MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran
14.9.2020 - (2020/2774(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Kati Piri, Tonino Picula, Nacho Sánchez Amor
f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0260/2020
B9‑0264/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija[1], tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija[2], tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija[3], tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija[4], tad-19 ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija, b'mod partikolari t-tneħħija ta' sindki eletti[5] u tat-13 ta' Novembru 2014 dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru[6],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2019)0260) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2019)0220),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/275 tas-27 ta' Frar 2020 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta' tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran, u l-konklużjonijiet rilevanti preċedenti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew dwar it-Turkija,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) li tagħha l-Greċja u Ċipru, kif ukoll l-Unjoni Ewropea, huma parti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jobbliga lill-Istati Membri biex jgħinu u jassistu Stat Membru li jisfa vittma ta' aggressjoni armata fit-territorju tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Lvant tal-Mediterran, żona ta' importanza strateġika għall-UE u żona ewlenija għall-paċi u l-istabbiltà tar-reġjuni kollha tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani, ilu għal bosta snin mifni minn sensiela kumplessa ta' tilwimiet ta' natura politika, ekonomika u ġeostrateġika; billi dan l-aħħar kien hemm eskalazzjoni serja fit-tilwim dwar il-firxa taż-żoni ekonomiċi esklussivi (ŻEE) u l-blat kontinentali, bħala riżultat ta' azzjonijiet illegali Torok li jirriżultaw minn interpretazzjonijiet differenti tad-dritt marittimu; billi hemm pretensjonijiet reċiproċi li l-interpretazzjoni tad-dritt marittimu min-naħa l-oħra tmur kontra d-dritt internazzjonali u li l-attivitajiet tan-naħa l-oħra huma illegali; billi dawn it-tilwimiet ma jistgħux jiġu solvuti permezz tal-użu tal-forza u għandhom jiġu indirizzati permezz ta' djalogu u kooperazzjoni u fl-aħħar mill-aħħar solvuti mill-qrati rilevanti permezz tal-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali;
B. billi l-mod li bih it-Turkija ddeċidiet aktar reċentement li tasserixxi l-pretensjonijiet tagħha, inklużi azzjonijiet unilaterali b'komponent militari qawwi u lingwaġġ abbużiv, huwa inaċċettabbli u mhux f'loku għal pajjiż kandidat tal-UE; billi l-UE hija ċara u determinata li tiddefendi l-interessi tal-Unjoni Ewropea, billi turi l-appoġġ sod u s-solidarjetà tagħha mal-Greċja u Ċipru u tirrispetta d-dritt internazzjonali;
C. billi l-attivitajiet illegali ta' esplorazzjoni u tħaffir mit-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran qed iseħħu bil-parteċipazzjoni attiva tal-militar Tork, li jirriżultaw f'militarizzazzjoni intensa u perikoluża tal-Lvant tal-Mediterran, u b'hekk joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà tar-reġjun kollu; billi dawn l-attivitajiet mit-Turkija huma akkumpanjati minn retorika dejjem aktar ostili kemm kontra l-Greċja kif ukoll kontra Ċipru, Stati Membri oħra tal-UE u l-UE nnifisha;
D. billi fl-20 ta' April 2020, it-Turkija bagħtet il-bastiment tat-tħaffir Yavuz, akkumpanjat minn bastiment navali Tork, fiż-ŻEE ta' Ċipru; billi fit-30 ta' Lulju 2020, it-Turkija bagħtet il-bastiment tar-riċerka sismika Barbaros, akkumpanjat minn bastiment tal-gwerra Tork u bastiment ieħor ta' sostenn, fiż-ŻEE ta' Ċipru; billi fl-10 ta' Awwissu 2020, it-Turkija bagħtet il-bastiment ta' riċerka Oruç Reis akkumpanjat minn bastimenti tal-gwerra fl-ibħra Griegi biex jimmappjaw it-territorju tal-baħar għall-possibbiltà ta' tħaffir għaż-żejt u l-gass f'żona fejn it-Turkija titlob ukoll ġurisdizzjoni; billi, bħala reazzjoni, il-Greċja wieġbet billi bagħtet il-bastimenti tal-gwerra tagħha stess biex tittraċċa l-bastimenti Torok, u wieħed minnhom ħabat ma' vapur Grieg;
E. billi fil-31 ta' Awwissu 2020 it-Turkija reġgħet wessgħat l-esplorazzjoni tagħha fil-Lvant tal-Mediterran permezz ta' Oruç Reis sat-12 ta' Settembru 2020; billi t-twissija navali (Navtex) tat-Turkija tikkonċerna żona li tinsab fuq il-blata kontinentali Griega; billi tali attivitajiet tat-Turkija wasslu għal deterjorament sinifikanti tar-relazzjonijiet bejn il-Greċja u t-Turkija;
F. billi fit-8 ta' Ġunju 1995, il-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija uffiċjalment ddikjarat li kwalunkwe azzjoni mill-Greċja biex testendi l-ibħra territorjali tagħha għal 12-il mil nawtiku fil-Baħar Eġew, kif rikonoxxut mill-UNCLOS, tkun casus belli; billi din id-dikjarazzjoni għadha valida u dan l-aħħar ġiet imfakkra mill-Gvern Tork;
G. billi l-VP/RGħ Borrell, li żvolġa attività intensa fir-reġjun, flimkien mal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, qed ifittex soluzzjonijiet permezz ta' djalogu bejn it-Turkija, il-Greċja u Ċipru; billi sabiex id-djalogu jkun jista' javvanza, it-Turkija għandha toqgħod lura minn azzjonijiet unilaterali;
H. billi n-NATO pproponiet ukoll inizjattivi differenti għad-djalogu bejn il-partijiet; billi fuq l-inizjattiva tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO, il-Greċja u t-Turkija qablu li jidħlu f'taħditiet tekniċi man-NATO biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta' koordinament militari ħalli jitnaqqas ir-riskju ta' inċidenti u aċċidenti fil-Lvant tal-Mediterran;
I. billi t-Turkija ma ffirmatx l-UNCLOS, li hija parti mill-acquis tal-UE; billi t-Turkija ffirmat il-Memorandum ta' Qbil marittimu mal-Libja, li huwa illegali u jmur kontra l-UNCLOS u d-dritt internazzjonali; billi fis-6 ta' Awwissu 2020 il-Greċja ffirmat ftehim dwar ŻEE mal-Eġittu; billi l-aħbar tal-ftehim bejn il-Greċja u l-Eġittu wasslet lit-Turkija biex tikkanċella t-taħditiet esploratorji li ntlaħaq qbil dwarhom ġurnata qabel;
J. billi f'Novembru 2019, ġie stabbilit qafas għal miżuri restrittivi bi tweġiba għall-attivitajiet ta' tħaffir illegali tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran wara li l-Kunsill ripetutament esprima t-tħassib tiegħu u kkundanna bil-qawwa l-attivitajiet ta' tħaffir f'diversi ġabriet ta' konklużjonijiet, inkluż il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu 2018 u tal-20 ta' Ġunju 2019;
K. billi fis-27 ta' Frar 2020 il-Kunsill poġġa żewġ persuni taħt miżuri restrittivi fir-rigward tal-attivitajiet ta' tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran; billi dawn il-persuni huma responsabbli għall-ippjanar, id-direzzjoni u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet ta' esplorazzjoni offshore ta' idrokarburi fil-Lvant tal-Mediterran li ma ġewx awtorizzati minn Ċipru, jew huma involuti f'dawn l-attivitajiet; billi l-miżuri restrittivi jikkonsistu fi projbizzjoni ta' vjaġġar fl-UE u ffriżar tal-assi;
L. billi fit-28 ta' Awwissu 2020 il-laqgħa informali tal-Kunsill (Gymnich) appellat għal aktar sanzjonijiet immirati kontra t-Turkija fil-każ li ma tnaqqasx it-tensjonijiet fir-reġjun; billi dawn il-miżuri restrittivi se jiġu diskussi fis-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew fl-24 u l-25 ta' Settembru 2020;
1. Jistieden lit-Turkija turi rażan, tnaqqas it-tensjoni tas-sitwazzjoni u żżomm lura minn kwalunkwe attività illegali oħra ta' esplorazzjoni u tħaffir fil-Lvant tal-Mediterran; jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu li t-theddida ta' casus belli maħruġa mit-Turkija fl-1995 kontra l-Greċja għadha tgħodd u jitlob li tiġi rtirata; jirrifjuta l-użu ta' theddid u lingwaġġ abbużiv fil-konfront tal-Istati Membri u tal-UE, li huma inaċċettabbli u mhux f'lokhom għal pajjiż kandidat tal-UE;
2. Jappoġġja bil-qawwa r-ritorn għad-djalogu bejn il-partijiet bħala l-uniku mezz biex tingħeleb is-sitwazzjoni attwali; iqis l-irtirar ta' kwalunkwe bastiment militari u esploratorju mill-ibħra kkontestati bħala ġest meħtieġ ta' rieda tajba sabiex jiġi ffaċilitat dan id-djalogu; jinsab imħasseb ħafna li fix-xenarju attwali ta' tensjoni estrema ta' żieda fil-militarizzazzjoni, kwalunkwe inċident, kemm jekk intenzjonat kif ukoll jekk aċċidentali, jista' jwassal għal kunflitt reali li jista' jkollu konsegwenzi serji għall-partijiet kollha involuti;
3. Jikkundanna l-attivitajiet illegali tat-Turkija fil-blata kontinentali/ŻEE tal-Greċja u Ċipru, li jiksru d-drittijiet sovrani ta' dawn l-Istati Membri tal-UE; iħeġġeġ lit-Turkija timpenja ruħha fis-soluzzjoni paċifika tat-tilwim u żżomm lura minn kwalunkwe azzjoni jew theddida unilaterali u illegali, peress li dan jista' jkollu impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tajba ta' viċinat; għaldaqstant jistieden lit-Turkija tintensifika l-isforzi tagħha sabiex issolvi kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi obbligi ġuridiċi li għadhom mhux solvuti u tilwimiet mhux riżolti mal-ġirien immedjati tagħha dwar fruntieri tal-art u tal-baħar u dwar l-ispazju tal-ajru, skont id-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali; itenni l-appell tiegħu lill-Gvern Tork biex jiffirma u jirratifika l-UNCLOS, li hija parti mill-acquis tal-UE; jistieden lill-partijiet kollha involuti jaqblu li jirrikorru għall-qrati internazzjonali rilevanti biex isolvu l-pretensjonijiet konfliġġenti tagħhom skont id-dritt internazzjonali jekk ma jkun jista' jintlaħaq l-ebda ftehim bejniethom; ifakkar li kemm il-Greċja kif ukoll Ċipru diġà talbu lit-Turkija tirreferi l-każ lill-qrati internazzjonali rilevanti, iżda t-Turkija ma aċċettatx il-proposta;
4. Jistieden lit-Turkija, bħala pajjiż kandidat tal-UE, biex tirrispetta bis-sħiħ id-dritt marittimu u s-sovranità tal-Greċja u Ċipru, li huma Stati Membri tal-UE, fuq il-baħar territorjali tagħhom, kif ukoll id-drittijiet sovrani kollha tagħhom fiż-żoni marittimi tagħhom, inklużi dawk id-drittijiet relatati mat-tiftix u l-isfruttament tar-riżorsi naturali, bħad-dritt li jidħlu fi ftehimiet bilaterali dwar iż-ŻEE tagħhom, skont l-acquis tal-UE u d-dritt internazzjonali; iħeġġeġ lit-Turkija ttemm il-ksur ripetut tal-ispazju tal-ajru Grieg u tal-ibħra territorjali Griegi u Ċiprijotti, u tirrispetta l-integrità territorjali ta' kull pajjiż ġar tagħha;
5. Jilqa' l-isforzi li saru mill-UE, b'mod partikolari mill-VP/RGħ Borrell u mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u istituzzjonijiet internazzjonali oħra bħan-NATO, biex ifittxu soluzzjonijiet permezz ta' djalogu bejn it-Turkija, il-Greċja u Ċipru; jistieden lin-naħat kollha biex f'impenn kollettiv ġenwin jinnegozjaw id-delimitazzjoni taż-ŻEE u l-blata kontinentali b'rieda tajba, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt internazzjonali u l-prinċipju ta' relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien; jappoġġja l-proposta għal konferenza multilaterali dwar il-Lvant tal-Mediterran bil-parteċipazzjoni tal-atturi kollha involuti, biex tipprovdi pjattaforma għas-soluzzjoni tat-tilwim permezz tad-djalogu; jiddispjaċih li t-Turkija kkanċellat it-taħditiet esploratorji bejnha u l-Greċja wara l-konklużjoni tal-ftehim marittimu bejn il-Greċja u l-Eġittu fis-6 ta' Awwissu 2020;
6. Jesprimi tħassib serju u jissottolinja l-impatt negattiv li l-attivitajiet illegali ta' esplorazzjoni u tħaffir tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran għandhom fil-firxa tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, inkluż l-istatus ta' kandidat tagħha, kif ukoll l-impatt negattiv li din l-azzjoni u azzjonijiet oħra fil-qafas tal-politika barranija attwali tat-Turkija qed ikollhom fuq l-istabbiltà tar-reġjun kollu;
7. Jistieden lill-Kunsill, fin-nuqqas ta' kwalunkwe progress sinifikanti fl-involviment mat-Turkija, biex jiżviluppa lista ta' sanzjonijiet ulterjuri, li tiġi diskussa fis-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew fl-24 u l-25 ta' Settembru 2020; jieħu l-pożizzjoni soda li dawn is-sanzjonijiet m'għandux ikollhom impatt negattiv fuq il-poplu tat-Turkija, fuq l-appoġġ tagħna għas-soċjetà ċivili indipendenti tat-Turkija, jew fuq ir-rifuġjati li jgħixu fit-Turkija;
8. Jistieden lill-VP/RGħ sabiex, sakemm it-Turkija tkompli bl-azzjonijiet attwali unilaterali u illegali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran, li jmorru kontra s-sovranità tal-Istati Membri tal-UE (partikolarment tal-Greċja u Ċipru) u d-dritt internazzjonali, u sakemm tibqa' ma tipparteċipax fi djalogu bbażat fuq id-dritt internazzjonali, jintroduċi inizjattiva fil-Kunsill biex l-Istati Membri kollha jieqfu milli joħorġu liċenzji għall-esportazzjonijiet ta' armi lejn it-Turkija b'konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK[7];
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.
- [1] ĠU C 224, 27.6.2018, p. 93.
- [2] ĠU C 215, 19.6.2018, p. 199.
- [3] ĠU C 463, 21.12.2018, p. 56.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2019)0200.
- [5] Testi adottati, P9_TA(2019)0017.
- [6] ĠU C 285, 5.8.2016, p. 11.
- [7] ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.