Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0278/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0278/2020

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

    14.9.2020 - (2020/2779(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
    skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Petras Auštrevičius, Vlad‑Marius Botoş, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Moritz Körner, Frédérique Ries, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu
    f'isem il-Grupp Renew

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0271/2020

    Proċedura : 2020/2779(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B9-0278/2020
    Testi mressqa :
    B9-0278/2020
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    B9‑0278/2020

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

    (2020/2779(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja[1], tas-6 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja[2], tad-19 April 2018 dwar il-Belarussja[3], u tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, notevolment il-każ ta' Charter 97[4],

     wara li kkunsidra t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009 bħala sforz komuni tal-UE u tas-sitt sħab Ewropej tal-Lvant tagħha, jiġifieri l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna,

     wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant tal-2009 fi Praga, tal-2011 f'Varsavja, tal-2013 f'Vilnius, tal-2015 f'Riga u tal-2017 fi Brussell,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula fi-11 ta' Awwissu 2020 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-elezzjonijiet presidenzjali,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Awwissu 2020 u dik tal-mexxejja tal-ħames gruppi politiċi tas-17 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020,

     wara li kkunsidra l-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Awwissu 2020 u dik tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tas-7 ta' Settembru 2020 dwar detenzjonijiet għal raġunijiet politiċi u arresti arbitrarji li ma ngħatatx spjegazzjoni għalihom,

     wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE u l-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta,

     wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi, minkejja tentattivi ripetuti, l-ebda partit politiku ġdid ma ġie rreġistrat fil-Belarussja mis-sena 2000 'l hawn;

    B. billi mill-bidu ta' Mejju 'l hawn, aktar minn 650 persuna bejn dimostranti paċifiċi, ġurnalisti u attivisti ċiviċi sfaw detenuti mal-pajjiż kollu talli pprotestaw kontra r-reġim ta' Alexander Lukashenko;

    C. billi l-proċessi elettorali Belarussi ma segwewx il-linji gwida tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), li jappellaw għar-rispett tal-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza, l-universalità, il-pluraliżmu politiku, il-fiduċja, it-trasparenza u r-responsabbiltà;

    D. billi waqt il-votazzjoni ġew irrappurtati irregolaritajiet sistematiċi u ksur tal-istandards elettorali internazzjonali;

    E. billi l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Belarussja ħabbret li l-President fil-kariga Alexander Lukashenko kien rebaħ l-hekk imsejħa elezzjonijiet;

    F. billi immedjatament wara t-tħabbir tal-hekk imsejħa riżultati elettorali bdew protesti paċifiċi bla preċedent, u mijiet ta' eluf inġabru fit-toroq tal-Belarussja;

    G. billi l-protesti fil-Belarussja huma ta' skala li qatt ma dehret bħalha qabel, infirxu mal-pajjiż kollu, huma interġenerazzjonali – taħt it-tmexxija viżibbli tan-nisa – u jinkludu persuni bi sfond okkupazzjonali differenti;

    H. billi r-reazzjoni tal-forzi tas-sigurtà għall-protesti paċifiċi kienet ħarxa ħafna, bl-użu frekwenti ta' forza eċċessiva, bla bżonn u indiskriminata;

    I. billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem irrapporta aktar minn 6 700 persuna li f'dawn l-aħħar ġimgħat sfaw detenuti waqt li kien jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' għaqda paċifika; billi l-esperti rċevew rapporti ta' mill-inqas 450 każ ta' tortura u maltrattament ta' persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom; billi, sal-1 ta' Settembru 2020, sitt individwi kienu għadhom ma nstabux; billi diversi persuni neqsin instabu mejta;

    J. billi Sviatlana Tsikhanouskaya, figura prominenti tal-oppożizzjoni meqjusa mill-poplu Belarussu bħala l-President elett, ġiet imġiegħla taħrab mill-pajjiż flimkien ma' politiċi tal-oppożizzjoni, mexxejja tal-moviment tal-ħaddiema u attivisti oħra;

    K. billi sitta mis-seba' membri tal-Presidju tal-Kunsill ta' Koordinament Nazzjonali ntbagħtu l-ħabs (Liliya Ulasava, Maksim Znak, Siarhei Dyleuski, Maria Kalesnikava) jew ġew imġiegħla jitilqu mill-Belarussja (Pavel Latushka, Volha Kovalkova) u, fil-każ ta' Svetlana Alexievich, saru tentattivi biex tiġi arrestata;

    1. Jenfasizza li, f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew, ma jirrikonoxxix ir-riżultati tal-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali li saru fil-Belarussja fid-9 ta' Awwissu 2020;

    2. Jikkundanna fermament l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni li għaddejjin fil-konfront ta' figuri tal-oppożizzjoni, attivisti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti indipendenti;

    3. Jappella għall-waqfien immedjat tal-vjolenza u l-ħelsien immedjat u inkondizzjonat ta' dawk kollha detenuti għal raġunijiet politiċi qabel u wara l-elezzjonijiet tad-9 ta' Awwissu 2020;

    4. Jikkundanna r-repressjoni tal-awtoritajiet Belarussi fuq l-attivitajiet tal-Kunsill ta' Koordinament Nazzjonali, partikolarment l-arresti u t-tkeċċija tal-membri tiegħu u ta' attivisti oħra tal-oppożizzjoni mill-Belarussja;

    5. Jitlob investigazzjoni indipendenti u effettiva dwar l-imwiet tad-dimostranti Alyaksandr Taraykouski, Alyaksandr Vikhor, Artsyom Parukou, Henadz Shutau u Kanstantsin Shyshmakou;

    6. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Belarussja, li qed jitlob il-libertà, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt li jagħżel id-destin tiegħu;

    7. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għal tranżizzjoni paċifika tal-poter wara djalogu nazzjonali inklużiv b'rispett sħiħ għad-drittijiet demokratiċi u fundamentali tal-poplu Belarussu; jappella, f'dan ir-rigward, biex jiġu organizzati elezzjonijiet ġodda, ħielsa u ġusti li jissodisfaw l-istandards elettorali rikonoxxuti internazzjonalment, taħt superviżjoni internazzjonali mmexxija mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-OSKE;

    8. Jikkundanna s-soppressjoni tal-midja u l-internet, kif ukoll l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti;

    9. Jikkundanna l-indħil ibridu tal-Federazzjoni Russa fil-Belarussja, partikolarment permezz tal-hekk imsejħa esperti medjatiċi u konsulenti li qed tiddelega lill-midja tal-istat Belarussu u fl-aġenziji militari u tal-infurzar tal-liġi, u jistieden lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa jwaqqaf dan l-indħil u jżomm lura minn kwalunkwe ndħil ieħor fil-proċessi interni tal-Belarussja; jistieden lill-Federazzjoni Russa tiżvolġi rwol kostruttiv biex tinstab soluzzjoni paċifika għas-sitwazzjoni fil-Belarussja;

    10. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri restrittivi b'urġenza kontra l-individwi responsabbli mill-falsifikazzjoni tal-elezzjonijiet u r-repressjoni fil-Belarussja;

    11. Jenfasizza l-ħtieġa ta' investigazzjoni sħiħa dwar ir-reati mwettqa mir-reġim kontra l-poplu tal-Belarussja;

    12. Jenfasizza l-importanza ta' rieżami sħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja, bil-għan li jingħata appoġġ lill-poplu tal-Belarussja u lill-aspirazzjonijiet demokratiċi tiegħu; jitlob li jiżdiedu l-fondi tal-UE disponibbli għall-Belarussja u li dawn jaslu għand is-soċjetà ċivili Belarussa, filwaqt li jiġi ffriżat kwalunkwe trasferiment ta' fondi tal-UE lill-Gvern Belarussu attwali;

    13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jiffaċilitaw u jħaffu l-proċeduri ta' applikazzjoni għall-viża għal dawk li qed jaħarbu mill-Belarussja għal raġunijiet politiċi jew għal dawk li għandhom bżonn trattament mediku minħabba l-vjolenza mwettqa kontrihom u joffru lilhom u lill-familji tagħhom l-appoġġ meħtieġ;

    14. Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra t-tixrid tad-diżinformazzjoni dwar l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet fil-Belarussja;

    15. Jiddeplora l-fatt li l-Belarussja diġà bdiet timla l-ewwel reattur tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Astravyets bi fjuwil nukleari u qed tippjana li tibda tipproduċi l-enerġija f'Novembru 2020, mingħajr ma implimentat bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet relatati mat-test tal-istress, li huwa saħansitra aktar inkwetanti f'dawn iż-żminijiet ta' instabbiltà politika kbira;

    16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarussja.

     

    Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020
    Avviż legali - Politika tal-privatezza