MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fir-Russja: l-avvelenament ta' Alexei Navalny
14.9.2020 - (2020/2777(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Sergey Lagodinsky, Heidi Hautala, Rasmus Andresen, Bronis Ropė, Anna Cavazzini, Hannah Neumann, Tineke Strik, Markéta Gregorová, Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Monika Vana, Sven Giegold, Jordi Solé, Francisco Guerreiro
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0280/2020
B9-0280/2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Russja: l-avvelenament ta' Alexei Navalny
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Josep Borrell dwar l-avvelenament ta' Alexei Navalny tal-24 ta' Awwissu 2020 u tat-2 ta' Settembru 2020, kif ukoll id-dikjarazzjoni tiegħu f'isem l-UE fit-3 ta' Settembru 2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet tat-8 ta' Settembru 2020, li appellat li ssir investigazzjoni indipendenti dwar l-avvelenament ta' Alexei Navalny,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-ministri tal-affarijiet barranin tal-G7 dwar l-avvelenament ta' Alexei Navalny tat-8 ta' Settembru 2020,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Alexei Navalny, bħala avukat, blogger u attivist kontra l-korruzzjoni, kixef għadd kbir ta' affarijiet ta' korruzzjoni li jinvolvu intrapriżi kummerċjali u politiċi Russi, mexxa għadd ta' protesti pubbliċi madwar ir-Russja kollha u sar wieħed mill-ftit mexxejja effettivi tal-oppożizzjoni Russa; billi huwa kien ġie detenut, arrestat, u kkundannat preċedentement, f'attentati biex jitwaqqfu l-attivitajiet politiċi u pubbliċi tiegħu; billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li għadd minn dawk il-proċeduri huma abbużivi u jmorru kontra l-prinċipju ta' proċess ġust; billi Navalny kien ġie attakkat fiżikament fl-2017 bl-użu ta' diżinfettant mediku li ħallih kważi għama, u permezz ta' allegat avvelenament matul id-detenzjoni tiegħu fl-2019; billi fl-ebda wieħed minn dawn il-każijiet ma tressqu l-awturi quddiem il-ġustizzja;
B. billi Navalny ikkollassa waqt li kien qed itir minn Tomsk għal Moska fl-20 ta' Awwissu 2020 u tqiegħed f'koma indotta għal ġimagħtejn biex tittaffa theddida serja għal ħajtu; billi ġie ttrasportat lejn l-Isptar Charité f'Berlin fit-22 ta' Awwissu;
C. billi l-Gvern Ġermaniż ħabbar fit-2 ta' Settembru 2020 li t-testijiet kliniċi u tossikoloġiċi mwettqa minn laboratorju militari Ġermaniż urew li Navalny kienet ġiet ivvelenata b'aġent nervin tal-klassi Novichok;
D. billi kienu tobba Russi l-ewwel li ttrattawh minħabba avvelenament u wara sostnew li ma kienx hemm traċċi ta' velenu f'ġismu u ppruvaw iżommuh milli jiġi ttrasportat 'il barra mill-pajjiż, u billi l-awtoritajiet Russi jiċħdu kwalunkwe konnessjoni mal-inċident;
E. billi l-aġenti nervini bħan-Novichok huma sustanzi sofistikati li huma letali, kumplessi ħafna u estremament diffiċli biex jinkisbu, li għalihom huma meħtieġa laboratorji speċjali u li huma magħrufa li ġew żviluppati mill-Unjoni Sovjetika u aktar tard, mir-Russja; billi l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi poġġiet din is-sustanza fil-lista tal-aġenti kimiċi projbiti;
F. billi kien hemm għadd ta' każijiet ta' avvelenament, jew forom oħra ta' assassinju mmirat jew attentat ta' assassinju, ta' avversarji tar-reġim u ġurnalisti indipendenti, jew fir-Russja nnifisha jew f'art barranija, matul l-aħħar għoxrin sena, li l-vittmi tagħhom jinkludu lil Anna Politkovskaya, Alexander Litvinenko, Sergei Skripal, Boris Nemtsov, Pyotr Verzilov u Vladimir Kara-Murz;
G. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt qed tkompli tiddeterjora fir-Russja, bi sforzi sistematiċi mill-awtoritajiet biex isikktu l-libertà tal-kelma, jillimitaw il-libertà tal-għaqda, jostakolaw l-attivitajiet tal-oppożizzjoni, jirreaġixxu bir-repressjoni għal kwalunkwe attività mmirata biex tesponi l-korruzzjoni u joħonqu l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili Russa;
H. billi din ir-ripressjoni kontinwa tad-dissidenza soċjali hija msaħħa mill-impunità tal-pulizija u tal-forzi tas-sigurtà kif ukoll min-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-qrati li jħarrku lill-awturi reali ta' dawn ir-reati;
I. billi r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni huma sistematikament soġġetti għal attakki verbali, kampanji ad hominem u diżumanizzazzjoni mill-gvern jew mill-midja ta' favur il-gvern;
J. billi d-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb u tal-kelma, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika huma minquxa fil-kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa;
K. billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u hija wkoll membru tal-Kunsill tal-Ewropa, u għaldaqstant impenjat ruħha li tirrispetta l-istandards u l-prinċipji li jirregolaw l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
L. billi dawn il-prinċipji huma pilastri kruċjali ta' soċjetà reżiljenti u pluralista; billi l-ħidma ħielsa u indipendenti tal-oppożizzjoni, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-midja hija ġebla tax-xewka ta' soċjetà demokratika bbażata fuq l-istat tad-dritt;
M. billi l-Parlament, f'għadd kbir ta' okkażjonijiet, esprima t-tħassib tiegħu dwar l-istat tad-demokrazija fir-Russja, in-nuqqas sistematiku ta' osservanza tal-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali, u l-ispazju dejjem jiċkien għall-atturi indipendenti u dissidenti fir-Russja;
N. billi l-Parlament uffiċjalment wasal għall-konklużjoni li r-Russja ma tistax tibqa' titqies bħala “sieħba strateġika”, anke fid-dawl tal-politika barranija antagonistika tagħha, inklużi l-interventi militari u l-okkupazzjonijiet illegali f'pajjiżi terzi;
1. Jestendi x-xewqat sinċiera tiegħu għall-irkupru malajr u sħiħ lil Alexei Navalny, l-aktar figura magħrufa tal-oppożizzjoni tar-Russja;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-attentat ta' assassinju fuq Alexei Navalny, kif ukoll l-użu ta' armi kimiċi, li jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
3. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-forzi demokratiċi fir-Russja, li huma impenjati favur soċjetà miftuħa u ħielsa, u l-appoġġ tiegħu għall-individwi u l-organizzazzjonijiet kollha li huma fil-mira ta' attakki u repressjoni;
4. Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill jaħdmu favur investigazzjoni internazzjonali dwar l-avvelenament ta' Alexei Navalny mal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tal-Ewropa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jikkooperaw bis-sħiħ mal-atturi internazzjonali b'mod trasparenti u imparzjali u jżommu responsabbli lill-awturi tar-reati;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jieqfu milli jiffastidjaw, jintimidaw u jattakkaw lill-oppożizzjoni, lis-soċjetà ċivili, lill-midja, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti oħra, u minflok jippermettu lill-poplu Russu jeżerċita l-libertajiet bażiċi u jsegwi attivitajiet politiċi u tas-soċjetà ċivili leġittimi; jikkundanna l-fatt li l-awtoritajiet Russi naqsu milli jipproteġu lil dawn l-atturi kontra l-attakki, il-fastidju u l-intimidazzjoni u milli jinvestigaw tali attakki kontrihom b'mod imparzjali;
6. Jistieden lill-Gvern Russu u lid-Duma tal-Istat jirrevedu l-qafas legali għall-elezzjonijiet u l-leġiżlazzjoni dwar l-aġenti barranin u l-organizzazzjonijiet mhux mixtieqa sabiex jiffaċilitaw il-pluraliżmu u l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti skont l-istandards internazzjonali u joħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kandidati tal-oppożizzjoni;
7. Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill ifasslu strateġija ġdida għar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja; jemmen li kwalunkwe strateġija bħal din jeħtiġilha tappoġġja aħjar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu l-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluża l-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni ta' Navalny, u ssaħħaħ il-kuntatti bejn il-persuni maċ-ċittadini tar-Russja;
8. Jitlob lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jadottaw malajr kemm jista' jkun reġim immirat ta' sanzjonijiet tal-UE kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li għandu jkun applikabbli għall-individwi jew l-entitajiet li jinsabu li kisru b'mod serju d-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet essenzjali, b'mod partikolari dawk relatati mar-repressjoni tas-soċjetà ċivili, tal-attivisti tal-oppożizzjoni u tal-ġurnalisti; iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' tali mekkaniżmi ta' sanzjonijiet b'tali mod li jippermettu l-ġbir u l-iffriżar tal-assi Ewropej tal-individwi korrotti skont is-sejbiet tal-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni ta' Navalny; iqis li l-propagandisti fi ħdan il-Gvern Russu u l-midja favur il-gvern li jikkontribwixxu b'mod attiv għad-diżinformazzjoni u l-attakki ta' mibegħda fuq l-oppożizzjoni Russa u dwarha għandhom ikunu koperti wkoll minn tali sanzjonijiet;
9. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri kollha jwaqqfu t-tlestija tal-gassdott Nord Stream 2 sabiex jevitaw li tiżdied id-dipendenza tal-Ewropa mill-provvisti tal-enerġija Russi u sabiex jevitaw ukoll li r-Russja tkun tista' tibbenefika u tiffinanzja l-politika barranija aggressiva u l-interventi militari tagħha mill-introjtu minn tali esportazzjonijiet tal-enerġija lejn l-UE; jitlob rieżami sistematiku ta' proġetti bilaterali simili fl-UE li jdgħajfu l-prinċipju tas-solidarjetà, jappoġġjaw il-korruzzjoni jew iwasslu għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
10. Iħeġġeġ lill-UE tistieden lir-Russja b'mod kontinwu biex tirrevoka jew temenda l-liġijiet kollha li mhumiex kompatibbli mal-istandards internazzjonali; jistieden lir-Russja ssostni l-primat ta' tali normi internazzjonali, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15, Taqsima 4 tal-Kostituzzjoni Russa li ma jistax jiġi derogat, u biex ma tapplikax il-bidliet reċenti li ġew adottati illegalment fil-Kostituzzjoni Russa li jiddikjaraw l-oppost; jenfasizza li kwalunkwe djalogu mar-Russja jrid ikun ibbażat fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lid-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa.