Proċedura : 2020/2780(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0265/2020

Testi mressqa :

B9-0265/2020

Dibattiti :

PV 15/09/2020 - 11
CRE 15/09/2020 - 11

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0240

<Date>{14/09/2020}14.9.2020</Date>
<NoDocSe>B9-0265/2020</NoDocSe>
PDF 163kWORD 48k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar il-COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona Schengen</Titre>

<DocRef>(2020/2780(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Sara Cerdas</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0257/2020

B9-0265/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona Schengen

(2020/2780(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif ukoll l-Artikoli 4, 6, 9, 114, 153, 169 u 191 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 35 tagħha,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID‑19[2],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 67(2) tat-TFUE, li jipprevedi li l-Unjoni għandha tikkonsisti fi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li għandu jiżgura "li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni",

 wara li kkunsidra l-Artikolu 21(1) tat-TFUE, li jipprevedi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, inkluż l-Artikolu 45 tagħha, li jistipula li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)[3],

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri[4] (id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu), u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni minqux fiha,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19[5],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-pandemija tal-COVID-19 għaddiet minn fażi ta' ġestjoni tar-riskji akuta għal waħda kronika;

B. billi l-intensità tat-tixrid tal-virus tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor u minn reġjun għal ieħor fl-istess pajjiż;

C. billi għadu ma hemm l-ebda vaċċin effettiv disponibbli;

D. billi l-approċċi differenti li ntużaw fl-UE għall-ġbir ta' data relatata mal-COVID‑19 jagħmluha diffiċli li d-data titqabbel;

E. billi r-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 s'issa wera nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, u bejn ir-reġjuni fi ħdan l-Istati Membri, f'termini ta' koordinazzjoni tal-miżuri tas-saħħa pubblika, inklużi r-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi u l-moviment liberu tan-nies fi ħdan il-fruntieri u bejnhom u s-sospensjoni ta' drittijiet u liġijiet oħra;

F. billi l-Istati Membri organizzaw lilhom infushom mingħajr konsultazzjoni, kull wieħed fil-livell nazzjonali (miżuri ta' barriera, struzzjonijiet ta' kwarantina u iżolament, skrinjar, kura, territorjalizzazzjoni), u dan wassal għal disparitajiet kbar fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

G. billi ħafna Ewropej ġew soġġetti b'mod sistematiku għal regoli differenti mhux biss skont il-post ta' residenza tagħhom, iżda anki skont fejn ikunu vvjaġġaw; billi dan in-nuqqas ta' koordinazzjoni matul il-perjodu tas-sajf wassal għal kontrolli u miżuri diżorganizzati fil-fruntieri, kif ukoll fl-ajruporti, fil-potijiet u fl-istazzjonijiet tal-ferrovija;

H. billi l-kriżi tal-COVID-19 mhux biss kellha impatti kbar fuq is-saħħa, iżda kellha wkoll konsegwenzi negattivi sinifikanti ħafna fuq l-iskambji ekonomiċi, soċjali, xjentifiċi, turistiċi u kulturali;

I. billi l-provvista tal-kura tas-saħħa hija, fuq kollox, kompetenza nazzjonali, iżda s-saħħa pubblika hija kompetenza kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni;

J. billi għad hemm lok biex l-Unjoni Ewropea twettaq aħjar il-politika tas-saħħa pubblika fil-parametri eżistenti tat-Trattati; billi d-dispożizzjonijiet dwar is-saħħa pubblika skont it-Trattati għadhom fil-biċċa l-kbira mhux utilizzati biżżejjed f'termini tal-impenji li jistgħu jitwettqu permezz tagħhom; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 fejn talab li tinoloq Unjoni Ewropea tas-Saħħa;

K. billi t-theddid transfruntier jista' jiġi indirizzat biss b'mod konġunt u għalhekk jirrikjedi kooperazzjoni, koordinazzjoni u solidarjetà fi ħdan l-Unjoni;

L. billi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhom dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ta' kull Ewropew; billi dawn il-miżuri għandhom ikunu neċessarji, proporzjonati u temporanji; billi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri mhijiex fakultattiva, iżda hija obbligu tat-Trattat u parti mill-valuri Ewropej tagħna;

M. billi l-Kummissjoni diġà ħadet azzjoni inizjali billi adottat diversi pakketti ta' miżuri, komunikazzjonijiet u strateġiji, inkluża l-proposta reċenti għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-4 ta' Settembru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0499);

N. billi l-Kunsill għandu jappoġġja din ir-rakkomandazzjoni u jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-Istati Membri jikkoordinaw id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħhom fi sforz biex iwaqqfu jew jillimitaw it-tixrid tal-virus;

O. billi l-Parlament, bħala koleġiżlatur u l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini tal-UE, irid jiġi inkluż bħala parti integrali u essenzjali tad-diskussjonijiet kollha dwar il-koordinazzjoni tal-UE biex tiġi indirizzata din il-kriżi tas-saħħa;

P. billi l-UE trid titgħallem mill-avvenimenti li seħħew mill-bidu tal-kriżi u trid toħloq b'mod urġenti Unjoni Ewropea tas-Saħħa;

1. Jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa ta' ġestjoni kondiviża u kkoordinata tas-saħħa biex din il-pandemija tiġi miġġielda b'mod effettiv;

2. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li ċ-ċittadini jserrħu rashom rigward il-konsistenza tal-miżuri meħuda minn Stat Membru għal ieħor, u dan jgħin biex iċ-ċittadini jiġu persważi jaderixxu ma' dawn il-miżuri;

3. Ifakkar li l-libertà tal-moviment għaċ-ċittadini tal-Unjoni hija dritt fundamentali stabbilit fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

4. Jissottolinja li dan id-dritt jista' jiġi ristrett biss għal raġunijiet speċifiċi u limitati ta' interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, il-politika pubblika u s-sigurtà pubblika;

5. Jinsisti fuq il-fatt li dawk ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu applikati f'konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, b'mod partikolari l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni;

6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw biss miżuri li jkunu neċessarji, ikkoordinati u proporzjonati meta jillimitaw l-ivvjaġġar, wara evalwazzjoni bir-reqqa tal-effikaċja tagħhom biex jindirizzaw il-kwistjoni tas-saħħa pubblika filwaqt li jsegwu l-istess metodoloġija, u r-rakkomandazzjonijiet tal-ECDC, għall-ġbir ta' data dwar is-saħħa u filwaqt li jużaw l-istess kriterji għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskju tal-pandemija;

7. Jirrimarka li l-ECDC għadu jissottolinja disparitajiet fil-ġbir tad-data u fir-rapportar tad-data mill-Istati Membri; jiddeplora l-fatt li dan in-nuqqas ta' armonizzazzjoni ma jippermettix li jkollna stampa ċara u sħiħa tat-tixrid tal-virus fl-Ewropa u ma jħalliniex nimplimentaw l-azzjonijiet u l-miżuri kif xieraq;

8. Jinnota li kull Stat Membru qed isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-kunsill xjentifiku tiegħu stess mingħajr ebda koordinazzjoni mal-Istati Membri l-oħra jew mal-Kummissjoni;

9. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi metodoloġija komuni, effettiva u f'waqtha għall-ġbir ta' data dwar is-saħħa u għall-għadd u r-rapportar tan-numru ta' każijiet u ta' mwiet;

10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw l-istess definizzjoni għal każ probabbli, possibbli u pożittiv tal-COVID-19 u għal mewt bil-COVID-19;

11. Jirrikonoxxi l-importanza tar-rati kumulattiva ta' inċidenza fl-evalwazzjoni tat-tixrid tal-virus, iżda jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li tiġi vvalutata s-sitwazzjoni billi jitqiesu kriterji oħra tas-saħħa bħar-rata ta' testijiet, ir-rata ta' testijiet pożittivi, ir-rata ta' rikoveru l-isptar, u r-rata ta' okkupanza tal-unitajiet tal-kura intensiva;

12. Jissottolinja li dawk il-kriterji tas-saħħa komuni jippermettu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jwettqu analiżi komuni tar-riskju epidemjoloġiku fil-livell tal-UE;

13. Iqis li l-ECDC għandu jkun kapaċi jevalwa b'mod adegwat u effikaċi r-riskju tat-tixrid tal-virus u jippubblika mappa tar-riskju li tiġi aġġornata kuljum, jew mill-inqas kull ġimgħa, abbażi ta' kodiċi komuni ta' kuluri, stabbilit skont l-informazzjoni miġbura u pprovduta mill-Istati Membri;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu sistema Ewropea b'saħħitha ta' informazzjoni epidemjoloġika fil-livelli differenti tan-NUTS – 1, 2 u 3 – li tkun ġestita mill-ECDC fil-livell tal-UE; jemmen li din is-sistema għandha tistandardizza d-data epidemjoloġika u dwar is-saħħa fl-Istati Membri kollha u għandha tiġi aġġornata bl-aħħar avvanzi diġitali fil-forniment u l-interpretazzjoni tad-data;

15. Jappoġġja l-kodiċi ta' kuluri propost mill-Kummissjoni fl-aħħar proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tagħha; iqis li s-sollijiet issuġġeriti (aħdar, oranġjo, aħmar u griż) jiffaċilitaw il-moviment fi ħdan l-UE u jagħtu liċ-ċittadini informazzjoni aktar trasparenti u jiżguraw prevedibbiltà aħjar;

16. Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-approċċ reġjonali ssuġġerit mill-Kummissjoni; iqis li l-immappjar tar-riskju tal-ECDC għandu jsir fil-livell reġjonali u mhux biss fil-livell nazzjonali; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jittrażmettu lill-ECDC id-data miġbura mill-awtoritajiet pubbliċi reġjonali fuq bażi ta' kuljum;

17. Ifakkar li l-ECDC irrakkomanda li l-Istati Membri jsegwu miżuri bażiċi minimi biex jevitaw it-tixrid tal-virus, bħal miżuri ta' iġjene, tbegħid fiżiku u limitazzjoni tal-ammont ta' nies miġburin f'daqqa, l-użu ta' maskri tal-wiċċ f'ambjenti speċifiċi, arranġamenti ta' telexogħol, ittestjar estensiv, l-iżolament tal-każijiet, il-kwarantina tal-persuni li ġew f'kuntatt ma' persuni infettati u l-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli;

18. Jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-ECDC imsemmija hawn fuq u jiddefinixxu qafas komuni ta' miżuri tas-saħħa li l-awtoritajiet pubbliċi fiż-żoni affettwati għandhom jadottaw sabiex iwaqqfu t-tixrid tal-pandemija;

19. Jirrikonoxxi li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jikkunsidraw u jikkondividu miżuri addizzjonali jekk ir-rata ta' trażmissjoni tiżdied, inklużi interventi li jillimitaw il-moviment tal-popolazzjoni, inaqqsu l-għadd ta' kuntatti għal kull persuna, jevitaw l-avvenimenti tal-massa, jagħtu attenzjoni partikolari lil żoni b'riskju għoli, jagħlqu l-iskejjel jew jirrakkomandaw li n-nies "jibqgħu d-dar";

20. Iqis li qafas bħal dan isaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u bejn iż-żoni affettwati, u jevita miżuri restrittivi reazzjonarji; jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni transfruntieri u jinsistu fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni fil-livell lokali u f'dak reġjonali;

21. Iqis li f'każ ta' żona attiva ta' tixrid transfruntier, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jistabbilixxu b'mod konġunt mekkaniżmi tas-saħħa għall-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni f'ħin reali;

22. Jenfasizza li l-applikazzjoni koordinata tal-miżuri tas-saħħa fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri jidher li hija essenzjali biex jiġi żgurat li jkunu konsistenti u effettivi u li jkollhom l-appoġġ tal-popolazzjoni;

23. Jappella għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' ttestjar komuni fl-Istati Membri kollha, speċjalment fir-reġjuni transfruntieri;

24. Iqis li l-Istati Membri għandhom jaqblu dwar in-numru minimu ta' testijiet li għandhom jitwettqu ta' kuljum skont il-kulur taż-żona affettwata u filwaqt li jiġi kkunsidrat id-daqs tal-popolazzjoni ta' dik iż-żona;

25. Jissottolinja li l-komparabbiltà tar-riżultati tat-testijiet tippermetti r-rikonoxximent reċiproku bejn il-pajjiżi;

26. Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod reċiproku r-riżultati tat-testijiet tal-infezzjoni tal-COVID-19 imwettqa minn korpi tas-saħħa ċċertifikati fi Stati Membri oħra;

27. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaqblu dwar perjodu ta' kwarantina komuni abbażi tal-aħħar data xjentifika u filwaqt li jikkunsidraw il-valutazzjoni tal-ECDC;

28. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw protokoll komuni għall-monitoraġġ tal-każijiet asintomatiċi u għal miżuri rigward l-iżolament tal-pazjenti li jkunu ttestjaw pożittivi għall-COVID-19, kif ukoll għall-iżolament tal-kuntatti ta' dawk il-pazjenti;

29. Jilqa' l-użu tal-formoli ta' lokalizzazzjoni tal-passiġġieri; iqis li għandha tintuża verżjoni diġitali tal-informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri sabiex jiġi ssimplifikat l-ipproċessar, filwaqt li jiġi żgurat aċċess ugwali għal kulħadd u tiġi garantita l-kunfidenzjalità tal-ħżin ta' tali data;

30. Jissottolinja li l-metodoloġija u l-kriterji komuni adottati u l-mapep żviluppati mill-ECDC għandhom jiffaċilitaw approċċ ikkoordinat rigward il-proċessi deċiżjonali proprji tal-Istati Membri, u jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Istati Membri tkun konsistenti u kkoordinata tajjeb;

31. Ifakkar li l-għoti ta' informazzjoni ċara, f'waqtha u komprensiva lill-pubbliku huwa kruċjali biex jiġu limitati l-impatti ta' kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu fis-seħħ, u biex jiġu żgurati l-prevedibbiltà, iċ-ċertezza tad-dritt u l-konformità min-naħa taċ-ċittadini;

32. Jirrimarka li l-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħaħ is-suq uniku, b'mod partikolari permezz tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-ktajjen tal-provvista fl-UE mingħajr l-introduzzjoni ta' miżuri protezzjonisti, u filwaqt li tiġi sostnuta l-produzzjoni ta' prodotti ewlenin bħall-mediċini, il-farmaċewtiċi u t-tagħmir mediku;

33. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat suq uniku effiċjenti, reżiljenti u li jibqa' validu fil-futur fejn il-prodotti essenzjali għaċ-ċittadini jkomplu jiġu prodotti u kkonsenjati madwar l-UE u jkunu disponibbli għaċ-ċittadini kollha;

34. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-akkwist pubbliku aktar sempliċi, aktar rapidu u aktar flessibbli għall-akkwirenti, filwaqt li jenfasizza l-importanza tal-akkwist konġunt tal-mediċini, it-tagħmir mediku u t-tagħmir protettiv personali sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tagħhom fir-reġjuni kollha, inklużi ż-żoni rurali u periferiċi;

35. Ifakkar li l-kriżi tal-COVID-19 kixfet dgħufijiet fil-protezzjoni tal-konsumaturi minħabba l-proliferazzjoni tal-inganni u l-prodotti mhux sikuri, b'mod partikolari online; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati dawn id-dgħufijiet, speċjalment fir-rigward tas-sikurezza tal-prodotti, billi tiġi rieżaminata d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti biex jitqies l-impatt tat-teknoloġiji emerġenti, u biex jiġi żgurat li s-suq uniku diġitali jkun ġust u sikur għal kulħadd permezz tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali li jmiss sabiex il-pjattaformi online jkunu jistgħu jieħdu azzjoni xierqa kontra tali prodotti; jenfasizza wkoll li suq uniku diġitali li jiffunzjona bis-sħiħ jiddependi fuq taħlita ta' protezzjoni diġitali tal-konsumatur u ktajjen tal-provvista appoġġjati b'mod diġitali;

36. Jenfasizza li l-konsumaturi jeħtieġ ikunu infurmati sew dwar id-drittijiet tagħhom u dwar l-għażliet li jkollhom meta jixtru prodotti jew servizzi, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jmexxu l-isforzi biex jipprovdu informazzjoni affidabbli u adegwata b'mod li tkun faċilment aċċessibbli għall-konsumaturi fl-Unjoni kollha;

37. Jitlob li jinżammu l-miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur kontra r-restrizzjonijiet imposti minn ċerti linji tal-ajru u operaturi turistiċi fir-rigward tat-talbiet għal rimborż ta' vjaġġi li ġew affettwati;

38. Jissottolinja li l-kriżi tal-COVID-19 ma għandhiex tintuża bħala skuża biex tiġi posposta, imdgħajfa jew abolita l-implimentazzjoni ta' diversi standards tal-prodotti u tal-industrija, inklużi dawk maħsuba biex jippromwovu s-sostenibbiltà; jenfasizza li minflok, din għandha tittieħed bħala opportunità biex jittejjeb is-suq uniku b'mod li jippromwovi l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli; jitlob li jingħata appoġġ lil mudelli ta' negozju sostenibbli ġodda, jitlob bidliet fundamentali f'dawk eżistenti, bħall-promozzjoni tas-sistemi ta' lokazzjoni, kiri u kondiviżjoni jew tas-settur tal-użu mill-ġdid, filwaqt li jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-ħaddiema u l-istandards tal-protezzjoni tal-konsumatur, u jitlob ukoll il-projbizzjoni tal-prattiki ta' obsolexxenza programmata; ifakkar li għandha tiġi żgurata l-affordabbiltà tas-suq uniku, sabiex it-trasformazzjoni għal suq uniku sostenibbli tkun ġusta u ma tħalli lil ħadd jibqa' lura;

39. Itenni l-pożizzjoni li esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw ritorn rapidu għal żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ mingħajr restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha jneħħu kwalunkwe kontroll fil-fruntieri interni introdott mill-ġdid fil-kuntest tal-COVID-19; jikkundanna l-użu tar-restrizzjonijiet diskriminatorji fuq id-dritt ta' dħul mill-awtoritajiet Ungeriżi u jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal proċedura ta' ksur dwar din il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli;

40. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

[1] Testi adottati, P9_TA(2020)0054

[2] Testi adottati, P9_TA(2020)0205.

[3] ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.

[4] ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

[5] Testi adottati, P9_TA(2020)0175.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza