Proċedura : 2020/2779(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0274/2020

Testi mressqa :

B9-0274/2020

Dibattiti :

PV 15/09/2020 - 7
CRE 15/09/2020 - 7

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0231

<Date>{14/09/2020}14.9.2020</Date>
<NoDocSe>B9‑0274/2020</NoDocSe>
PDF 164kWORD 50k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja</Titre>

<DocRef>(2020/2779(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Kati Piri, Tonino Picula, Norbert Neuser, Robert Biedroń</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0271/2020

B9‑0274/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

(2020/2779(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir[1], tad-19 ta' April 2018 dwar il-Belarussja, wara l-elezzjonijiet lokali tat-18 ta' Frar 2018[2], tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja, wara l-elezzjonijiet parlamentari tal-11 ta' Settembru 2016[3] u tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt fil-Belarussja[4],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew wara l-vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Awwissu 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea tal-11 ta' Awwissu 2020 dwar l-elezzjonjiet presidenzjali u tal-11 ta' Settembru 2020 dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza u tal-intimidazzjoni kontra l-membri tal-Kunsill tal-Koordinazzjoni,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President, b'mod partikolari dawk tas-7 ta' Awwissu 2020 qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u tal-14 ta' Lulju 2020 dwar in-nonreġistrazzjoni tal-kandidati għall-presidenza, id-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President u tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kanada tas-26 ta' Awwissu 2020, kif ukoll id-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President u tal-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir tal-10 ta' Awwissu 2020 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-SEAE, b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar l-iżviluppi reċenti qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u tat-18 ta' Novembru 2019 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2020 dwar l-estensjoni tal-embargo tal-UE tal-2004 fuq l-armi u t-tagħmir li jistgħu jintużaw fir-repressjoni interna fil-konfront tal-Belarussja [5],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-ODIHR tal-15 ta' Lulju 2020 dwar in-nuqqas ta' użu ta' missjoni ta' osservazzjoni elettorali lejn il-Belarussja peress li ma saritx stedina,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fid-9 ta' Awwissu 2020 ġew organizzati l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja, fejn il-perjodu ta' qabel l-elezzjoni kien karatterizzat minn repressjoni madwar il-pajjiż kollu kontra dimostranti paċifiċi, attivisti tas-soċjetà ċivili, bloggers u ġurnalisti, kif ukoll minn intimidazzjoni gravi ta' attivisti politiki, ostakli persistenti għar-reġistrazzjoni ta' kandidati u fl-iffurmar ta' kummissjonijiet elettorali, nonreġistrazzjoni u detenzjoni ta' kandidati, inkluż tal-persunal tal-kampanja u tas-sostenituri tagħhom;

B. billi l-proċess elettorali ma setgħax jiġi osservat minn missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-ODIHR peress li l-awtoritajiet tal-Belarussja intenzjonalment naqsu milli joħorġu stedina f'waqtha, u kien akkumpanjat minn numru qawwi ta' rapporti ta' ksur gravi tal-proċess elettorali, fatt li jixhed l-iffalsifikar intenzjonali tar-riżultati;

C. billi l-kampanja elettorali u l-elezzjonijiet presidenzjali seħħew fi żmien il-pandemija tal-COVID-19, li l-effetti tagħha ġew miċħuda konsistentement mit-tmexxija politika u mill-awtoritajiet Belarussi, li wassal għall-intervent tal-ġurnalisti, persunal mediku u ċittadini ordinarji biex jaqsmu informazzjoni kruċjali dwar il-pandemija u l-miżuri ta' prekawzjoni meħtieġa, fatt li xehed il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fis-soċjetà u l-vitalità tas-soċejtà ċivili Belarussa;

D. billi l-kandidati presidenzjali, flimkien mal-persunal tal-kampanja u s-sostenituri tagħhom ġew arrestati fuq akkużi foloz, filwaqt li kandidati presidenzjali oħrajn raw numri kbar ta' firem ta' appoġġ għall-kandidatura tagħhom jiġu miċħuda mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali;

E. billi jum l-elezzjoni kompla b'mod paċifiku, iżda ġie segwit minnufih minn protesti paċifiċi u ordnati fuq skala u daqs mingħajr preċedent fil-kapitali Minsk u f'ħafna bliet oħrajn madwar il-pajjiż kontra l-ksur gravi tal-proċess elettorali u r-rapporti kredibbli dwar l-iffalsifikar qawwi tar-riżultati elettorali;

F. billi d-dimostranti paċifiċi talbu li jsiru elezzjonijiet ġodda li għandhom ikunu ħielsa u ġusti u li għandhom isiru taħt osservazzjoni elettorali internazzjonali, u sostnew id-dritt tagħhom għal rappreżentanza demokratika u parteċipazzjoni politika;

G. billi skont ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni, kif irrapportati mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali (CEC) tal-Belarussja fl-10 ta' Awwissu, Alexander Lukashenko kiseb 80,10 % tal-votazzjoni popolari u Svetlana Tikhanovskaya kisbet 10,12 %, b'parteċipazzjoni elettorali ta' 84,17 %; billi rapporti kredibbli minn madwar il-pajjiż u l-inizjattivi tal-midja soċjali fil-livell lokali jindikaw frodi elettorali fuq skala kbira favur Alexander Lukashenko; billi l-UE fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tagħha tad-19 ta' Awwissu 2020 irrifjutat ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjonijiet;

H. billi l-awtoritajiet Belarussi rreaġixxew għall-protesti leġittimi u paċifiċi bl-użu ta' vjolenza sproporzjonata, repressjoni mhux aċċettabli u trattament inuman, li kien jinkludi t-tortura u l-vjolenza sesswali kontra l-persuni li ġew detenuti waqt il-protesti; billi mijiet ta' dimostranti paċifiċi ġew imsawta, eluf sfaw arrestati u tal-inqas tliet dimostranti ġew maqtula; billi l-awtoritajiet Belarussi komplew jippruvaw joħonqu l-protesti permezz ta' eskalazzjoni gradwali tad-detenzjoni tal-mexxejja tal-protesta;

I. billi l-ħaddiema f'kumpaniji Belarussi, inklużi f'intrapriżi ewlenin tal-istat f'setturi ekonomiċi differenti, nedew azzjonijiet kollettivi u stabbilixxew kumitati ta' strajk b'appoġġ għall-protesti taċ-ċittadini kontra l-frodi elettorali, il-vjolenza u r-repressjoni mill-awtoritajiet tal-istat; billi minn dak iż-żmien ħafna mexxejja tal-kumitati ta' strajk ġew iffastidjati, interrogati jew arrestati u bosta minnhom għadhom detenuti;

J. billi l-Kunsill tal-Koordinazzjoni ġie stabbilit biex jipprovdi sieħeb istituzzjonali temporanju għall-proċess ta' djalogu nazzjonali li għandu l-għan li jiġu organizzati elezzjonijiet ġodda organizzati skont standards internazzjonali u taħt l-osservazzjoni elettorali tal-ODIHR;

K. billi minn dak iż-żmien bosta eluf ta' ċittadini applikaw għal sħubija fil-Kunsill tal-Koordinazzjoni, jew esprimew l-appoġġ tagħhom għat-talbiet għal elezzjonijiet ġodda, u l-membri kollha tat-tmexxija tal-Kunsill tal-Koordinazzjoni ġew iffastidjati, interrogati jew arrestati; billi t-theddid u l-fastidju kontinwu wasslu biex membri ewlenin tal-oppożizzjoni, Svetlana Tikhanovskaya u Veronika Tsepkalo, ifittxu rifuġju fl-Unjoni Ewropea; billi fit-8 ta' Settembru, mexxejja oħra, Maria Kalesnikova, inħatfet minn irġiel mgħammda f'vann mingħajr reġistrazzjoni; billi r-rebbieħa tal-Premju Nobel, Svetlana Alexievich, hija l-uniku membri tal-Praesidium tal-Kunsill tal-Koordinazzjoni li għadha ħielsa fil-Belarussja; billi għad hemm tħassib serju dwar is-sikurezza tagħha;

L. billi fis-27 ta' Awwissu, il-President tal-Federazzjoni Russa ddikjara l-appoġġ tiegħu għall-awtoritjaiet Belarussi fir-repressjoni tagħhom tal-iskuntentizza ċivika leġittima billi offra li jiskjera forzi tal-pulizija speċjali; billi fil-21 ta' Awwissu, is-Sur Lukashenko ħabbar li l-ġurnalisti li jaħdmu fil-midja tal-istat li strajkjaw jew li rriżenjaw, kienu se jinbidlu bi speċjalisti tal-midja Russi; billi r-Russja, iċ-Ċina u t-Turkija kienu fost l-ewwel stati li ferħu lis-Sur Lukashenko għar-rebħa elettorali frodolenti tiegħu;

M. billi l-awtoritajiet Belarussi għadhom għaddejjin bir-repressjoni vjolenti tagħhom fuq il-korrispondenti Belarussi indipendenti u ċ-ċittadini ġurnalisti, u għadhom jipparteċipaw fi sforzi intenzjonali biex ixekklu r-rapportar oġġettiv bil-għan li jrażżnu t-tħassib u l-kundanna interna u internazzjonali, inkluż bl-irtirar tal-akkreditazzjoni tal-istampa għal aktar minn tnax-il korrispondent internazzjonali fid-29 ta' Awwissu;

N. billi fil-kapitali u madwar il-pajjiż, għadhom qed iseħħu protesti paċifiċi fuq skala kbira  minkejja l-bosta arresti ta' membri prominenti tal-oppożizzjoni politika u tal-moviment ta' protesta ċivika, kif ukoll ta' ċittadini ordinarji, li jixhed il-livell ta' skuntentizza u ta' mobilizzazzjoni mingħajr preċedent tas-soċjetà Belarussa, li qed titlob drittijiet demokratiċi u r-rispett għad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem kif espress mir-rappreżentati tagħha, fosthom Svetlana Tikhanovskaya u membri oħra tal-Kunsill tal-Koordinazzjoni;

1. Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi, l-awtoritajiet Belarussi għar-repressjoni vjolenta ta' dimostranti paċifiċi favur il-ġustizzja, il-libertà u d-demokrazija fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali frodolenti tad-9 ta' Awwissu; jitlob lill-awtoritajiet Belarussi sabiex minnufih jieqfu mill-użu tal-forza, ta' vjolenza u repressjoni kontra ċ-ċittadini tagħhom u biex iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li tiddevja minn perkors inevitabbli dirett lejn il-bżonn ta' djalogu bejn il-poplu u r-rappreżentati leġittimi tiegħu, inkluż il-Kunsill tal-Koordinazzjoni, is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet u r-rappreżentanti politiċi tal-awtoritajiet;

2. Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha u tal-persuni kollha li jinsabu detenuti minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi protesti kontra r-riżultati elettorali jew kontra l-vjolenza użata mill-awtoritajiet jew minħabba t-turija ta' appoġġ tagħhom għal dawn il-protesti;

3. Jirrifjuta r-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali Belarussi tad-9 ta' Awwissu u jtenni t-talba tal-poplu Belarussu biex jiġu organizzati elezzjonijiet ġodda, ħielsa u ġusti skont l-istandards internazzjonali u taħt l-osservazzjoni elettorali tal-ODIHR, malajr kemm jista' jkun;

4. Jesprimi l-appoġġ inekwivoku tiegħu għall-poplu tal-Belarussja fit-talbiet u l-aspirazzjonjiet leġttimi tiegħu għal elezzjonijiet ġodda ħielsa u ġusti, għal libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, rappreżentanza demokratika, parteċipazzjoni politika, rapportar onest tar-riżultati elettorali, u għat-tmiem tar-repressjoni awtoritarja; jistieden lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jipprovdu assistenza lill-oppożizzjoni demokratika tal-Belarussja, inkluż lill-Kunsill tal-Koordinazzjoni mmexxi minn Svetlana Tikhanovskaya, bħala rappreżentanti leġittimi tat-talbiet tal-poplu Belarussu, jekk jintalbu jagħmlu dan;

5. Jappella għal investigazzjoni rapida u effettiva, u l-prosekuzzjoni konsistenti tal-awturi kollha tal-brutalità bla preċedent kontra d-dimostranti, is-sostenituri tagħhom u ta' persuni mhux parteċipi, inkluża kull vjolenza mwettqa mill-awtoritajiet politiċi, mill-pulizija u mill-forzi speċjali Belarussi; jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu għal rapporti kredibbli ta' forzi militari f'ilbies ċivili u mgħammda u b'vetturi mhux identifikabbli li joperaw fuq it-territorju Belarussu, li huma involuti fir-repressjoni u fil-ħtif intern; jitlob lill-awtoritajiet Belarussi u lill-awtoritajiet rilevanti l-oħra biex jipprovdu ċarezza fattwali dwar l-identità, ir-rwol u l-preżenza tagħhom fuq it-territorju Belarussu; jikkundanna r-repressjoni kontinwa ta' ġurnalisti indipendenti Belarussi u ta' ġurnalisti internazzjonali; jitlob lill-awtoritajiet Belarussi sabiex minnufih jeħilsu lill-ġurnalisti kollha u liċ-ċittadini korrispondenti arrestati b'mod illeġittimu, u biex jagħtu mill-ġdid akkreditazzjoni tal-istampa sħiħa lil dawk li kellhom din l-akkreditazzjoni irtirata; jissottolinja d-dritt tal-poplu Belarussu li jirrapporta b'mod oġġettiv dwar l-avvenimenti li qegħdin iseħħu f'pajjiżhom; jiddenunzja l-użu ta' speċjalisti tal-midja Russi fil-midja tal-istat Belarussu;

6. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi biex jirrispettaw l-impenji internazzjonali ta' pajjiżhom, b'mod partikolari l-impenji tal-Belarussja bħala stat parteċipanti tal-OSKE li torganizza elezzjonijiet ġenwinament demokratiċi u tirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda paċifika kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika;

7. Jissottolinja d-determinazzjoni qawwija tiegħu li jappoġġa bil-qawwa lill-poplu tal-Belarussja fil-ġlieda tiegħu għal-libertà, id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

8. Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-kontribut importanti magħmul min-nisa kuraġġużi tal-Belarussja, immexxija minn Svetlana Tikhanovskaya, Veronika Tsepkalo u Maria Kalesnikova, u s-sostenituri tagħhom talli esprimew u taw rappreżentanza lit-talbiet leġittimi tal-poplu Belarussu; jinnota li bosta Belarussi jikkunsidraw lill-Svetlana Tikhanovskaya bħala r-rebbieħa tal-elezzjonijiet presidenzjali; jissottolinja r-rwol kruċjali tan nisa, l-istudenti u ż-żgħażagħ fil-protesti politiċi li għaddejjin bħalissa fil-livell lokali;

9. Jinnota bi tħassib li, bl-eċċezzjoni ta' Svetlana Alexievich, il-membri kollha tal-Praesidium tal-Kunsill tal-Koordinazzjoni ġew arrestati illegalment jew inkella sfurzati fl-eżilju; jitlob il-ħelsien immedjat ta' Maxim Znak, Maria Kalesnikova, Siarhei Dyleusky u ta' Liliya Ulasova; jinsisti li kwalunkwe djalogu nazzjonali jrid isir bil-parteċipazzjoni sħiħa u mingħajr xkiel tal-Kunsill tal-Koordinazzjoni; jilqa' pożittivament l-estensjoni tal-protezzjoni lil Svetlana Alexievich mir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE;

10. Jirrikonoxxi li l-moviment ta' protesta kurrenti fil-Belarussja mhuwiex immexxi minn persuna waħda jew minn grupp ta' persuni partikolari li jappartjenu għall-oppożizzjoni politika, iżda huwa bbażat fuq oppożizzjoni ġenerali għar-reġim kurrenti u fuq it-talba leġittima tal-poplu tal-Belarussja li jrid igawdi mill-istess drittijiet fundamentali tad-demokrazija u l-libertà bħaċ-ċittadini kollha l-oħra fuq il-kontinent Ewropew;

11. Jiddikjara l-appoġġ totali tiegħu lill-poplu tal-Belarussja li niżel fit-toroq eżatt wara l-elezzjonijiet presidenzjali, li ma waqafx mill-protesti tiegħu minkejja atti disprezzabbli ta' vjolenza, repressjoni u trattament inuman mill-awtoritajiet Belarussi, u li kompla jimmarċja fit-toroq ta' Minsk u ta' ħafna bliet oħra madwar il-pajjiż wara l-elezzjonijiet;

12. Jinnota l-kontributi deċiżivi minn għadd kbir ta' ħaddiema f'intrapriżi tal-istat f'diversi setturi ekonomiċi li bdew azzjonijiet kollettivi u stabbilixxew kumitati ta' strajk, u minħabba f'hekk irriskjaw l-arrest, it-tkeċċija u n-nuqqas ta' tiġdid ta' kuntratti għal żmien qasir; jappella li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema tal-Belarussja li jistrajkjaw mingħajr riskju ta' tkeċċija, arrest jew ritaljazzjonijiet oħra, bi qbil mal-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO; jingħaqad mal-espressjonijiet ta' solidarjetà mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions u jappoġġa t-talba tal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali indirizzata lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol bil-għan li tintervjeni b'urġenza kontra l-arresti u s-sentenzjar tal-mexxejja tal-kumitati ta' strajk u tal-attivisti indipendenti tat-trade unions biex jiġi protett id-dritt tagħhom għal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; jesprimi l-appoġġ tiegħu għar-rwol ta' koordinazzjoni mwettaq mill-Kungress tat-Trade Unions Demokratiċi Belarussi;

13. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli jżommu pożizzjoni soda u bbażata fuq il-prinċipji fir-rigward tal-awtoritajiet Belarussi, abbażi tal-impenn tal-UE favur id-difiża tal-prinċipji tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, ir-rispett għad-dritt internazzjonali, id-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, u fuq azzjoni deċiżiva kontra dawk responsabbli mill-ksur ta' dawn il-prinċipji, valuri u drittijiet;

14. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli jkomplu jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Belarussja fir-rigward tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem; jistedinhom jaħtfu kull opportunità biex iħeġġu lill-awtoritajiet tal-Belarussja jwaqqfu minnufih il-vjolenza, ir-repressjoni u t-trattament inuman, jeħilsu il-priġunieri politiċi kollha u l-persuni kollha li ġew detenuti b'mod arbitrarju tul dawn l-aħħar xhur u ġimgħat, jinvestigaw u jressqu l-qorti lill-persuni responsabbli mill-frodi elettorali, il-vjolenza, ir-repressjoni u t-tortura, u biex malajr kemm jista' jkun jinżammu elezzjonijiet ġodda skont l-istandards internazzjonali u taħt osservazzjoni elettorali tal-ODIHR; jappella lill-OSKE tkompli l-ħidma tagħha mal-NGOs internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u mas-soċjetà ċivili tal-Belarussja biex jiġu dokumentati l-każijiet individwali kollha ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem bil-għan li tiġi ffaċilitata l-prosekuzzjoni futura ta' dawk kollha responsabbli;

15. Jistieden lill-Istati Membri u lill-uffiċji konsulari tagħhom fil-Belarussja biex jappoġġaw lill-vittmi tal-vjolenza u tar-repressjoni u lill-familji tagħhom bil-ħruġ ta' viżi għal raġunijiet umanitarji u edukattivi; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tipproċedi malajr bl-implimentazzjoni effettiva tal-assistenza finanzjarja tal-UE biex tagħti appoġġ lill-vittmi tar-repressjoni u tas-soċjetà ċivili u biex timmobbilizza aktar riżorsi diretti lejn is-sostenn fiżiku, psikoloġiku u materjali tagħhom;

16. jistieden lill-Kunsill jimplimenta mingħajr dewmien, u f'koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali, sanzjonijiet wiesa' u effettivi kontra dawk il-Belarussi kollha responsabbli għal frodi elettorali, vjolenza u repressjoni, tal-anqas f'numru ekwivalenti għan-numru ta' dawk li tneħħew mil-lista tas-sanzjonijiet fil-25 ta' Frar 2016; jitlob li l-lista ta' dawk sanzjonati trid tinkludi lil Alexander Lukashenko; jistieden lill-Kunsill isegwi l-eżempju ta' diversi Stati Membri ġirien tal-Belarussja, li inkludew lil Lukashenko fil-lista tas-sanzjonijiet tagħhom, billi il-grupp ta' persuni propost inizjalment fil-mira tas-sanzjonijiet jiżdied biex jinkludi għadd sostanzjali ta' uffiċjali, kemm ta' grad għoli kif ukoll ta' livell medju kif ukoll intraprendituri magħrufa għall-appoġġ tagħhom lejn ir-reġim jew għat-tkeċċija tal-impjegati tagħhom minħabba parteċipazzjoni fi strajkijiet; jistieden lill-Kunsill jimponi sanzjonijiet fuq kwalunkwe individwu jew entità responsabbli għall-indħil estern fil-Belarussja; iħeġġeġ lill-membri kollha tal-Kunsill biex fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-impożizzjonijiet ta' sanzjonijiet jagħtu prijorità lid-drittijiet demokratiċi tal-poplu tal-Belarussja minflok ma jinħlew fuq preokkupazzjonijiet ta' sigurtà ta' natura separata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex jattivaw u jimplimentaw malajr ir-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

17. Jilqa' pożittivament il-fatt li, kif qal il-VP/RGħ, l-UE tinsab lesta li tieħu aktar miżuri restrittivi skont il-bżonn; jistieden lill-Kunsill, sabiex fl-eventwalità li s-sanzjonijiet immirati fuq l-awturi ta' frodi, vjolenza u repressjoni jipproduċu riżultati insuffiċjenti, jikkunsidra l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi usa' fuq il-Belarussja, b'attenzjoni partikolari fuq l-intrapriżi ta' proprjetà tal-istat li għandhom konnessjoni qawwija mal-interessi kummerċjali tal-awtoritajiet; itenni l-pożizzjoni tiegħu li sanzjonijiet bħal dawn fl-ebda ċirkostanza ma għandu jkollhom effett negattiv fuq il-poplu tal-Belarussja u fuq l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili demokratika tagħha;

18. Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lir-Rappreżentant Għoli jirrevedu r-relazzjonijiet UE-Belarussja u jgħaddu minn "impenn kritiku" għal "rivalutazzjoni kritika", inkluż permezz tar-rivalutazzjoni tar-rwol tal-Belarussja fis-Sħubija tal-Lvant, biex b'hekk jitqiesu l-aspetti li ġejjin: il-koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali, id-djalogu dwar ir-riformi meħtieġa, l-appoġġ soċjoekonomiku għall-popolazzjoni, il-bini tal-kapaċità għas-soċjetà ċivili, il-kuntatti kontinwi bejn il-persuni; itenni l-impenn tiegħu għall-appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju sħiħ meħtieġ biex jiffaċilita t-tranżizzjoni politika demokratika tal-Belarussja jekk jintalab jagħmel dan, inkluż permezz ta' relazzjoni kummerċjali msaħħa, assistenza kkoordinata internazzjonali għar-riformi ekonomiċi, u appoġġ sħiħ għall-iżvilupp ulterjuri tas-soċjetà ċivili indipendenti tal-Belarussja;

19. Jinsisti fuq il-fatt li kwalunkwe assistenza finanzjarja tal-UE għandha tibbenefika biss lill-poplu tal-Belarussja iżda mhux lir-reġim kurrenti u għandha tikkontribwixxi biex ittaffi l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 għall-popolazzjoni, tipprovdi appoġġ umanitarju ta' emerġenza lill-vittmi tal-vjolenza u r-repressjoni u lill-familjari tagħhom, issaħħaħ is-soċjetà ċivili u trawwem il-kuntatti bejn il-persuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex twaqqaf minnufih kwalunkwe żborż ta' appoġġ finanzjarju lill-awtoritajiet Belarussi u tidderieġi mill-ġdid l-appoġġ finanzjarju kollu lill-poplu tal-Belarussja kif ukoll lill-ġurnalisti indipendenti, lill-NGOs u lill-organizzjonijiet internazzjonali;

20. Jissottolinja t-talbiet taċ-ċittadini Belarussi u tal-komunità internazzjonali għal proċess ta' djalogu nazzjonali inklużiv li jwassal għal elezzjonijiet ġodda u għal rappreżentanza tassew demokratika; jistieden lill-Federazzjoni Russa tuża r-rabtiet politiċi mill-qrib tagħha mat-tmexxija Belarussa u tħeġġiġha tipparteċipa fi proċess ta' djalogu ħieles, ġust u inklużiv, li jiżgura rispett sħiħ għad-drittijiet demokratiċi tal-poplu Belarussu skont id-dritt internazzjonali, bl-objettiv li jiġu organizzati elezzjonijiet ġodda f'konformità mal-istandards internazzjonali u taħt l-osservazzjoni elettorali tal-ODIHR mill-aktar fis possibbli; jilqa' bil-qawwa l-proposta tal-President fil-kariga tal-OSKE, sabiex f'koordinazzjoni mas-suċċessur tiegħu jassisti lill-Belarussja fl-organizzazzjoni ta' proċess ta' djalogu u jilqa' wkoll r-rieda tal-ODIHR li jassisti lill-awtoritajiet Belarussi fit-twettiq tar-riformi urġenti meħtieġa biex il-liġijiet u l-prattiki tal-Belarussja jinġiebu f'konformità mal-istandards demokratiċi internazzjonali u mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li l-awtoritajiet Belarussi jaċċettaw l-offerta estiża lilhom kemm mill-President fil-kariga tal-OSKE u tas-suċċessur tiegħu; jistieden għalhekk, lill-Kummissjoni u lis-SEAE sabiex flimkien mal-OSKE jistabbilixxu l-assistenza konkreta li l-UE tista' tagħti lil rwol ta' medjazzjoni mmexxi mill-OSKE, u jesprimi r-rieda tiegħu li jikkontribwixxi għal missjoni futura ta' osservazzjoni elettorali tal-ODIHR permezz ta' delegazzjoni tal-PE;

21. Jiċħad bil-qawwa l-interventi li għaddejjin bħalissa u l-interferenza esterna tal-Istat Russu u ta' atturi relatati mal-istat Russu, b'mod partikolari fil-midja tal-istat u fil-forzi tas-sigurtà Belarussi; jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu favur l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Belarussja u l-poplu Belarussu; ifakkar li l-protesti Belarussi huma ta' natura prodemokratika aktar milli ta' natura ġeopolitika; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tirrispetta d-dritt internazzjonali, is-sovranità tal-Belarussja u l-appell tagħha stess biex tastjeni minn kwalunkwe interferenza fil-Belarussja; jappella lill-Federazzjoni Russa biex minflok tappoġġa l-isforzi mibdija mill-OSKE bil-għan li l-Belarussja tiġi megħjuna tirrispetta l-obbligi nazzjonali u internazzjonali tagħha fir-rigward tad-demokrazija, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem;

22. Jistieden lill-Kunsill jistabbilixxi mekkaniżmu ta' sanzjonijiet komprensiv, effettiv u mifrux mal-UE kollha, li jippermetti l-iffukar fuq il-persuni, l-atturi statali u mhux statali u entitajiet oħrajn responsabbli minn ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew involuti fih, mingħajr aktar dewmien;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-awtoritajiet Belarussi.

 

[1] ĠU C 11, 13.1.2020, p. 18.

[2] ĠU C 390, 18.11.2019, p. 100.

[3] ĠU C 224, 27.6.2018, p. 135.

[4] ĠU C 349, 17.10.2017, p. 41.

[5] ĠU L 45, 18.2.2020, p. 3.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza