Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0275/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0275/2020

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020

    14.9.2020 - (2020/2779(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
    skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Anna Fotyga, Witold Jan Waszczykowski, Ryszard Czarnecki, Jadwiga Wiśniewska, Alexandr Vondra, Bogdan Rzońca, Assita Kanko, Joanna Kopcińska
    f'isem il-Grupp ECR

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0271/2020

    Proċedura : 2020/2779(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B9-0275/2020
    Testi mressqa :
    B9-0275/2020
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    B9‑0275/2020

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020

    (2020/2779(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant tal-2009 fi Praga, tal-2011 f'Varsavja, tal-2013 f'Vilnius, tal-2015 f'Riga u tal-2017 fi Brussell,

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja[1], tas-6 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja[2], tad-19 April 2018 dwar il-Belarussja[3], u tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, notevolment il-każ ta' Charter 97[4],

     wara li kkunsidra l-elezzjoni presidenzjali li saret fil-Belarussja fid-9 ta' Awwissu 2020,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-elezzjoni presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Awwissu 2020, dik tal-mexxejja tal-ħames gruppi politiċi tas-17 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-elezzjoni presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020, u tal-President u l-Viċi President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-11 ta' Awwissu 2020,

     wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi l-poplu tal-Belarussja jikkondividi wirt u kultura Ewropej komuni; billi l-Belarussja hija ġar dirett ta' tliet Stati Membri tal-UE; billi s-sitwazzjoni fil-Belarussja jista' jkollha impatt dirett fuq l-UE;

    B. billi s-26 sena ta' poter ta' Lukashenko kienu kkaratterizzati minn politiki li jdgħajfu s-sovranità u l-indipendenza tal-pajjiż u jdgħajfu l-identità, il-wirt u l-kultura tal-Belarussja;

    C. billi l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2020 kienu mċappsin minn manipulazzjoni, intimidazzjoni u repressjoni mifruxa kontra kandidati oħra, u ġurnalisti u bloggers indipendenti; billi din ix-xejra hija waħda rikorrenti matul l-elezzjonijiet preċedenti kollha fil-Belarussja mill-1994 'l hawn;

    D. billi jum l-elezzjoni kien ikkaratterizzat minn għadd kbir ta' irregolaritajiet, inklużi l-intimidazzjoni tal-votanti, iċ-ċaħda tad-dritt tagħhom li jivvutaw u l-falsifikazzjoni fuq skala massiva tal-protokolli maħruġa miċ-ċentri tal-votazzjoni; billi ma kienx hemm osservaturi internazzjonali indipendenti preżenti fil-pajjiż; billi osservaturi domestiċi indipendenti, inklużi dawk li mmonitorjaw il-votazzjoni bikrija fl-elezzjoni presidenzjali Belarussa, ġew detenuti fil-pajjiż kollu wara li ddokumentaw għadd kbir ta' ksur tal-liġi elettorali;

    E. billi l-Kumitat Elettorali Ċentrali ħabbar li Alexander Lukashenko kien rebaħ l-elezzjoni wara li allegatament kiseb 80.10 % tal-voti, filwaqt li r-rivali ewlenija tiegħu Svetlana Tikhanovskaya kisbet biss 10.12 %; billi skont riċerka indipendenti, stħarriġ soċjali u data reali minn għadd ta' postijiet tal-votazzjoni, is-Sa Tikhanovskaya kisbet madwar 60 % tal-voti u għandha titqies bħala r-rebbieħa vera tal-elezzjoni;

    F. billi wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati ffalsifikati, il-poplu Belarussu immedjatament organizza protesti paċifiċi fuq skala mingħajr preċedent, li ntlaqgħu b'forza brutali mis-servizzi tas-sigurtà, li wasslu biex eluf ta' dimostranti ġew arrestati, ittorturati, midruba, u xi wħud saħansitra nqatlu, inklużi: Alyaksandr Taraykouski, Konstantin Shishmakov, Alexander Vikhor u Gennady Shutov; billi d-dimostranti paċifiċi ġew soġġetti għal intimidazzjoni, bħal telefonati ta' theddid, tentattivi ta' dħul sfurzat fi djarhom, u persekuzzjoni mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-istat, iżda wkoll minn gruppi ta' individwi ċivili mhux identifikati u organizzati tajjeb; billi għal kważi 40 jum seħħew protesti li għalihom attendew bl-eluf fil-belt kapitali, iżda wkoll fi bliet u rħula iżgħar madwar il-pajjiż kollu;

    G. billi l-protesti kienu akkumpanjati minn strajks mifruxa f'impjanti industrijali, kumpaniji, skejjel, universitajiet, bliet u rħula, fil-pajjiż kollu; billi l-persuni li ħadu sehem fil-protesti jew li appoġġawhom uffiċjalment tkeċċew mix-xogħol, ġew imċaħħda minn akkomodazzjoni uffiċjali, u sfaw mkeċċija minn universitajiet jew skejjel;

    H. billi l-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Awwissu 2020 ddeċieda li jimponi sanzjonijiet kontra għadd sostanzjali ta' individwi responsabbli għall-vjolenza, ir-repressjoni u l-falsifikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni fil-Belarussja, li jipprojbixxu li dawn jidħlu fl-UE u li ffriżaw l-assi finanzjarji tagħhom fl-UE;

    I. billi wara l-falsifikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni fl-2010 u r-repressjoni brutali fuq id-dimostranti, l-UE, l-Istati Uniti u pajjiżi demokratiċi oħra imponew sanzjonijiet wiesgħa fuq dawk responsabbli għall-frodi elettorali, il-vjolenza u r-rabtiet mar-reġim, inkluż Alexander Lukashenko u aktar minn 160 persuna u entità, fosthom mit-tmexxija statali għolja, l-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura, il-kumitat elettorali, il-propaganda tal-istat u negozjanti; billi l-biċċa l-kbira tas-sanzjonijiet tneħħew fl-2016 mingħajr ma wasslu għal riżultati dejjiema, u dan dgħajjef il-kredibilità tal-UE f'għajnejn l-oppożizzjoni demokratika Belarussa; billi l-lista reċenti ta' sanzjonijiet proposti hija ristretta u limitata ħafna u mhijiex proporzjonata għall-iskala ta' vjolenza u brutalità imposta mir-reġim fuq id-dimostranti paċifiċi;

    J. billi l-aċċess għall-internet u għall-midja ħielsa ġie limitat ħafna mill-awtoritajiet; billi fornitur Ewropew, il-Grupp A1 Telekom Austria, allegatament kien qed jaqta' l-aċċess għall-internet mobbli għall-klijenti Belarussi tiegħu wara ordnijiet mill-awtoritajiet Belarussi;

    1. Ma jirrikonoxxix ir-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fil-Belarussja fid-9 ta' Awwissu 2020 u lanqas lil Alexander Lukashenko bħala mexxej leġittimu u President tal-Belarussja; għaldaqstant, jistieden lis-Sur Lukashenko jirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu tal-Belarussja u jirriżenja b'mod paċifiku;

    2. Jappella għal elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari ġodda u trasparenti fil-Belarussja li jissodisfaw l-istandards demokratiċi; jistieden lill-UE, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-Kunsill tal-Ewropa jinvolvu ruħhom fi djalogu mas-soċjetà ċivili Belarussa bil-ħsieb li jitnieda proċess elettorali ġdid, taħt is-superviżjoni ta' Kummissjoni Elettorali ġdida, li tkun korp li jista' jiġi fdat mill-partijiet kollha, inklużi l-osservaturi internazzjonali, u taħt skrutinju internazzjonali strett;

    3. Ifaħħar lill-poplu tal-Belarussja għall-kuraġġ u d-determinazzjoni tiegħu u jappoġġa bis-sħiħ ix-xewqa tiegħu għal bidla demokratika u libertà u li jibbaża l-futur ta' pajjiżu fuq il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jagħti ġieħ lil dawk li taw ħajjithom għal-libertà, id-demokrazija u s-sovranità tal-Belarussja, jesprimi simpatija mal-vittmi tat-tortura u forom oħra ta' brutalità mwettqa mir-reġim u jittama li dawn jirkupraw malajr u kompletament;

    4. Jesprimi l-akbar tħassib li fis-seklu 21 fit-territorju ta' ġar dirett tal-UE qed naraw tortura u vjolenza mmexxija mill-istat fuq skala bla preċedent; huwa tal-fehma li t-teħid ta' pożizzjoni soda u mhux ambigwa tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja hija kwistjoni ta' kredibilità tal-politika barranija tal-UE u impenn reali għall-valuri Ewropej;

    5. Jirrikonoxxi d-determinazzjoni eċċezzjonali u r-rieda soda tan-nisa Belarussi, li sikwit ikunu l-familji ta' priġunieri politiċi jew dimostranti detenuti u ttorturati, fil-mixjiet ta' solidarjetà tan-nisa ta' kull ġimgħa, u li kull ġimgħa jintlaqgħu b'rispons dejjem aktar aggressiv mill-apparat tal-istat;

    6. Ifaħħar l-azzjonijiet meħuda mill-ħaddiema ta' bosta fabbriki u istituzzjonijiet fil-pajjiż kollu li ssieħbu fil-protesti b'diversi modi; bl-istess mod, ifaħħar l-azzjonijiet tal-ġurnalisti u l-impjegati tal-mezzi pubbliċi tal-midja, li minkejja l-oppressjoni u t-theddid kontrihom baqgħu fidili għall-etos ġurnalistiku u komplew jappoġġaw l-oppożizzjoni demokratika minkejja li sussegwentement tkeċċew; jirrikonoxxi l-ħidma tal-midja indipendenti, inklużi Charter 97, Bielsat, Radio Svoboda u oħrajn; jistieden lill-UE tuża l-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) u strumenti oħra biex tappoġġja dawn l-istabbilimenti u l-ġurnalisti li huma soġġetti għal repressjoni mir-reġim;

    7. Jiddeplora l-persekuzzjoni tal-membri tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni tal-oppożizzjoni u jistieden lill-awtoritajiet itemmu kull vjolenza u repressjoni; jikkundanna bil-qawwa l-arresti, id-detenzjonijiet, id-deportazzjonijiet furzati u l-ħtif arbitrarji u mhux spjegati minħabba raġunijiet politiċi fil-Belarussja ta' individwi bħal Maria Kalesnikova, Andrei Yahorau, Irina Sukhiy, Anton Radniankou u Ivan Krautsou;

    8. Jitlob il-waqfien immedjat tal-vjolenza u l-intimidazzjoni kontra d-dimostranti paċifiċi, il-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u tal-membri kollha tas-soċjetà ċivili detenuti arbitrarjament qabel, matul u wara l-elezzjonijiet, u r-restawr u r-rispett sħaħ għad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem, inklużi l-libertà tal-istampa, il-libertà tal-għaqda u libertajiet politiċi u ċivili oħra fil-Belarussja;

    9. Jiddeplora bl-aktar mod qawwi possibbli l-atti terribbli ta' vjolenza kontra d-dimostranti u d-detenuti paċifiċi, kif ukoll ir-repressjoni krudili u t-tortura tagħhom; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali sħiħa dwar dawn ir-reati, u b'mod partikolari fil-każ tal-imwiet ta': Alyaksandr Taraykouski, Konstantin Shishmakov, Alexander Vikhor u Gennady Shutov;

    10. Iwissi lir-reġim kontra kwalunkwe tentattiv li juża l-minoranzi nazzjonali, reliġjużi, etniċi u minoranzi oħra bħala mira ta' prokura, li tiddevja l-attenzjoni tas-soċjetà mill-frodi elettorali u mill-protesti u r-repressjoni massivi sussegwenti; jikkundanna l-prevenzjoni tar-ritorn lejn il-pajjiż tal-kap tal-Knisja Kattolika tal-Belarussja, l-Arċisqof Tadeusz Kondrusiewicz; bl-istess mod, iwissi kontra l-ħolqien ta' narrattivi foloz dwar it-theddid estern għall-Belarussja u l-integrità territorjali tagħha li ġej mill-UE u l-Istati Membri tagħha; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-użu ta' narrattivi bħal dawn bħala ġustifikazzjoni għall-attivitajiet militari, inkluż il-moviment tal-forzi Belarussi fir-reġjun ta' Grodno lejn il-fruntiera mal-Polonja u l-Litwanja;

    11. Jirrikonoxxi l-Kunsill ta' Koordinazzjoni tal-poplu Belarussu bħala r-rappreżentanza leġittima tal-poplu li qed jitlob bidla demokratika, libertà u dinjità fil-Belarussja; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal tranżizzjoni paċifika tal-poter wara djalogu nazzjonali inklużiv b'rispett sħiħ għad-drittijiet demokratiċi u fundamentali tal-poplu Belarussu;

    12. Jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni Ewropea jħejju rieżami komprensiv tal-politika tagħhom fil-konfront tal-Belarussja, filwaqt li jqisu xenarji differenti għall-iżvilupp tas-sitwazzjoni fil-pajjiż, li jinkludu wkoll impenn finanzjarju u tekniku miżjud b'mod sostanzjali mill-UE jekk il-bidliet demokratiċi, inklużi elezzjonijiet ġodda, isiru realtà;

    13. Jilqa' d-deċiżjoni tal-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE u tal-Kunsill Ewropew li jdaħħlu f'lista sewda lil dawk responsabbli għall-vjolenza wara l-elezzjonijiet presidenzjali u li jimponu sanzjonijiet individwali , inkluż l-iffriżar tal-assi, kontra uffiċjali Belarussi li huma responsabbli għall-falsifikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja u l-ksur tad-drittijiet ċivili u tal-bniedem, jew li kkontribwew għalihom; jenfasizza li din il-lista għandha tiġi aġġornata u estiża b'mod kostanti jekk ikun meħtieġ u għandha tinkludi lil Alexander Lukashenko u lill-kollaboraturi qrib tiegħu;

    14. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ attiv u dirett lill-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet mhux governattivi tal-Belarussja, jagħtu l-assistenza kollha meħtieġa liċ-ċittadini Belarussi u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iwaqqfu kwalunkwe appoġġ finanzjarju jew appoġġ ieħor lill-istituzzjonijiet tal-istat tal-Belarussja, u jsaħħu l-programmi ta' appoġġ għas-soċjetà ċivili, l-NGOs u l-ġurnalisti, il-programm ta' boroż ta' studju Ewropej għall-Belarussi u self għal programmi speċifiċi ta' riforma, biex b'hekk jiżblukkaw il-prijoritajiet tas-sħubija u jiżguraw kooperazzjoni sħiħa fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant;

    15. Jiddeplora l-involviment tal-Federazzjoni Russa fir-reġim ta' Lukashenko u l-appoġġ tagħha lilu u jikkundanna l-gwerra ibrida tal-Kremlin kontra l-poplu Belarussu; jinsab imħasseb serjament dwar l-infiltrazzjoni profonda tal-midja pubblika, is-servizzi sigrieti u tas-sigurtà u l-fergħat tal-gvern – inkluż l-uffiċċju tal-President – minn konsulenti u aġenti Russi; jistieden lill-Kunsill jappoġġja r-rieda tan-nazzjon Belarussu billi jillimita l-interferenza tal-Kremlin, inkluż billi jimblokka l-aċċess tar-Russja għas-sistema SWIFT u jintroduċi aktar sanzjonijiet immirati;

    16. Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa biex ma tieħu l-ebda azzjoni li thedded is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Belarussja u ma hu se jaċċetta l-ebda pass potenzjali meħud mill-awtoritajiet mingħajr leġittimità, bi ksur tad-dritt internazzjonali u kontra r-rieda tal-poplu Belarussu, fir-relazzjonijiet tar-reġim ta' Lukashenko mal-Federazzjoni Russa, li jwassal għar-restrizzjoni tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Belarussja;

    17. Jinnota s-solidarjetà apprezzata mal-attivisti Belarussi espressa mis-soċjetà ċivili favur id-demokrazija Russa; iwissi kontra kwalunkwe tentattiv biex tiġi mmilitarizzata s-sitwazzjoni u jiġu pprovokati tensjonijiet mal-pajjiżi ġirien;

    18. Jilqa' d-deċiżjoni tar-Repubblika tas-Serbja li tirtira mill-eżerċizzji tal-Fraternità Slava;

    19. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li t-Task Force East StratCom u l-midja tal-Istati Membri tal-UE jirrapportaw b'mod aktar wiesa' dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja u b'mod aktar dettaljat; Jistieden lill-EED iżid l-appoġġ għas-soċjetà ċivili Belarussa;

    20. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jaċċelleraw il-proċeduri tal-ħruġ ta' viżi għal dawk li qed jaħarbu mill-Belarussja għal raġunijiet politiċi, u jestendu l-appoġġ u l-assistenza kollha meħtieġa lilhom u lill-familji tagħhom;

    21. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-azzjonijiet tal-Grupp A1 Telekom Austria; jistieden lill-kumpanija tipprovdi aċċess bla restrizzjonijiet għall-internet mobbli lill-klijenti Belarussi tagħha f'konformità mal-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-libertà tal-kelma;

    22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarussja.

    Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020
    Avviż legali - Politika tal-privatezza