati u simboli li jinftiehmu fl-informazzjoni pubblika, u inklużi persuni mingħajr aċċess jew b'aċċess limitat għall-internet billi din l-informazzjoni tingħata wkoll f'format analoġiku fil-postijiet idonei;

42. Iqis li ritorn rapidu għal żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ huwa ta' importanza fundamentali, u jistieden b'mod urġenti lill-Istati Membri jiddiskutu, flimkien mal-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, Pjan ta' Rkupru għal Schengen, inklużi l-modi u l-mezzi kif iż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona bis-sħiħ mingħajr kontroll fil-fruntieri interni u pjanijiet ta' kontinġenza, mill-aktar fis possibbli, sabiex jiġi evitat li l-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru semipermanenti fuq perjodu medju ta' żmien; jikkundanna l-użu ta' restrizzjonijiet diskriminatorji fuq id-dritt ta' dħul mill-awtoritajiet Ungeriżi u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa dwar il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli;

43. Ifakkar li ġew introdotti restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar għall-vjaġġi mhux essenzjali kollha lejn iż-żona Schengen; jissottolinja li d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-rifjut ta' dħul fil-fruntieri esterni jeħtieġ li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali b'mod partikolari, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tiegħu;

44. Jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li matul il-lockdown, biex jitrażżan it-tixrid tal-coronavirus, diversi Stati Membri għalqu l-fruntieri interni tagħhom għall-prodotti u għalhekk ipperikolaw il-provvista ta' prodotti mediċi u tagħmir protettiv essenzjali; jistieden lill-Istati Membri juru solidarjetà ma' dawk l-Istati Membri li jintlaqtu l-aktar minn kwalunkwe mewġa futura tal-pandemija u jevitaw li jitilfu l-fiduċja tal-konsumaturi fil-funzjonament tal-fluss liberu tal-oġġetti;

45. Jappella għal skambju aħjar ta' informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-oġġetti sabiex jiġu evitati nuqqasijiet futuri ta' oġġetti essenzjali madwar l-Ewropa;

46. Jistieden lill-kumpaniji tal-ajru jirrimborżaw lill-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati minħabba l-pandemija mill-aktar fis possibbli, u jissodisfaw l-obbligu tagħhom kif stabbilit fir-Regolament (KE) 261/2004; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-passiġġieri matul din il-pandemija;

47. Jappoġġja l-appell tal-Kummissjoni għal approċċ reġjonali u jitlob lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lir-reġjuni tal-fruntiera u lill-ħaddiema tal-fruntiera li jaħdmu f'setturi essenzjali b'mod partikolari, pereżempju billi jintroduċu l-hekk imsejħa "korsiji ħodor" għal dawn il-ħaddiema;

48. Jinnota li matul il-kriżi pandemika ħafna konsumaturi Ewropej kellhom iħabbtu wiċċhom ma' prodotti protettivi mhux konformi u skemi qarrieqa fis-swieq online; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Att dwar is-Servizzi Diġitali li jmiss biex ittejjeb ir-responsabbiltà tas-swieq online fejn dawn il-prodotti spiss jinbiegħu lill-konsumaturi direttament;

49. Jenfasizza li l-kriżi tal-COVID-19 u r-rigorożità tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri kellhom impatti diżastrużi fuq il-ħaddiema tal-pjattaformi peress li dawn mhuma koperti minn ebda xibka ta' sikurezza finanzjarja; jistieden lill-Istati Membri jikkumpensaw lil dawn il-ħaddiema finanzjarjament u jiżguraw li l-pjattaformi li jużaw is-servizzi tagħhom iħallsu l-parti tagħhom tal-iskemi ta' kumpens;

50. Jinnota li l-kriżi tal-COVID-19 uriet id-dipendenza tal-Ewropa fuq produtturi ta' tagħmir mediku u tagħmir protettiv personali minn pajjiżi terzi; jappella għar-ri-Ewropizzazzjoni tal-produzzjoni medika sabiex isservi l-interess pubbliku u tistabbilixxi kontroll effikaċi tal-epidemija li jibqa' validu fil-futur;

51. Ifakkar li t-tisħiħ tal-għoti pubbliku tal-kura tas-saħħa universali huwa l-aħjar mod kif jiġu miġġielda l-epidemiji globali u kif nipproteġu s-soċjetajiet tagħna; jenfasizza li l-prevenzjoni hija l-aħjar kura; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-kunċett "Saħħa Waħda", li jirrikonoxxi li s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent huma marbutin mill-qrib; ifakkar fl-importanza tas-saħħa fil-politiki kollha; jinnota bi tħassib kif it-temperaturi globali li qed jiżdiedu u l-qerda tal-ħabitats u l-bijodiversità jistgħu jaggravaw bil-kbir ir-riskju ta' mard żoonotiku għas-saħħa pubblika; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu b'mod drastiku l-isforzi biex jitwaqqaf it-tisħin globali u t-telf tal-bijodiversità u l-ħabitats; jitlob li n-Networks Ewropej ta' Referenza jitwessgħu biex jinkludu l-mard infettiv u ż-żoonożi; jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għal irkupru f'saħħtu u ekoloġiku mill-COVID‑19 iridu jiġu implimentati bis-sħiħ fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali;

52. Iwissi li l-ħarsien tas-saħħa pubblika ma jikkorrispondix għat-tiftix tal-profitt, li dejjem se jinkiseb askapitu tal-benessri tan-nies; huwa favur li s-servizzi pubbliċi tas-saħħa għandhom ikunu mingħajr ħlas, ta' kwalità u universali; iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri u l-UE jżidu il-baġit relatat mas-saħħa mill-Istati Membri; jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu dwar it-tnaqqis drammatiku propost mill-Kunsill fil-programm "l-UE għas-Saħħa" u jħeġġu jerġa' jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu u jiżgura li l-programm jirċievi finanzjament suffiċjenti biex jgħin biex tiżdied ir-reżiljenza tas-sistemi pubbliċi tal-kura tas-saħħa u biex jgħin fil-prevenzjoni tal-mard u l-ġlieda kontra l-mard fl-Ewropa; jemmen li s-sistemi pubbliċi tas-saħħa jridu jissaħħu kemm fid-dimensjoni kurattiva kif ukoll f'dik preventiva tagħhom biex ikunu mgħammra u ffinanzjati aħjar biex jindirizzaw kriżijiet tas-saħħa fil-futur;

53. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija għal "Ewropa reżiljenti", li tikkonsisti minn mappa ta' valutazzjoni tar-riskji u għażliet li jindirizzaw ġestjoni tajba u investiment fis-sistemi tal-kura tas-saħħa, u rispons għall-pandemija fil-livell Ewropew, inklużi ktajjen ta' provvista reżiljenti fl-UE;

54. Iqis li t-tisħiħ tar-riżorsi umani – b'rabtiet ta' xogħol effikaċi, pagi ġusti, u kundizzjonijiet adegwati ta' xogħol u ta' protezzjoni – fis-sistemi tas-saħħa nazzjonali tal-Istati Membri huwa essenzjali, u jipprovdilhom it-taħriġ meħtieġ biex jirrispondu għal ħtiġijiet tas-saħħa immedjati u biex isaħħu l-livelli xierqa ta' rispons sabiex jiggarantixxu l-kura tas-saħħa b'mod ġenerali; jitlob li r-rwol tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol jissaħħaħ biex jiġi żgurat li l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa ma jitpoġġewx f'riskju;

55. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.

[2] Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

[3] Testi adottati, P9_TA(2020)0163.

[4] Testi adottati, P9_TA(2020)0205.

[5] ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza