Proċedura : 2020/2774(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0266/2020

Testi mressqa :

B9-0266/2020

Dibattiti :

PV 15/09/2020 - 6
CRE 15/09/2020 - 6

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0230

<Date>{14/09/2020}14.9.2020</Date>
<NoDocSe>B9‑0266/2020</NoDocSe>
PDF 155kWORD 49k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar it-tħejjija tas-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew li jiffoka fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran</Titre>

<DocRef>(2020/2774(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Nathalie Loiseau, Petras Auštrevičius, Stéphane Bijoux, Vlad‑Marius Botoş, Sylvie Brunet, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Ilana Cicurel, Bernard Guetta, Klemen Grošelj, Moritz Körner, Frédérique Ries, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0260/2020

B9‑0266/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tħejjija tas-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew li jiffoka fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

(2020/2774(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sħubija tal-Lvant tad-19 ta' Awwissu 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tiegħu tal-20 ta' Awwissu 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet wara l-laqgħa informali tal-ministri għall-Affarijiet Barranin (Gymnich) tas-27 u t-28 ta' Awwissu,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tat-3 ta' Settembru 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Ajaccio wara s-seba' Summit tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni (MED7) tal-10 ta' Settembru 2020,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konvenzjonijiet kollha tan-NU li tagħhom l-Istati Membri tal-UE, inklużi l-Greċja u Ċipru, kif ukoll it-Turkija, huma Stati Parti,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma u d-dokumenti fundaturi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) u l-preċedenti stabbiliti mill-ġurisprudenza tagħha,

 wara li kkunsidra t-Trattat tan-NATO tal-1949,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija[1], li fiha rrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, skont il-Qafas ta' Negozjar, jissospendu formalment in-negozjati kollha mat-Turkija dwar l-adeżjoni,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi wara d-deċiżjoni tat-Turkija li tibgħat bastimenti esploratorji akkumpanjati minn bastimenti tal-gwerra Torok biex jipprospettaw għall-gass naturali fil-fruntieri marittimi tal-Greċja u Ċipru, bi ksur tad-dritt internazzjonali, it-Turkija kisret l-integrità territorjali tal-Greċja u ta' Ċipru, u b'hekk kisret ukoll l-integrità territorjali tal-Unjoni Ewropea;

B. billi t-taħditiet esploratorji bejn il-Greċja u t-Turkija ilhom wieqfa minn Marzu 2016; billi wara l-laqgħa tagħhom f'Settembru 2019 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, u f'Diċembru, kemm il-Prim Ministru Grieg kif ukoll il-President Tork taw spinta pożittiva biex jitjiebu r-relazzjonijiet bilaterali u jissokta d-djalogu politiku, u wara din il-laqgħa, f'Jannar 2020, uffiċjali għolja ltaqgħu f'Ankara, u fi Frar 2020 f'Ateni, ġew diskussi miżuri għall-bini tal-fiduċja;

C. billi f'Novembru 2019 it-Turkija ffirmat Memorandum ta' Qbil mal-Gvern Libjan li jiddelimita l-fruntieri marittimi kondiviżi minkejja li ma għandhiex kosti biswit jew opposti; billi dan il-ftehim ġie ddikjarat null u bla effett minn għadd ta' stati fir-reġjun; billi fis-6 ta' Awwissu 2020 il-Greċja ffirmat ftehim li jiddelimita ż-żona ekonomika esklussiva tagħha mal-Eġittu wara 15-il sena ta' negozjati;

D. billi fis-27 ta' Frar 2020 il-Kunsill poġġa żewġ uffiċjali eżekuttivi tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO) fuq il-lista ta' sanzjonijiet tal-UE, billi impona projbizzjoni fuq vjaġġar u ffriżar tal-assi, wara l-involviment tat-Turkija f'attivitajiet ta' tħaffir illegali fil-Lvant tal-Mediterran mingħajr awtorizzazzjoni mir-Repubblika ta' Ċipru; billi fil-11 ta' Novembru 2019 il-Kunsill adotta qafas legali għal miżuri restrittivi b'reazzjoni għall-attivitajiet ta' tħaffir illegali tat-Turkija wara li ripetutament esprima t-tħassib tiegħu u kkundanna bil-qawwa l-attivitajiet tat-Turkija f'diversi konklużjonijiet, b'mod partikolari fit-22 ta' Marzu 2018 u fl-20 ta' Ġunju 2019;

E. billi fi Frar u Marzu 2020 it-Turkija pprovdiet appoġġ loġistiku biex jintbagħtu eluf ta' migranti lejn il-fruntiera Griega, u involviet ruħha f'kampanji ta' diżinformazzjoni kontra l-Greċja u l-UE;

F. billi fil-21 ta' Lulju t-Turkija ddeċidiet li tniedi attivitajiet esploratorji fil-fruntieri marittimi Griegi madwar Kastelorizo u s-sit ta' tħaffir ta' Barbaros fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) tar-Repubblika ta' Ċipru;

G. billi fis-16 ta' Awwissu 2020 it-Turkija bagħtet 17-il bastiment navali biex jakkumpanjaw il-bastiment esploratorju tagħha Oruc Reis fl-ilmijiet Griegi, filwaqt li fl-istess ħin skjerat il-flotta Torka fil-Baħar Eġew, u b'hekk tat attenzjoni kbira lill-Forzi Armati Griegi; billi l-għada bastiment tal-gwerra Grieg u ieħor Tork aċċidentalment ħabtu fiż-żona;

H. billi wara l-isforzi ta' medjazzjoni tal-Ġermanja, it-Turkija qablet li sat-23 ta' Awwissu tneħħi l-bastiment esploratorju tagħha Oruc Reis u li terġa' tibda taħditiet esploratorji konġunti mal-Greċja; billi, madankollu, it-Turkija ma neħħietx il-bastiment u l-flotta tagħha sat-12 ta' Settembru, u b'hekk estendiet il-mandat tal-missjoni illegali tagħha;

I. billi t-Turkija finalment ordnat lill-bastiment esploratorju Oruc Reis biex jirritorna fit-12 ta' Settembru;

J. billi, minn Jannar 2020, il-Greċja rreġistrat aktar minn 600 każ ta' ksur tal-ispazju tal-ajru tagħha mill-Forza tal-Ajru Torka minħabba d-demilitarizzazzjoni tal-gżejjer Griegi tal-Eġew; billi t-Turkija ppruvat timblokka l-pjanijiet tad-difiża tan-NATO għall-Polonja u l-Istati Baltiċi;

K. billi fl-10 ta' Ġunju bastiment navali Franċiż iltaqa' ma' mġiba estremament ostili minn bastimenti tal-gwerra Torok meta, fil-qafas tal-missjoni Sea Guardian NATO, kien qed jitlob li jispezzjona bastiment Tork issuspettat li kiser l-embargo fuq l-armi impost min-NU fuq il-Libja;

L. billi biex tappoġġja lill-Greċja u lil Ċipru, fit-12 ta' Awwissu, Franza bagħtet żewġ bastimenti navali u ajruplani tal-ġlied fiż-żona, u fis-26 ta' Awwissu ħadet sehem f'eżerċizzji militari flimkien mal-Greċja, Ċipru u l-Italja;

M. billi hija r-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha li jirrispettaw id-dritt internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni ta' Montego Bay dwar id-Dritt tal-Baħar u l-ġurisprudenza relatata dwar il-konfini marittimi, irrispettivament mill-fatt li t-Turkija ma rratifikatx il-Konvenzjoni;

N. billi l-Greċja u Ċipru tennew li huma lesti li jirrikorru għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja;

O. billi l-UE hija bla dubju s-sieħeb kummerċjali l-aktar importanti tat-Turkija u s-sors primarju tagħha ta' investiment dirett barrani (IDB); billi fl-2018 l-inizjattiva biex tiġi modernizzata l-unjoni doganali ġiet sospiża; billi t-taħditiet dwar sħubijiet settorjali bejn l-UE u t-Turkija jistgħu jerġgħu jibdew biss wara tnaqqis tat-tensjonijiet fil-Lvant tal-Mediterran;

P. billi t-Turkija tibqa' sieħeb ewlieni għall-UE, u membru tan-NATO; billi l-Artikolu 1 tat-Trattat tan-NATO jipprovdi li l-partijiet għat-Trattat jimpenjaw ruħhom li jsolvu kwalunkwe tilwim internazzjonali li jistgħu jkunu involuti fih b'mezzi paċifiċi b'mod li l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-ġustizzja ma jiġux ipperikolati, u li fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom iżommu lura milli jirrikorru għat-theddida jew għall-użu tal-forza bi kwalunkwe mod li jkun inkonsistenti mal-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti;

1. Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Ġreċja u ma' Ċipru;

2. Jikkundanna bil-qawwa l-intervent militari u ċivili Tork fil-konfini marittimi tal-UE tal-Greċja u Ċipru – Stati Membri tal-UE fil-Lvant tal-Mediterran – li jikkomprometti serjament is-sigurtà u l-istabbiltà tar-reġjun u jikser id-dritt internazzjonali;

3. Jilqa' d-deċiżjoni tat-Turkija tat-12 ta' Settembru li tirtira minnufih il-bastimenti esploratorji u dawk navali tagħha mill-konfini marittimi tal-UE; jeżiġi lit-Turkija terġa' tibda t-taħditiet mal-Greċja u ma' Ċipru, kif ukoll il-miżuri għall-bini tal-fiduċja; jeżiġi li t-Turkija altrimenti tirrikorri għall-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja biex issolvi kwistjonijiet territorjali pendenti, kif talbu l-Greċja u Ċipru;

4. Jiċħad bil-qawwa d-dikjarazzjoni unilaterali li għamel il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tat-Turkija li ż-żoni marittimi tal-Greċja u Ċipru għandhom jitqiesu bħala parti mit-territorju Tork minħabba l-pożizzjoni tagħhom fl-istess blata kontinentali bħat-Turkija;

5. Jilqa' l-isforzi sostnuti ta' medjazzjoni mill-Ġermanja biex ittaffi t-tensjoni tas-sitwazzjoni;

6. Jikkundanna t-theddid kostanti li qed isir mill-Gvern Tork kontra l-Greċja, Ċipru u l-Istati Membri tal-UE, u l-kampanji ta' diżinformazzjoni tiegħu kontra l-UE;

7. Jirrimarka li l-Parlament diġà ħa passi biex inaqqas il-finanzjament tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) II lit-Turkija minħabba d-degradazzjoni sostanzjali tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fil-pajjiż;

8. Jappella lill-Kunsill tal-24 ta' Settembru biex juża l-mezzi xierqa kollha għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea biex tirrispondi għall-azzjonijiet aggressivi tat-Turkija; jistieden lill-Kunsill iħaffef it-tħejjija tiegħu ta' entrati addizzjonali fil-lista tas-sanzjonijiet tal-UE minn proposti li diġà jinsabu fuq il-mejda, bil-ħsieb li jiġu adottati malajr kemm jista' jkun, u jitlobu jfassal lista ta' miżuri restrittivi addizzjonali bħal embargo komprensiv fuq l-armi f'każ li l-Gvern Tork ma jagħmilx biżżejjed progress lejn id-djalogu, u ma jtemmx l-attivitajiet unilaterali tiegħu;

9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti, lit-Turkija u jiżgura t-traduzzjoni ta' dan it-test bit-Tork.

[1] Testi addottati, P8_TA(2019)0200.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza