Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0279/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0279/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fir-Russja: l-avvelenament ta' Alexei Navalny

14.9.2020 - (2020/2777(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Idoia Villanueva Ruiz
f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2020/2777(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0279/2020
Testi mressqa :
B9-0279/2020
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0279/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Russja: l-avvelenament ta' Alexei Navalny

(2020/2777(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sejbiet kliniċi u tossikoloġiċi minn esperti mediċi Ġermaniżi u laboratorju speċjalizzat tal-forzi armati Ġermaniżi ddeterminaw li s-Sur Navalny, politiku tal-oppożizzjoni Russu, kien il-vittma ta' attakk b'aġent nervin kimiku tal-grupp "Novichok", sustanza li ġiet miżjuda mal-lista ta' aġenti pprojbiti fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi; billi Navalny ġie vvelenat fit-territorju tar-Russja u ttrasferit bil-kunsens tal-awtoritajiet Russi fi sptar f'Berlin, fejn għadu fit-taqsima tal-kura intensiva;

B. billi l-24 Konferenza tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi qablet fit-28 ta' Novembru 2019 li taġġorna l-lista ta' sustanzi kimiċi fl-Iskeda 1 ipprojbiti mill-konvenzjoni biex tinkludi l-aġenti nervini avvanzati magħrufa bħala Novichok;

C. billi l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi tistipula b'mod ċar kif wieħed għandu jipproċedi f'każijiet ta' ksur allegat tal-konvenzjoni, inkluż f'każijiet fejn iridu japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni, aktar milli miżuri unilaterali minn stati individwali jew grupp ta' stati;

D. billi r-Russja hija parti għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi;

1. Jilqa' l-aħbar li s-Sur Navalny ħareġ mill-koma, jittama li jirkupra għalkollox u malajr u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familja ta' Navalny;

2. Jenfasizza li l-użu ta' aġenti pprojbiti fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi fi kwalunkwe post, minn kwalunkwe persuna, u fi kwalunkwe ċirkostanza, jikkostitwixxi ksur tad-dritt internazzjonali, li reat bħal dan jeħtieġ li jiġi investigat b'mod trasparenti u li dawk responsabbli jeħtieġ jitressqu quddiem il-ġustizzja; jistieden lir-Russja twettaq l-obbligi tagħha fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u tikkoopera mal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW); jistieden lill-OPCW u lill-Istati Membri tagħha jaġixxu f'konformità mal-istipulazzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi;

3. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, f'kooperazzjoni mal-OPCW, iwettaq investigazzjoni bir-reqqa, trasparenti u imparzjali dwar l-avvelenament tas-Sur Navalny, biex jiżvela lill-OPCW kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-ħidma tagħha, biex jippubblika r-riżultati tal-investigazzjonijiet tagħha u biex dawk responsabbli għall-użu ta' aġenti pprojbiti fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi jitressqu quddiem il-ġustizzja;

4. Jitlob li l-awtoritajiet Ġermaniżi jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet Russi u mal-OPCW bil-għan li jiżguraw is-suċċess tal-investigazzjonijiet;

5. Jinsab inkwetat ħafna dwar l-għadd ta' każijiet ta' avvelenament, jew forom oħra ta' qtil immirat, ta' persuni li huma jew kienu ċittadini Russi, kemm fir-Russja nnifisha kif ukoll barra mill-pajjiż, matul l-aħħar għoxrin sena; jenfasizza li huwa diffiċli li jiġi spjegat jew ġustifikat in-nuqqas, f'ħafna każijiet, li l-awturi tar-reati jinżammu responsabbli u li ssir ġustizzja għall-vittmi u l-familji tagħhom; jistieden lir-Russja ttemm immedjatament l-impunità għal każijiet bħal dawn u tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha;

6. Jesprimi tħassib serju li l-attentat ta' qtil kontra s-Sur Navalny iżid mat-tensjonijiet kbar bejn ir-Russja u l-UE, u qed jintuża biex ikomplu jeskalaw ir-relazzjonijiet diffiċli; jinnota bi tħassib li persuni politiċi u l-midja ħolqu stereotipi ostili u li l-eskalazzjoni tar-retorika qed ikollha impatt perikoluż fuq is-soċjetajiet tal-UE u tar-Russja;

7. Jenfasizza li l-konfrontazzjoni attwali bejn l-UE u r-Russja mhix fl-interess taż-żewġ partijiet, taċ-ċittadini tagħhom jew tal-ekonomiji tagħhom; jissottolinja li jeħtieġ li jsiru sforzi konkreti biex tingħeleb id-diviżjoni konfrontazzjonali mġedda tal-kontinent Ewropew; jenfasizza li l-unika soluzzjoni għall-preservazzjoni tas-sigurtà u l-benesseri tal-popli fuq iż-żewġ naħat hija li d-differenzi jiġu riżolti permezz tad-djalogu u n-negozjati;

8. Jissottolinja li d-djalogu parlamentari mhux premju, iżda strument biex jitqajmu l-preokkupazzjonijiet, isir skambju ta' argumenti u jiġu promossi l-komprensjoni u l-fiduċja bejn iż-żewġ naħat; jindika li l-Parlament innifsu juża dan l-istrument fir-relazzjonijiet tiegħu ma' sħab oħra li magħhom jippersistu differenzi profondi; jinnota li r-relazzjonijiet interparlamentari mad-Duma Russa ilhom iffriżati għal aktar minn sitt snin, u hu tal-fehma li dan in-nuqqas ta' djalogu kkontribwixxa għan-nuqqas ta' fiduċja miż-żewġ naħat; jitlob li jerġa' jiġi introdott t-tħaddim normali tad-djalogu interparlamentari bejn id-Duma Russa u l-Parlament;

9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza