Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0260/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0260/2020

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

    14.9.2020 - (2020/2774(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
    skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Stelios Kouloglou, Giorgos Georgiou
    f'isem il-Grupp GUE/NGL

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0260/2020

    Proċedura : 2020/2774(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B9-0260/2020
    Testi mressqa :
    B9-0260/2020
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    B9‑0260/2020

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

    (2020/2774(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija[1], tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija[2], tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija[3], u tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija[4],

     wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu, tal-20 ta' Ġunju u tat-12 ta' Diċembru 2019, dwar it-Turkija,

     wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-13 ta' Lulju 2020, dwar it-Turkija,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Awwissu 2020 dwar l-attivitajiet ta' tħaffir li reġgħet bdiet it-Turkija,

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2014 dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru[5],

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-mexxejja tal-Med7 tal-10 ta' Settembru 2020 dwar it-Turkija,

     wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi mill-bidu tas-snin 2000, fil-Lvant tal-Mediterran, instabu riżervi kbar ta' gass u dan wassal lill-pajjiżi tar-reġjun biex jaħdmu flimkien u jiffirmaw ftehimiet biex jisfruttaw bl-aħjar mod ir-riżorsi, inkluż permezz tar-riċerka u t-tħaffir fiż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi (ŻEE) tagħhom;

    B. billi minkejja appelli ripetuti min-naħa ta' Ċipru mill-2004 'l hawn, it-Turkija rrifjutat li tinnegozja ftehim ta' demarkazzjoni ma' Nikosija, u sostniet li ma tirrikonoxxix lir-Repubblika ta' Ċipru u tinjora l-konverġenzi li juru li l-idrokarburi huma l-wirt komuni taż-żewġ komunitajiet f'Ċipru; billi t-Turkija ilha mill-2018 twettaq attivitajiet ta' riċerka u ta' tħaffir fiż-ŻEE/fuq il-blata kontinentali ta' Ċipru u dan b'mod kompletament illegali;

    C. billi l-Kunsill Ewropew ikkonferma l-kundanna tal-Unjoni Ewropea għall-attivitajiet ta' tħaffir illegali tat-Turkija fiż-ŻEE/fuq il-blata kontinentali ta' Ċipru; billi b'riżultat ta' dan, l-UE stabbiliet il-qafas ġuridiku biex jiġu imposti sanzjonijiet kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti fl-attivitajiet illegali marbuta mal-enerġija tat-Turkija, li madankollu għadu limitat fir-rigward tal-kontenut tiegħu u, bħala tali, ma jestendix għall-Istat Tork;

    D. billi t-tensjonijiet bejn it-Turkija u l-Eġittu ffriżaw d-diskussjonijiet bilaterali dwar id-demarkazzjoni filwaqt li t-Turkija ma pparteċipatx fil-Forum dwar il-Gass tal-Lvant tal-Mediterran organizzat fil-Kajr fl-2018, li fih anki l-Iżraeljani u l-Palestinjani poġġew fuq l-istess mejda;

    E. billi mill-2002, il-Greċja u t-Turkija kellhom 59 ċiklu ta' taħditiet esploratorji dwar id-demarkazzjoni tal-blat kontinentali/ŻEE tagħhom, l-aħħar waħda saret f'Marzu 2016; billi sfortunatament, wara t-tentattiv ta' kolp ta' stat u minkejja appelli minn Alexis Tsipras, il-Prim Ministru tal-Greċja ta' dak iż-żmien, f'bosta laqgħat mal-President Erdoğan, it-Turkija rrifjutat li tissokta t-taħditiet;

    F. billi fit-12 ta' Diċembru 2019 il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu, ikkonferma li l-Memorandum ta' Qbil bejn it-Turkija u l-Libja dwar id-demarkazzjoni tal-ġurisdizzjonijiet marittimi fil-Baħar Mediterran jikser id-drittijiet sovrani ta' pajjiżi terzi, mhuwiex konformi mad-Dritt tal-Baħar u ma jistax ikollu konsegwenzi ġuridiċi għal pajjiżi terzi;

    G. billi mill-2004, fi stadji differenti, it-Turkija ressqet unilateralment lin-NU l-koordinati ta' dik li hija tqis bħala l-blata kontinentali/ŻEE tagħha fil-Lvant tal-Mediterran (minn Ċipru sa Kreta);

    H. billi f'Lulju 2020, wara s-summit tal-Kunsill Ewropew, it-Turkija ħarġet twissija navali — magħrufa bħala Navtex — li kienet qed tibgħat il-bastiment ta' riċerka tagħha, Oruç Reis, biex iwettaq stħarriġ ta' tħaffir fil-blata kontinentali Griega qrib il-gżira Griega ta' Kastellorizo u fil-Lbiċ tat-Turkija;

    I. billi wara l-intervent tal-Presidenza Ġermaniża, it-Turkija impenjat ruħha li terġa' tibda taħditiet esploratorji u li għal xahar ma tibgħatx il-bastiment Oruç Reis fiż-żona; billi t-Turkija madankollu reġgħet lura minn dan l-impenn u invokat il-fatt li, sadanittant, il-Greċja kienet iffirmat ftehim ta' demarkazzjoni mal-Eġittu (li kien kompletament konformi mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar); billi l-Oruç Reis ħalla l-port fil-10 ta' Awwissu 2020 u, sal-lum, qed jikser kontinwament id-drittijiet sovrani Griegi taħt Kastellorizo billi jwettaq attività ta' riċerka, skortat minn 17-il bastiment tal-gwerra u żewġ bastimenti awżiljarji fiż-żona; billi fl-istess ħin, il-flotta Torka ġiet stazzjonata fil-Baħar Eġew; billi, barra minn hekk, it-Turkija ħabbret li f'Settembru 2020 se twettaq attività ta' riċerka f'żoni sal-kosta tal-Punent ta' Kreta li ġew iddemarkati bħala Griegi abbażi tal-ftehim Greċja-Eġittu;

    J. billi t-Turkija għandha tevita theddid u azzjonijiet li jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet ta' bon viċinat u għandha tirrispetta s-sovranità u l-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri tal-UE fuq l-ibħra territorjali u l-ispazju tal-ajru tagħhom, kif ukoll id-drittijiet sovrani kollha tagħhom, inkluż, b'mod partikolari, id-dritt li jwettqu esplorazzjoni għar-riżorsi naturali u li jisfruttaw, jippreservaw u jamministraw l-istess riżorsi naturali skont id-dritt tal-UE u d-dritt internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar;

    K. billi l-Karta tan-NU tipprevedi li l-Istati għandhom jimpenjaw infushom li jsolvu b'mezzi paċifiċi kwalunkwe tilwim internazzjonali li jistgħu jkunu involuti fih, b'tali mod li l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-ġustizzja ma jiġux ipperikolati, u li fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jastjenu milli jirrikorru għat-theddid jew għall-użu tal-forza bi kwalunkwe mod li jkun inkonsistenti mal-iskopijiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

    1. Jikkundanna bil-qawwa l-attivitajiet ta' tħaffir illegali unilaterali tat-Turkija li wasslu għal eskalazzjoni perikoluża, u li jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt internazzjonali, u li qed idgħajfu l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun kollu kemm hu;

    2. Jieħu nota tal-konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu, tal-20 ta' Ġunju 2019, dwar it-Turkija. Jafferma mill-ġdid il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17-18 ta' Ottubru 2019 dwar l-attivitajiet ta' tħaffir illegali tat-Turkija fiż-ŻEE ta' Ċipru;

    3. Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019 rigward il-Memorandum ta' Qbil illegali bejn it-Turkija u l-Libja dwar id-demarkazzjoni tal-ġurisdizzjonijiet marittimi fil-Baħar Mediterran li jikser id-drittijiet sovrani ta' pajjiżi terzi, ma jikkonformax mad-Dritt tal-Baħar u ma jistax ikollu konsegwenzi ġuridiċi għal pajjiżi terzi;

    4. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Grieg u Ċiprijott;

    5. Jistieden lill-VP/RGħ iwassal il-pożizzjoni ċara tal-UE lill-awtoritajiet Torok;

    6. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Presidenza Ġermaniża jintensifikaw id-djalogu mal-awtoritajiet Torok bil-għan li tonqos malajr it-tensjoni fis-sitwazzjoni u li jissuktaw t-taħditiet esploratorji ħalli l-kwistjoni tkun riżolta fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja;

    7. Jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jadotta miżuri ekonomiċi xierqa u qawwija u li huma mmirati lejn t-Turkija, mingħajr ma jaffettwaw lis-soċjetà ċivili jew lill-poplu li diġà ntlaqtu ħażin mill-kriżi ekonomika tal-pajjiż; jenfasizza li dawn is-sanzjonijiet iridu jiġu implimentati sakemm it-Turkija ma temmx l-attivitajiet provokattivi tagħha fiż-ŻEE/fil-blat kontinentali tal-Greċja u ta' Ċipru u tirtira l-bastimenti tal-gwerra u l-bastimenti l-oħra tagħha;

    8. Jistieden lill-Kunsill jaqbel dwar embargo fuq l-armi fuq it-Turkija fl-UE kollha;

    9. Itenni l-gravità tal-konsegwenzi li jippreżentaw eskalazzjoni u destabbilizzazzjoni akbar fir-reġjun, kemm għar-reġjun innifsu kif ukoll għall-UE, b'riskji ta' sigurtà, kriżijiet umanitarji u flussi migratorji li qed jiżdiedu, kif ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali serji ta' tellieqa tal-armi bejn il-Greċja u t-Turkija; jistieden lill-Kummissjoni tħejji lill-UE fl-aspetti kollha tagħha biex tirreaġixxi bl-aħjar mod għal kwalunkwe sitwazzjoni li tista' tinqala' u tinforma lill-Parlament Ewropew bi kwalunkwe konsegwenza ta' eskalazzjoni u destabbilizzazzjoni ulterjuri fir-reġjun;

    10. Jiddeplora l-fatt li ż-żieda fl-eskalazzjoni tat-tensjoni timmina l-prospettivi għall-issuktar tat-taħditiet diretti dwar ir-riżoluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru, filwaqt li din tibqa' l-aktar triq effettiva fir-rigward tal-prospettivi għad-demarkazzjoni taż-ŻEE bejn Ċipru u t-Turkija;

    11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lit-Turkija u jiżgura t-traduzzjoni ta' dan it-test bit-Tork.

    Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020
    Avviż legali - Politika tal-privatezza