Proċedura : 2020/2777(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0283/2020

Testi mressqa :

B9-0283/2020

Dibattiti :

PV 15/09/2020 - 7
CRE 15/09/2020 - 7

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0232

<Date>{14/09/2020}14.9.2020</Date>
<NoDocSe>B9-0283/2020(RSP)</NoDocSe>
PDF 154kWORD 41k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni fir-Russja: l-avvelenament ta' Alexei Navalny</Titre>

<DocRef>(2020/2777(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute><Depute>Anna Fotyga, Witold Jan Waszczykowski, Ryszard Czarnecki, Jadwiga Wiśniewska, Alexandr Vondra, Bogdan Rzońca, Assita Kanko, Joanna Kopcińska, Elżbieta Kruk, Ruža Tomašić</Depute></RepeatBlock-By>

<Commission>{ECR}f'isem il-Grupp ECR</Commission>

</Depute>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0280/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Russja: l-avvelenament ta' Alexei Navalny

(2020/2777(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ("Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem"),

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR), li l-Federazzjoni Russa hija parti għaliha,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Bniedem u ċ-Ċittadin,

 wara li kkunsidra d-dibattitu li sar mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu fl-10 ta' Settembru 2020,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi;

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fit-20 ta' Awwissu 2020, il-mexxej tal-partit ir-Russja tal-Futur, Alexei Navalny, iddaħħal l-isptar u tħalla f’kundizzjoni serja iżda stabbli wara ġie avvelenat f'dak li hu maħsub li huwa attakk b'motivi politiċi;

B. billi fit-22 ta' Awwissu 2020, Alexei Navalny ġie ttrasportat lejn Berlin fuq titjira ta' evakwazzjoni medika u tpoġġa f'koma kkawżata medikament;

C. billi fit-2 ta' Settembru 2020, il-gvern Ġermaniż, wara testijiet kliniċi u tossikoloġiċi, ħabbar li Alexei Navalny kien ġie ivvelenat b'aġent nervin Novichok ta' grad militari;

D. billi aġent nervin mill-istess familja ntuża fit-territorju tal-UE fl-avvelenament ta' Sergei Skripal u Yulia Skripal; billi l-awtoritajiet Brittaniċi identifikaw żewġ ċittadini Russi, li jużaw l-ismijiet Alexander Petrov u Ruslan Boshirov, bħala l-persuni ssuspettati bl-avvelenament ta' Sergei u Yulia Skripal, u allegaw li kienu uffiċjali attivi tal-intelligence militari tar-Russja;

E. billi l-Federazzjoni Russa, bl-obbligu tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, impenjat ruħha li tosserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem;

F. billi l-użu ta' armi kimiċi minn kwalunkwe persuna taħt kwalunkwe ċirkostanza huwa kompletament inaċċettabbli u huwa ksur ċar tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, ksur tad-dritt internazzjonali, jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà għalina lkoll u jimmina l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;

G. billi l-awtoritajiet Russi u t-tmexxija politika għadhom qed ikomplu r-reġim repressiv u awtoritarju tagħhom kontra ċ-ċittadini tagħhom stess, is-soċjetà ċivili, l-oppożizzjoni politika u l-ħaddiema tal-midja, li sikwit jiġu soġġetti għal atti ta' fastidju, sorveljanza, attakki fiżiċi, theddid, raids u tfittxijiet fl-uffiċċji u d-djar tagħhom, kampanji ta' malafama, fastidju ġudizzjarju, detenzjoni arbitrarja, u trattament ħażin, kif ukoll ksur tad-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda;

H. billi r-Russja għażlet it-triq ta' tmexxija awtoritarja, u dan kellu impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u fuq l-istabbiltà fl-Ewropa u fid-dinja, u ġiegħel lill-UE u lill-Istati Membri jaslu għal approċċ aktar komuni u strateġiku fir-rigward tar-Russja ta' Putin;

I. billi l-avvelenament ta' Alexei Navalny jirrappreżenta xejra ta' mġiba mir-Russja ta' Putin li laqtet lil diversi personalitajiet ewlenin tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, attivisti u mexxejja barranin, inkluż, iżda mhux biss, Boris Nemtsov (politiku tal-oppożizzjoni), Anna Politkovskaya (ġurnalista u attivista ċivili), Sergei Protazanov (ħaddiem tal-gazzetta tal-oppożizzjoni), Alexander Litvinenko (deżertur) u Viktor Yushchenko (it-tielet President tal-Ukrajna);

J. billi l-assassinji sponsorjati mill-istat u l-eliminazzjoni fiżika tal-mexxejja tal-oppożizzjoni, kif kien il-każ ta' Boris Nemtsov, ma ġewx ikkastigati, u l-persuni akkużati li wettqu dawn id-delitti skandalużi ġew ippremjati mill-Kremlin;

K. billi r-reazzjonijiet tad-demokraziji tal-Punent għal dawn l-assassinji u azzjonijiet aggressivi oħra tal-Federazzjoni Russa ma kinux biżżejjed biex jiskoraġġixxu lill-Kremlin milli jkompli bil-politiki ostili u oppressivi tiegħu;

L. billi l-VP/RGħ iddikjara li l-Unjoni Ewropea kkundannat l-avvelenament bl-aktar mod qawwi possibbli, filwaqt li n-NATO talbet lir-Russja tiżvela l-programm tagħha tal-aġent nervin Novichok lill-osservaturi internazzjonali u insistiet li r-Russja tirrispetta l-impenji tagħha fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi;

1. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza diretta kontra Alexei Navalny, il-figura ewlenija tal-oppożizzjoni Russa;

2. Jesprimi s-simpatija tiegħu mal-familja tas-Sur Navalny u t-tama tiegħu li dan jirkupra għalkollox u malajr;

3. Iqis l-avvelenament tiegħu bħala attakk kontra d-demokrazija u l-pluralità politika fil-Federazzjoni Russa;

4. Jappella għal rispons internazzjonali konġunt u adegwat għal dan il-każ; jenfasizza li l-avvelenament tas-Sur Navalny ma jistax jiġi kklassifikat bħala kwistjoni domestika għall-Federazzjoni Russa, peress li dan id-delitt jikser id-dritt internazzjonali;

5. Jikkundanna l-użu offensiv ta' kwalunkwe aġent nervin ta' grad militari żviluppat mir-Russja u jissottolinja li din mhijiex l-ewwel darba f'dawn l-aħħar snin li r-Russja użat aġenti nervini kontra dissidenti u figuri tal-oppożizzjoni;

6. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jadotta miżuri restrittivi kontra dawk responsabbli għall-użu u l-proliferazzjoni tal-armi kimiċi;

7. Jiddeplora u jikkundanna t-tattiċi tal-gwerra ibridi tal-Kremlin, u jistieden lill-Kunsill jibblokka l-aċċess tar-Russja għas-sistema SWIFT u jintroduċi aktar sanzjonijiet immirati;

8. Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-pipeline kontroversjali Nord Stream-2, li huwa proġett politiku mfassal biex iżid id-dipendenza tal-UE fuq il-provvisti tal-gass Russi u jhedded is-suq intern tal-UE peress li la huwa allinjat mal-politika tal-enerġija tal-UE u lanqas mal-interessi strateġiċi tagħna, u għalhekk jeħtieġ li jitwaqqaf; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk involuti fil-pipeline ikkontestat, iwettqu din il-pożizzjoni fi spirtu ta' solidarjetà u oġġezzjoni għall-politiki aggressivi Russi, u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimblukkaw dan il-proġett strateġiku mill-Kremlin;

9. Jinsab imħasseb dwar l-emendi kostituzzjonali li ġew adottati reċentement f'referendum dubjuż; huwa tal-fehma li tali bidliet fil-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa jservu bħala żvilupp inkwetanti ieħor li juri li l-politika tal-Kremlin se tibqa' oppressiva lejn is-soċjetà ċivili Russa u hija mfassla biex tipproġetta d-dominanza tiegħu fuq id-dinja post-Sovjetika;

10. Huwa tal-fehma li fid-dawl tat-tkomplija mill-Federazzjoni Russa tal-politiki domestiċi oppressivi tagħha u l-azzjonijiet aggressivi tagħha madwar id-dinja, inkluż fl-Ukrajna, il-Belarussja, il-Georgia, is-Sirja u l-Libja, il-Punent demokratiku għandu jsaħħaħ il-politiki tiegħu u jieħu azzjonijiet aktar determinati sabiex iwieġeb b'mod xieraq għall-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom;

11. Iħeġġeġ li ssir investigazzjoni internazzjonali dwar l-avvelenament taħt l-awspiċi tas-Sħubija Internazzjonali kontra l-Impunità għall-Użu ta' Armi Kimiċi u jtenni r-responsabbiltà tal-Federazzjoni Russa li tipprovdi appoġġ investigattiv trasparenti, fil-pront u effettiv fir-rigward ta' min hu responsabbli għall-attakk u li tipprovdi l-assistenza kollha meħtieġa biex dawn jitressqu quddiem il-ġustizzja;

12. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jiżguraw l-obbligu ta' rendikont, mhux biss fil-każ tas-Sur Navalny, iżda wkoll f'każijiet fejn hemm suspett li n-nies ġew ivvelenati jew assassinati mir-reġim ta' Putin;

13. Jistieden lill-komunità internazzjonali tieħu l-passi legali xierqa u tuża l-għodod legali kollha disponibbli, fid-dawl tal-Att Magnitsky, biex tipprevjeni u twaqqaf l-attakki kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni u l-attivisti ċivili;

14. Iqis li azzjonijiet bħal dawn aktarx għandhom l-intenzjoni li jeliminaw l-attiviżmu ċivili u politiku fil-Federazzjoni Russa;

15. Itenni li l-UE għandha tkun solidari għalkollox mas-soċjetà ċivili Russa u tuża r-reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem biex tissanzjona lill-awturi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Kunsill ikompli l-ħidma tiegħu dwar dan mingħajr dewmien; jenfasizza li l-awturi ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ma għandhomx jingħataw viżi tal-UE, u lanqas ma għandhom jitħallew iżommu assi fl-Istati Membri;

16. Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tindirizza l-kwistjonijiet imqajma mill-komunità internazzjonali b'mod urġenti u tipprovdi żvelar immedjat, sħiħ u komplut tal-programm Novichok tagħha lill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi;

17. Jistieden lill-VP/RGħ jibqa' ffukat mill-qrib fuq l-avvelenament tas-Sur Navalny u l-implikazzjonijiet tiegħu fir-Russja sakemm dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Uffiċċju Eżekuttiv Presidenzjali, lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Federazzjoni Russa u lid-Duma tal-Istat Russu.

 

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza