Proċedura : 2020/2774(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0263/2020

Testi mressqa :

B9-0263/2020

Dibattiti :

PV 15/09/2020 - 6
CRE 15/09/2020 - 6

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0230

<Date>{14/09/2020}14.9.2020</Date>
<NoDocSe>B9‑0263/2020</NoDocSe>
PDF 161kWORD 47k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar it-tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran</Titre>

<DocRef>(2020/2774(RSP)) </DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Sergey Lagodinsky, Viola Von Cramon‑Taubadel, Jordi Solé, Mounir Satouri, Hannah Neumann, Tineke Strik, François Alfonsi, Alviina Alametsä, Ernest Urtasun, Petra De Sutter, Monika Vana, Diana Riba i Giner, Reinhard Bütikofer</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0260/2020

B9‑0263/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

(2020/2774(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija[1], tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija[2], tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija[3], tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija[4] u tad-19 ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija, b'mod partikolari t-tneħħija ta' sindki eletti[5],

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2019)0260) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2019)0220),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-attivitajiet ta' tħaffir mit-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew dwar it-Turkija, b'mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/275 tas-27 ta' Frar 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1894 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta' tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran[6],

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li tagħha huma firmatarji l-Greċja u Ċipru, u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

A. billi t-tensjonijiet dejjem akbar fil-Lvant tal-Mediterran huma mkebbsa minn bosta fatturi, b'mod partikolari l-miżuri unilaterali adottati mill-partijiet ikkonċernati, inkluża l-azzjoni militari, in-nuqqas ta' djalogu diplomatiku inklussiv u l-falliment deplorevoli tal-isforzi ta' medjazzjoni tal-kunflitt;

B. billi ż-żewġ partijiet għandhom rivendikazzjonijiet leġittimi u billi l-iżvilupp intrinsikament kumpless tad-dritt tal-baħar huwa interpretat b'mod differenti mill-Greċja u mit-Turkija; billi t-Turkija ma ffirmatx il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982, li tagħha l-Greċja u Ċipru huma firmatarji, minħabba t-tilwima marittima li għaddejja dwar id-demarkazzjoni ta' żona ekonomika esklussiva (ŻEE); billi t-tilwima msemmija qabel dwar id-demarkazzjoni taż-ŻEE u l-blata kontinentali bejn it-Turkija, minn naħa, u l-Greċja u Ċipru, mill-oħra, ilha mhux solvuta minn Novembru 1973;

C. billi l-iskoperta ta' riżervi ta' gass importanti fil-Mediterran, inkluża dik tal-baċir Leviathan fl-2010, segwita fl-2015 minn dik tal-baċir Zohr fil-baħar tal-Eġittu, l-akbar skoperta ta' gass naturali li qatt saret fil-Mediterran, qanqlu interess fir-reġjun u wasslu għal aktar esplorazzjonijiet u tħaffir fl-2018 u fl-2019; billi ż-żoni fejn it-Turkija għaddejja bil-missjonijiet ta' esplorazzjoni u bit-tħaffir għadhom mingħajr provi dwar l-eżistenza ta' riżervi;

D. billi t-Turkija u l-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali tal-Libja ffirmaw Memorandum ta' Qbil fl-2019 dwar id-demarkazzjoni tat-territorji marittimi fil-Lvant tal-Mediterran; billi l-Memorandum ta' Qbil bejn it-Turkija u l-Libja dwar id-demarkazzjoni tal-ġurisdizzjonijiet marittimi fil-Baħar Mediterran jikser id-drittijiet sovrani ta' Stati terzi, mhuwiex konformi mad-dritt tal-baħar u ma jista' jipproduċi l-ebda effett ġuridiku fil-konfront ta' Stati terzi;

E. billi l-istabbiliment uffiċjali tal-EastMed Gas Forum fil-Kajr fis-16 ta' Jannar 2020 min-naħa tal-Eġittu, Iżrael, l-Awtorità Palestinjana, il-Ġordan, il-Greċja, Ċipru u l-Italja ġie kkritikat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Tork talli dan il-Forum ipprova jeskludi lil Ankara mill-kooperazzjoni u mill-koordinament reġjonali fis-suq tal-gass;

F. billi t-tentattivi ta' medjazzjoni mmexxija mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill matul Lulju u Awwissu fallew b'mod deplorevoli, anki minħabba l-konklużjoni tal-ftehim marittimu bilaterali bejn l-Eġittu u l-Greċja, li jiddemarka żona ekonomika esklussiva għad-drittijiet ta' tħaffir ta' żejt u ta' gass, iffirmat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Grieg fis-6 ta' Awwissu 2020;

G. billi fl-10 ta' Awwissu t-Turkija bagħtet il-bastiment ta' riċerka Oruç Reis, akkumpanjat minn bastimenti tal-gwerra, fl-ibħra Griegi biex jimmappjaw it-territorju marittimu għall-possibbiltà ta' tħaffir għaż-żejt u għall-gass f'żona li fiha anki t-Turkija għandha rivendikazzjonijiet ta' ġurisdizzjoni; billi l-Greċja wieġbet billi bagħtet il-bastimenti tal-gwerra tagħha biex issegwi l-bastimenti Torok, u wieħed minnhom ħabat ma' bastiment Grieg; billi fil-31 ta' Awwissu 2020 it-Turkija pprorogat l-esplorazzjonijiet ta' Oruç Reis fil-Lvant tal-Mediterran sat-12 ta' Settembru; billi l-Greċja ddikjarat illegali t-twissija navali (Navtex) tat-Turkija inkwantu tikkonċerna żona li tinsab fuq il-blata kontinentali Griega; billi tali attivitajiet tat-Turkija wasslu għal deterjorament sinifikanti tar-relazzjonijiet bejn il-Greċja u t-Turkija; billi fit-13 ta' Settembru l-bastiment ta' riċerka sismika tat-Turkija, Oruç Reis, mar lura fl-ibħra viċin il-provinċja tan-Nofsinhar ta' Antalya, mossa li tista' ttaffi t-tensjonijiet bejn Ankara u Ateni;

1. Jinsab estremament inkwetat bit-tilwima li għaddejja u r-riskju relatat ta' eskalazzjoni militari ulterjuri fil-Lvant tal-Mediterran bejn Stati Membri tal-UE u pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE, li huma wkoll alleati fin-NATO; jemmen b'konvinzjoni li tista' tinstab soluzzjoni sostenibbli tal-kunflitt biss permezz tad-djalogu, tad-diplomazija u ta' konċessjonijiet miż-żewġ naħat;

2. Ifaħħar lit-Turkija talli għamlet l-ewwel pass lejn it-taffija tat-tensjonijiet fil-Lvant tal-Mediterran billi rtirat il-bastiment ta' riċerka sismika tagħha Oruç Reis mill-ibħra li fuqhom għaddejja t-tilwima; iħeġġeġ lit-Turkija tastjeni minn kull provokazzjoni ulterjuri fil-futur u tkompli tikkontribwixxi b'mod attiv biex ittaffi t-tensjoni tas-sitwazzjoni, anki billi ttemm minnufih kwalunkwe attività illegali ġdida ta' esplorazzjoni u tħaffir fil-Lvant tal-Mediterran, tastjeni milli tikser l-ispazju tal-ajru Grieg u l-ibħra territorjali Griegi u Ċiprijotti u tiddiżassoċja ruħha mir-retorika belliġeranti nazzjonalistika;

3. Jistieden lit-Turkija tirrispetta bis-sħiħ id-dritt tal-baħar u s-sovranità tal-Istati Membri tal-UE, il-Greċja u Ċipru, inklużi d-drittijiet sovrani tagħhom fiż-żoni marittimi tagħhom fir-rigward tal-isfruttament tar-riżorsi naturali;

4. Jistieden lill-atturi rilevanti kollha jimpenjaw ruħhom biex, b'mod urġenti, itaffu t-tensjonijiet billi jirtiraw il-preżenza militari tagħhom fir-reġjun bil-għan li jippermettu d-djalogu u l-kooperazzjoni effettiva u jastjenu mir-retorika belliġeranti li tqanqal sentimenti nazzjonalistiċi fost l-eletturi fil-pajjiżi kkonċernati;

5. Iħeġġeġ lit-Turkija, lill-Greċja u lil Ċipru jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv biex isibu soluzzjoni paċifika, jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex sa fl-aħħar jaslu għal riżoluzzjoni tat-tilwim relatati mal-fruntieri tal-art u tal-baħar, jimpenjaw ruħhom favur relazzjonijiet ta' bon viċinat, ir-rispett tal-ftehimiet internazzjonali u r-riżoluzzjoni tat-tilwim skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

6. Iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha jsostnu attivament in-negozjati għal soluzzjoni ekwa, komprensiva u prattikabbli tal-kwistjoni ta' Ċipru fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, kif definit mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, skont id-dritt internazzjonali, l-acquis tal-UE u fuq il-bażi tar-rispett tal-prinċipji li fuqhom tissejjes l-Unjoni;

7. Jilqa' pożittivament l-isforzi li għamlet l-UE, u speċjalment il-Presidenza Ġermaniża, biex tikkontribwixxi ħalli tinstab soluzzjoni permezz tad-djalogu u tad-diplomazija; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tan-NATO għar-rikonċiljazzjoni bejn l-Istati Membri tagħha, il-Greċja u t-Turkija, fit-tilwima tagħhom fil-Lvant tal-Mediterran u għat-taffija tat-tensjonijiet militari kif ukoll għall-prevenzjoni ta' ġlied inċidentali;

8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha jimmiraw lejn djalogu usa' u aktar inklussiv mat-Turkija pjuttost milli jippromwovu aktar miżuri ta' eskalazzjoni militari u politika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu sod f'dan id-djalogu l-impenn favur il-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, inkluż ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-prinċipju tas-solidarjetà;

9. Jistieden lill-partijiet involuti fil-kunflitt imorru lura għall-istatus quo ante bil-għan li jtaffu t-tensjonijiet u jagħtu bidu għal djalogu dwar arkitettura ta' sigurtà komprensiva u strateġika u l-kooperazzjoni enerġetika għall-Mediterran; iħeġġeġ lill-partijiet jirreferu l-kwistjonijiet kollha lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tal-Aja jew jirrikorru għall-arbitraġġ internazzjonali jekk ma jkunx possibbli li tinstab soluzzjoni permezz tal-medjazzjoni;

10. Ifakkar lill-partijiet involuti fil-kunflitt li l-missjonijiet attwali ta' esplorazzjoni u ta' tħaffir għar-riżorsi fossili li qiegħda twettaq it-Turkija għadhom ma kkonfermawx l-eżistenza ta' tali riżervi; jitlob b'urġenza valutazzjoni komprensiva tar-riskju ambjentali ta' kwalunkwe attività ta' tħaffir, fid-dawl tal-bosta riskji assoċjati mal-esplorazzjoni ta' gass fuq il-baħar għall-ambjent, għall-ħaddiema u għall-popolazzjonijiet lokali; jistieden lill-partijiet involuti fil-kunflitt jerġgħu jikkunsidraw konġuntament il-pjanijiet ta' esplorazzjoni u ta' tħaffir tagħhom u jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jinvestu fl-enerġija rinnovabbli u f'futur sostenibbli u ekokompatibbli; jistieden lill-UE ssostni l-iżvilupp ta' Patt Ekoloġiku għall-Mediterran, li jkun jinkludi pjanijiet ta' investiment fl-enerġija rinnovabbli fir-reġjun kollu kemm hu, bil-għan li jiġi evitat tilwim dwar ir-riżorsi fossili limitati li jagħmlu ħsara lill-klima u lill-ambjent tagħna;

11. Jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu u t-tħassib tiegħu għall-qagħda attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, kaġun l-aktar tas-sitwazzjoni ferm gravi tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, tal-erożjoni tal-istat tad-dritt u tal-iżvilupp intern profondament antidemokratiku taħt ir-reġim awtoritarju tal-President Erdoğan; jissottolinja l-effetti negattivi tal-imgħoddi u tal-lum tal-inizjattivi unilaterali tal-politika barranija tat-Turkija fir-reġjun kollu kemm hu u jisħaq fuq il-fatt li l-attivitajiet illegali ta' esplorazzjoni u ta' tħaffir tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran ikomplu jikkontribwixxu għad-deterjorament tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija b'mod ġenerali; jistieden lit-Turkija u lill-Istati Membri tal-UE jsostnu r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt u d-djalogu politiki fil-Libja, u jastjenu milli jinkoraġġixxu u jżidu d-dinamika fil-kunflitt Libjan ħalli jfittxu vantaġġi territorjali fil-Mediterran jew influwenza politika fil-Libja;

12. Jittama li jkunu jistgħu jiġu evitati sanzjonijiet ulterjuri u minflokhom ikun hemm djalogu u kooperazzjoni sinċiera; jistieden fl-istess ħin lill-Kunsill ikun lest ifassal u jattwa lista ta' miżuri restrittivi f'każ li t-Turkija tkompli taggrava s-sitwazzjoni billi tikser l-integrità territorjali tal-Istati Membri tal-UE u d-dritt internazzjonali; jipproponi li dawn il-miżuri jkunu jinkludu ċ-ċessazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-armi lit-Turkija skont il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK sakemm it-Turkija tkompli l-azzjonijiet illegali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran;

13. Jiddeplora u jikkritika l-fatt li Ċipru u l-Greċja jagħmlu l-approvazzjoni tas-sanzjonijiet fil-kuntest tal-Belarussja kundizzjonali għall-approvazzjoni ta' sanzjonijiet fil-konfront tat-Turkija fil-kuntest tat-tilwima dwar il-gass fil-Lvant tal-Mediterran; jenfasizza li l-kunflitt fil-Mediterran ma għandu l-ebda rabta tanġibbli mas-soppressjoni tad-demokrazija fil-Belarussja;

14. Itenni li d-djalogu parlamentari bejn l-UE u t-Turkija huwa element importanti tad-djalogu u tal-isforzi biex jittaffew it-tensjonijiet; jiddeplora bil-kbir ir-rifjut kontinwu min-naħa tal-Assemblea l-Kbira Torka li jerġgħu jsiru l-laqgħat bilaterali tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Turkija; jitlob il-kontiwazzjoni immedjata ta' dawn is-sessjonijiet;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari u lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija kif ukoll lill-Istati Membri tal-UE.

 

[1] ĠU C 224, 27.6.2018, p. 93.

[2] ĠU C 215, 19.6.2018, p. 199.

[3] ĠU C 463, 21.12.2018, p. 56.

[4] Testi adottati, P8_TA(2019)0200.

[5] Testi adottati, P9_TA(2019)0017.

[6] ĠU L 56I, 27.2.2020, p. 5.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza