Proċedura : 2020/2764(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0310/2020

Testi mressqa :

B9-0310/2020

Dibattiti :

PV 05/10/2020 - 24
CRE 05/10/2020 - 24

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0267

<Date>{02/10/2020}1.10.2020</Date>
<NoDocSe>B9-0310/2020</NoDocSe>
PDF 187kWORD 60k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara l-Mistoqsijiet għal Tweġiba Orali B9‑0018/2020 u B9‑0019/2020</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ</Titre>

<DocRef>(2020/2764(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Lucia Ďuriš Nicholsonová</Depute>

<Commission>{EMPL}f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali</Commission>

</RepeatBlock-By>


B9-0310/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ

(2020/2764(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 145, 147 u 149 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), ipproklamat mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f'Novembru 2017, u b'mod partikolari l-prinċipju 4 tiegħu, "Appoġġ attiv għall-impjiegi",

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta' Lulju 2020,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/779 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013, fir-rigward ta' ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġjati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ[2],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1181 tat-8 ta' Lulju 2019 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[3],

 wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ[4],

 wara li kkunsidra r-Rapporti Speċjali Nru 3/2015 tal-Qorti tal-Awdituri (QEA) bit-titolu: "IlGaranzija għażŻgħażagħ talUE: ittieħdu lewwel passi iżda hemm riskji filġejjieni għallimplimentazzjoni", Nru 17/2015 bit-titolu "Appoġġ mill-Kummissjoni għat-timijiet ta' azzjoni għaż-żgħażagħ: ir-riorjentament tal-finanzjament mill-FSE nkiseb, iżda ma kienx hemm fokus suffiċjenti fuq ir-riżultati" u Nru 5/2017 bit-titolu "Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza? Valutazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ",

 wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 4/2015 bit-titolu "The Youth Guarantee programme in Europe: Features, implementation and challenges" (Il-Programm ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-Ewropa: Karatteristiċi, implimentazzjoni u sfidi) kif ukoll ir-rapport tal-Eurofound tal-2015 bit-titolu "Social inclusion of young people" (L-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 bit-titolu "L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss" (COM(2020) 0276),

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Pont għall-Impjiegi – Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (COM(2020)0277) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2020)0124),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 bit-titolu "L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ" (COM(2018) 0269) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2018 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027[5],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 bit-titolu "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara" (COM(2016)0646) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0323),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta' Lulju 2020[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-Istati Membri[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar il-kontroll tal-infiq u monitoraġġ tal-kosteffikaċja tal-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE[8],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2013 dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ[9],

 wara li kkunsidra l-mistoqsijiet dwar it-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ lill-Kummissjoni (O-000058/2020 – B9-0018/2020 u O-000059/2020 – B9‑0019/2020),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

A. billi, mit-twaqqif tagħha fl-2013, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ ħolqot opportunitajiet u għenet lil aktar minn 24 miljun żagħżugħ u żagħżugħa jsibu impjieg jew jipparteċipaw fi programm ta' edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew t-traineeship; billi, qabel il-kriżi tal-COVID-19, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (ta' bejn 15 u 24 sena) kienet ta' 14,9 % bħala medja meta mqabbla ma' quċċata ta' 24,4 % fl-2013; billi din ir-rata għadha aktar mid-doppju tar-rata ġenerali tal-qgħad (6.5 %); billi l-prevalenza ta' xogħol mhux standard hija għolja ħafna fost iż-żgħażagħ, bi 43,8 % taż-żgħażagħ f'xogħol temporanju madwar l-UE; billi r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ taħbi disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri, b'rata ta' qgħad għall-persuni taħt il-25 sena tkun ta' 40,8 % fi Spanja (Ġunju 2020) u ta' 33,6 % fil-Greċja (April 2020); billi hemm wisq żgħażagħ li għandhom xogħol prekarju u ħafna jridu jitilqu mir-reġjun jew mill-pajjiż tagħhom biex isibu impjieg deċenti;

B. billi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija rikonoxxuta li tat spinta lir-riformi strutturali fis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u fis-sistemi edukattivi fl-Istati Membri; billi, madankollu, din ġiet implimentata pjuttost bil-mod u biċċa biċċa min-naħa tal-Istati Membri fil-fażi bikrija tagħha, u diversi nuqqasijiet ġew enfasizzati mill-partijiet ikkonċernati u ż-żgħażagħ fit-tfassil u t-tħaddim tagħha fil-prattika; billi fir-Rapport Speċjali Nru 5/2017 tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri kkritikat il-progress limitat tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, billi kkonkludiet li l-kontribut tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) għall-kisba tal-objettivi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-ħames Stati Membri li saritilhom żjara kien limitat ħafna fil-mument li saret il-verifika, kif ukoll li aktar minn tliet snin wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, din is-sitwazzjoni ma laħqitx l-aspettattivi inizjali li tqajmu fit-tnedija tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li kellha l-għan li tipprovdi offerta ta' kwalità tajba lin-NEETs kollha – żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ – fi żmien erba' xhur; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri progressivament introduċew aġġustamenti u gwida mtejba għall-programm li jagħmel il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-YEI għodod essenzjali fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE;

C. billi l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ hija prijorità politika kondiviża mill-Parlament, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv ta' tkabbir sostenibbli u impjiegi ta' kwalità għolja tal-Unjoni filwaqt li hija konformi mal-EPSR;

D. billi fil-kondiviżjoni tal-prijoritajiet politiċi tagħha, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen iddikjarat li se tibdel il-Garanzija għaż-Żgħażagħ fi strument permanenti biex tiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ u li għandu jkollha baġit miżjud u rappurtar regolari biex tiżgura li tagħti dak li twiegħed f'kull Stat Membru;

E. billi l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal kriżi ekonomika u soċjali bla preċedent li minħabba fiha r-rati tal-qgħad fl-UE qed jiżdiedu u miljuni ta' nies qed jirriskjaw li jitilfu l-impjieg tagħhom; billi minn Ġunju 2020 il-qgħad fost iż-żgħażagħ kien ta' 16,8 % madwar l-UE, numru li għadu mistenni li jkompli jiżdied b'mod qawwi, meta jitqies li ż-żgħażagħ jirriskjaw li jintlaqtu l-agħar, bħal matul il-kriżi tal-2008; billi r-rati għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ huma ta' detriment għall-individwi kkonċernati, li spiss iwasslu għall-hekk imsejħa "effetti ċikatriċi"; billi dawn l-effetti ta' detriment se jgħaddu minnhom partikolarment l-għadd dejjem jikber ta' żgħażagħ qiegħda fit-tul u mis-soċjetà b'mod ġenerali, u għalhekk hemm il-ħtieġa ta' sforzi ta' politika deċiżivi u mmirati; billi l-investiment fil-kapital uman taż-żgħażagħ Ewropej se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej u jagħmilhom aktar inklużivi u reżiljenti; billi forza tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa, kreattiva u innovattiva hija prerekwiżit għal Ewropa kompetittiva;

F. billi ż-żgħażagħ huma affettwati b'mod sproporzjonat minn kriżi ekonomika[10]; billi l-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19 se tkun essenzjali biex jiġu evitati rati għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ; billi wieħed minn kull sitt żgħażagħ li kienu impjegati qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 tilef l-impjieg tiegħu jew ngħata s-sensja; billi s-sigħat tax-xogħol fost iż-żgħażagħ impjegati naqsu bi kważi kwart u tnejn minn kull ħames żgħażagħ irrappurtaw tnaqqis fl-introjtu tagħhom, b'dawk f'pajjiżi b'introjtu aktar baxx kienu l-aktar affettwati f'termini ta' sigħat tax-xogħol u ta' introjtu;

G. billi l-miżuri ta' lockdown ikkawżaw tfixkil f'daqqa fl-edukazzjoni formali u informali, traineeships, internships u apprendistati taż-żgħażagħ, kif ukoll fl-impjiegi, u b'hekk affettwaw l-introjtu, il-potenzjal ta' qligħ u l-benesseri tagħhom, inkluża s-saħħa tagħhom u b'mod partikolari s-saħħa mentali tagħhom; billi l-miżuri tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għandhom jindirizzaw in-natura multidimensjonali tal-problema;

H. billi ż-żgħażagħ b'diżabilitajiet intlaqtu partikolarment ħażin mill-effetti tal-pandemija u issa jinsabu f'riskju saħansitra akbar ta' esklużjoni soċjoekonomika; billi huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri mmirati biex jappoġġjaw l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u biex jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għal servizzi ta' kwalità filwaqt li jiżguraw li ma jbatux minn diskriminazzjoni jew ostakli ta' kwalunkwe tip, inklużi dawk finanzjarji;

I. billi huwa aktar probabbli li ż-żgħażagħ jispiċċaw bla xogħol minħabba l-fatt li huma jaħdmu aktar ta' spiss fl-ekonomija informali, f'forom mhux standard ta' impjieg, bi ftit jew xejn protezzjoni soċjali u m'għandhomx esperjenza professjonali;

J. billi r-rati ta' xogħol mhux standard, bħal xogħol fuq pjattaforma diġitali jew ta' "gigs" huma għoljin ħafna fost iż-żgħażagħ u xogħol mhux standard jipprovdi inqas sigurtà fl-impjieg u aċċess limitat jew l-ebda aċċess għall-protezzjoni soċjali, li jagħmel liż-żgħażagħ aktar probabbli li jispiċċaw qiegħda waqt kriżi bħall-COVID-19 filwaqt li jiġi ristrett l-aċċess tagħhom għall-protezzjoni soċjali;

K. billi huwa essenzjali li tiġi ssottolinjata d-differenza bejn il-livelli ta' qgħad u ta' inattività biex wieħed jifhem aħjar l-inċidenza tal-kriżi fost iż-żgħażagħ, peress li żieda fil-popolazzjoni inattiva tista' tirriżulta wkoll fi tnaqqis statistiku tal-qgħad; billi diversi Stati Membri rreġistraw żieda akbar fil-popolazzjoni inattiva milli fil-qgħad, kemm minħabba l-fatt li matul il-kriżi n-nies waqfu jfittxu xogħol, u wkoll minħabba l-introduzzjoni ta' miżuri tas-suq tax-xogħol pubbliku bħal skemi ta' xogħol għal żmien qasir u l-imblukkar ta' sensji;

L. billi l-kuntratti b'introjtu baxx u prekarji, l-impjieg indipendenti fittizju, in-nuqqas ta' protezzjoni soċjali bażika u prattiki diskriminatorji skont l-età huma l-kundizzjonijiet tal-impjieg esperjenzati minn miljuni ta' żgħażagħ; billi r-rata ta' żgħażagħ inattivi żdiedet fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u billi fost in-NEETs id-differenza bejn il-ġeneri żdiedet ukoll matul dan il-perjodu; billi ħafna żgħażagħ qed jaqilbu bejn l-impjieg u l-qgħad jew l-inattività jew jinsabu maqbuda f'forom prekarji ta' impjieg mhux standard; billi ż-żgħażagħ huma f'riskju ogħla minn oħrajn li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-awtomazzjoni;

M. billi n-nisa, u b'mod partikolari n-nisa żgħażagħ, isofru diskriminazzjoni doppja, minħabba li huma żgħażagħ u minħabba li huma nisa, minħabba żbilanċ inkwetanti fis-suq tax-xogħol;

N. billi l-pandemija tista' tkabbar l-inugwaljanzi fis-soċjetà, inkluża d-diviżjoni diġitali li tibqa' problema serja fl-UE kollha kemm hi u fl-Istati Membri; billi n-nuqqas ta' aċċess xieraq għall-broadband u għal tagħmir adegwat tal-IT għaż-żgħażagħ b'mod ġenerali, u wkoll fil-kuntest tat-tagħlim mill-bogħod u t-telexogħol, jista' jwassal għal aktar inugwaljanzi, esklużjoni u diskriminazzjoni;

O. billi l-kriżi preċedenti wriet li jekk iż-żgħażagħ ma jiġux ipprovduti bi traineeships u impjiegi ta' kwalità – abbażi ta' ftehimiet bil-miktub u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, inkluża paga li tiggarantixxi l-għajxien, konsulenza u gwida għall-karriera u taħriġ ulterjuri – għad jerġa' jkun hemm riskju għoli li jkunu sfurzati jaċċettaw impjiegi prekarji, iħallu pajjiżhom biex isibu xogħol, jew jirreġistraw fl-edukazzjoni jew it-taħriġ, anki jekk ikunu qed ifittxu impjieg reali;

P. billi l-kwalità baxxa tal-offerti tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija waħda mill-aktar nuqqasijiet sinifikanti tagħha; billi t-traineeships ipprovduti fl-ambitu tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ m'għandhomx biss ikunu mħallsa iżda għandhom ikunu limitati fit-tul u fin-numru sabiex iż-żgħażagħ ma jispiċċawx maqbuda fi traineeships ripetuti li ma jintemmu qatt u sfruttati għal xogħol irħis jew saħansitra b'xejn u mingħajr protezzjoni soċjali u drittijiet tal-pensjoni; billi l-istudji juru li l-ġenerazzjoni attwali ta' żgħażagħ isibu l-ewwel impjieg reali tagħhom fil-bidu tat-tletinijiet f'termini tal-età tagħhom;

Q. billi l-ġenerazzjoni attwali ta' żgħażagħ għandha livell għoli ta' ħiliet; billi t-taħriġ tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet mhumiex tweġiba għan-nuqqas ta' impjiegi għaż-żgħażagħ; billi l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli, min-naħa l-oħra, huwa kruċjali għall-istabbiltà tagħhom;

R. billi l-programmi tal-impjiegi jista' jkollhom effett fuq il-qgħad iżda ma jistgħux jissostitwixxu sforzi usa' li jinkoraġġixxu swieq tax-xogħol aktar flessibbli; billi l-ostakli tas-suq tax-xogħol għandhom effetti partikolarment ta' ħsara fuq iż-żgħażagħ, u qed iżidu r-rati tal-qgħad u qed iħallu lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda vulnerabbli; billi r-riċerka[11] wriet il-ħtieġa kemm ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol kif ukoll ta' skemi ta' protezzjoni soċjali bbażati fuq il-limitu tar-riskju tal-faqar sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-miżuri sempliċiment ibiddlu l-opportunitajiet ta' impjieg mingħajr ebda gwadann bejn is-sottogruppi ta' persuni vulnerabbli;

S. billi l-linji gwida tal-2019 għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri jappellaw lill-Istati Membri biex ikomplu jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kwistjoni ta' NEETs, permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u t-titjib strutturali fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

T. billi l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tibni fuq l-esperjenza u t-tagħlimiet miksuba mill-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ mill-2013 'il hawn, u għandha l-għan li tilħaq numru akbar ta' żgħażagħ, bil-kategorija tal-età tiġi estiża għall-persuni kollha taħt it-30 sena, billi tappoġġjahom fl-iżvilupp ta' ħiliet u l-kisba ta' esperjenza ta' xogħol, b'mod partikolari fis-sistema modernizzata tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

U. billi għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss 2021-2027, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ se tkun iffinanzjata permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), li issa jinkludi l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, li hija l-programm ta' finanzjament ewlieni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; billi n-Next Generation EU, permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta' REACT-EU, se jipprovdi appoġġ addizzjonali għal miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ; billi l-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li huma allinjati mat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi doppji, se jiġu ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali; billi l-Istati Membri, fuq talba u wara li jissodisfaw il-kriterji predefiniti, jistgħu jiksbu riżorsi mill-Istrument Tekniku ta' Appoġġ biex jiffinanzjaw l-istadji ta' tħejjija u implimentazzjoni tar-riformi strutturali, fost miżuri oħrajn, fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-politiki tas-suq tax-xogħol;

1. Jilqa' l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tintroduċi titjib strutturali abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-implimentazzjoni ta' dan l-istrument; ifakkar li rakkomandazzjoni tal-Kunsill ma għandha l-ebda effett vinkolanti fuq l-Istati Membri; jirrimarka li mhux l-Istati Membri kollha mxew mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li wasslet biex iż-żgħażagħ ġew minsija; iqis li wasal iż-żmien li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ issir vinkolanti minflok volontarja; jistieden mill-ġdid lill-Kummissjoni tipproponi strument għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ li jkun vinkolanti għall-Istati Membri kollha;

2. Jisħaq li approċċ multidimensjonali għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li jinkludi politiki attivi u passivi tas-suq tax-xogħol, aċċess effettiv għal miżuri ta' inklużjoni soċjali u għal servizzi soċjali, tas-saħħa u tal-akkomodazzjoni għaż-żgħażagħ huwa meħtieġ biex jiġu żgurati l-kwalità u s-sostenibbiltà ta' dawn l-azzjonijiet;

3. Jisħaq li Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa għandha tegħleb in-nuqqasijiet tal-approċċ preċedenti, li kien ibbażat fuq l-impjegabbiltà, u li din trid titqies bħala triq li għandha l-għan li tiżgura, fi żmien raġonevoli, impjiegi ta' kwalità u permanenti għaż-żgħażagħ kollha involuti; itenni li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ m'għandhiex tistituzzjonalizza x-xogħol prekarju għaż-żgħażagħ, b'mod partikolari permezz ta' status atipiku li jwassal għal pagi estremament baxxi, nuqqas ta' protezzjoni soċjali, nuqqas ta' sigurtà tal-impjieg, impjieg indipendenti fittizju u impjiegi prekarji li jissostitwixxu impjieg b'salarju reali;

4. Jilqa' l-fatt li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa se tkopri kategorija usa' tal-età biex tinkludi ż-żgħażagħ li għandhom bejn il-15 u d-29 sena u li se jiġi applikat approċċ aktar individwalizzat u mmirat kemm għal NEETs temporanji kif ukoll għan-NEETs fit-tul; jilqa' wkoll l-isforzi biex il-Garanzija għaż-Żgħażagħ issir aktar inklużiva u biex tiġi evitata kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni, inklużi gruppi żvantaġġjati u vulnerabbli, minoranzi razzjali u etniċi, migranti u rifuġjati, żgħażagħ b'diżabilità u dawk li jgħixu f'żoni urbani remoti, rurali jew żvantaġġjati jew f'territorji extra-Ewropej u reġjuni insulari; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iżbilanċ fis-suq tax-xogħol, li fih in-nisa b'mod ġenerali, u b'mod partikolari n-nisa żgħażagħ, ibatu minn diskriminazzjoni doppja, minħabba li huma żgħar fl-età u minħabba li huma nisa; jissottolinja l-ħtieġa li l-Kummissjoni tqis il-ħtiġijiet tan-nisa żgħażagħ meta tindirizza d-differenza bejn il-ġeneri;

5. Jilqa' l-inklużjoni ta' dimensjoni tal-ġeneri fil-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jinnota madankollu li d-differenza bejn il-ġeneri fost in-NEETs żdiedet matul dawn is-snin u li l-fatt li jkollhom familja għadu ostaklu għall-impjieg tan-nisa żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jinmplimentaw miżuri vinkolanti biex jevitaw id-diskriminazzjoni fir-reklutaġġ minħabba l-ġeneru jew is-sitwazzjoni familjali tal-kandidat;

6. Jisħaq li n-NEETs jinkludu diversi sottogruppi, bħaż-żgħażagħ b'diżabilità, iż-żgħażagħ bla dar, iż-żgħażagħ Rom, iż-żgħażagħ migranti u rifuġjati, li għandhom bżonnijiet differenti li għalihom għandhom jiġu pprovduti servizzi mfassla speċifikament, bħal, fil-każ ta' persuni b'diżabilità, akkomodazzjoni raġonevoli garantita u introjtu mix-xogħol li jkunu kompatibbli ma' ħlasijiet kontinwi tad-diżabilità; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jkun hemm data preċiża u modi xierqa biex jiġu identifikati dawn is-sottogruppi, u biex jiġi adottat approċċ differenzjat fil-konfront tan-NEETs fit-tul li spiss jiġu minn sfond soċjoekonomiku żvantaġġjat u jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersettorjali fl-edukazzjoni u l-impjieg, fost oqsma tal-ħajja oħrajn, u li għalihom għandhom jiġu mnedija programmi ta' sensibilizzazzjoni effettivi; jisħaq li biex tilħaq lil dawn il-gruppi fil-mira, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tiġi inkorporata f'sett koerenti ta' politiki soċjali u tal-benesseri, bħall-aċċess għas-sigurtà soċjali, inklużi l-benefiċċji tal-qgħad u l-introjtu minimu, il-kura tat-tfal, is-servizzi tas-saħħa, akkomodazzjoni adegwata, affordabbli u aċċessibbli u appoġġ psikoloġiku, biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha jkollhom aċċess għall-iskema; jinsisti li kwalunkwe diskriminazzjoni esperjenzata miż-żgħażagħ, għal kwalunkwe raġuni, trid tiġi miġġielda b'mod attiv mill-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

7. Jilqa' r-rakkomandazzjoni biex l-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ta' twissija bikrija bil-għan li jidentifikaw żgħażagħ li qegħdin f'riskju li jsiru NEETs; huwa konvint li azzjonijiet preventivi, bħal valutazzjonijiet tal-ħiliet u gwida tal-karriera u vokazzjonali, li jiffukaw fuq li jgħinu lil dawk li jitilqu mill-iskola kmieni fl-impjieg isibu impjieg jew edukazzjoni qabel ma jispiċċaw bla xogħol, jekk jitwettqu kif xieraq, u l-għoti ta' edukazzjoni ġenerali inklużiva u mhux diskriminatorja jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-għadd ta' NEETs fit-tul;

8. jappoġġja l-idea li tiġi vvalutata l-ġabra ta' ħiliet, speċjalment il-ħiliet diġitali, tan-NEETs kollha u l-proposta biex jissaħħu l-ħiliet diġitali, lingwistiċi u personali soċjali b'taħriġ preparatorju u biex jiġu ffaċilitati t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid lejn ħiliet ekoloġiċi, ħiliet intraprenditorjali u ħiliet finanzjarji u ta' ġestjoni tal-karriera permezz ta' gwida u orjentazzjoni tal-karriera individwalizzati; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' ħiliet informali u mhux formali; jitlob ukoll li s-sjieda tat-tagħmir diġitali u l-istat tal-konnettività tan-NEETs kollha jiġu vvalutati fl-istess ħin li jiġu vvalutati l-ħiliet diġitali tagħhom; iqis barra minn hekk li ż-żgħażagħ li jirreġistraw għall-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom jiġu appoġġjati fl-iżvilupp ta' ħiliet soċjali u trasversali, biex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw aħjar it-tranżizzjonijiet u biex jiffaċċjaw suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr; jemmen li taħriġ simili mfassal apposta għandu l-għan li jindirizza n-nuqqas ta' qbil fis-suq tax-xogħol; jemmen li l-apprendistati jista' jkollhom rwol importanti f'dan ir-rigward peress li jippreparaw liż-żgħażagħ għal impjiegi li għalihom hawn domanda kbira, u għalhekk jistgħu jikkontribwixxu għall-integrazzjoni sostenibbli tagħhom fis-suq tax-xogħol;

9. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ li jirreġistraw għall-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ jiġu proposti offerti ta' xogħol, taħriġ, apprendistat jew internship ta' kwalità tajba, varjati u mfassla apposta, inkluża rimunerazzjoni ġusta, u li l-offerti tal-impjieg ikunu allinjati mal-prinċipji rilevanti tal-EPSR li jiżguraw id-dritt għal trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż l-iżgurar ta' ambjent tax-xogħol adattat għall-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u t-taħriġ, u b'perjodi ta' prova b'tul ta' żmien raġonevoli, kif ukoll il-projbizzjoni ta' abbuż ta' kuntratti atipiċi; jinsisti li taħt l-ebda ċirkostanza m'għandhom offerti fl-ambitu tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa jikkontribwixxu għad-dumping soċjali, id-dumping tal-pagi, il-faqar fost dawk li jaħdmu jew il-prekarjetà għaż-żgħażagħ; itenni li l-internships jistgħu jiżvolġu rwol fit-taħriġ vokazzjonali; ifakkar li l-kuntratti tal-internships għandhom jieħdu l-forma ta' ftehimiet legalment vinkolanti bil-miktub, li jispeċifikaw il-kompiti tal-internat u jinkludu rimunerazzjoni deċenti; iqis li l-objettiv tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandu jwassal għall-impjieg u li l-internships m'għandhom qatt jispiċċaw sostituzzjoni tal-impjieg;

10. Jitlob li jkun hemm garanzija ta' kwalità li tiżgura li n-nies li spiċċaw it-taħriġ u/jew l-edukazzjoni tagħhom matul il-kriżi tal-COVID-19 ikunu jistgħu (jerġgħu) jagħmlu korsijiet inklużi fit-traineeship u/jew l-apprendistat tagħhom, anki wara li jkunu kisbu l-lawrja u/jew temmew it-traineeship u/jew l-apprendistat tagħhom, li jista' jkun li kellu jiġi kkanċellat, jew imqassar jew b'xi mod ieħor sofra nuqqas meta kienu stabbiliti l-miżuri kontra l-COVID-19, sabiex jimlew in-nuqqasijiet eventwali fit-taħriġ tagħhom;

11. Jinsisti fuq il-ħtieġa li fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill jiġu spjegati kriterji u standards ta' kwalità, ċari u vinkolanti għall-offerti u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas ta' kwalità li jirregola l-Garanzija għaż-Żgħażagħ; huwa konvint li qafas bħal dan isaħħaħ il-programm u jagħmlu għodda aktar effettiva għal tranżizzjoni b'suċċess lejn is-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-istrumenti Ewropej eżistenti bħall-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships u l-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi u biex iddaħħal kriterji ta' kwalità għall-offerti magħmula liż-żgħażagħ, inkluż il-prinċipju ta' rimunerazzjoni ġusta tat-trainees u l-internati, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, l-impjieg sostenibbli u d-drittijiet soċjali; jisħaq li dawn il-kriterji jiżguraw li l-programm jikkontribwixxi b'mod effettiv għat-tranżizzjoni taż-żgħażagħ għal impjieg stabbli u ta' kwalità u jgħin biex jiżgura opportunitajiet indaqs bejn il-ġeneri għaż-żgħażagħ fis-setturi kollha, opportunitajiet li joffru sigurtà fit-tul, protezzjoni soċjali, kundizzjonijiet tax-xogħol ugwali u deċenti, u li ma jikkontribwixxux għall-ħolqien ta' impjiegi prekarji; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw programmi li jappoġġjaw l-intraprenditorija, b'mod partikolari f'territorji fejn hemm bażi industrijali dgħajfa;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jxerrdu prattiki tajbin fir-rigward tal-investiment soċjali sabiex irawmu soċjetà aktar inklużiva u biex jibbilanċjaw mill-ġdid il-progress ekonomiku u soċjali; jisħaq fuq l-importanza kemm tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol kif ukoll tal-iskemi ta' protezzjoni soċjali bil-għan li tiġi evitata sitwazzjoni fejn la jkun hemm gwadann u lanqas telf, iżda sempliċiment jinqaleb l-impjieg bejn diversi sottogruppi ta' persuni vulnerabbli u b'mod partikolari in-NEETs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq studju biex teżamina r-rabta bejn iż-żgħażagħ mingħajr protezzjoni soċjali u xogħol prekarju;

13. Jemmen bis-sħiħ fl-objettiv li jittejbu l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi taż-żgħażagħ bl-implimentazzjoni xierqa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa; itenni mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li r-rimunerazzjoni għandha tkun proporzjonata max-xogħol ipprovdut, il-ħiliet u l-esperjenza tal-individwu partikolari u l-ħtieġa li l-internati, it-trainees u l-apprendisti fis-suq tax-xogħol barra l-kurrikuli edukattivi jkunu jistgħu jlaħħqu mal-ħajja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'kollaborazzjoni mal-Parlament u filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jipproponu toroq possibbli 'l quddiem għall-introduzzjoni ta' strument legali komuni li jiżgura u jinforza rimunerazzjoni ġusta għall-internships, it-traineeships u l-apprendistati fis-suq tax-xogħol tal-UE; jikkundanna l-prattika ta' internships, traineeships u apprendistati mingħajr ħlas, li tikkostitwixxi forma ta' sfruttament tax-xogħol taż-żgħażagħ u ksur tad-drittijiet tagħhom;

14. Jinsisti li l-finanzjament għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandu jissaħħaħ għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027, permezz ta' żieda fil-FSE+ u konċentrazzjonijiet tematiċi adegwati; jenfasizza li l-proposta emendata tal-Kummissjoni dwar il-FSE+ tat-28 ta' Mejju 2020 b'rati ta' NEET ogħla mill-medja fl-UE fl-2019 iridu jallokaw mill-inqas 15 % tar-riżorsi tagħhom b'ġestjoni kondiviża tal-FSE+ għal azzjonijiet immirati u riformi strutturali li jappoġġjaw l-impjieg taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, b'mod partikolari fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta' skemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jiddispjaċih ħafna għall-fatt li fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta' Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew naqqas b'mod sinifikanti dan l-ammont għal 10 % li hija kompletament kontradittorja mal-ambizzjoni tal-Unjoni li tinvesti fiż-żgħażagħ;

15. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari adottata fl-4 ta' April 2019 li tinkludi rekwiżit addizzjonali li l-Istati Membri kollha, mhux biss dawk b'rata ta' NEET ogħla mill-medja tal-Unjoni, għandhom jinvestu mill-inqas 3 % tar-riżorsi tagħhom tal-FSE+ taħt ġestjoni kondiviża fl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027;

16. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirriflettu dwar il-fatt li r-rata tan-NEETs hija l-uniku fattur fid-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-fondi; iqis li filwaqt li din ir-rata turi n-numru tan-nies li mhumiex fl-edukazzjoni, fl-impjieg jew fit-taħriġ, teskludi kompletament għadd kbir ta' żgħażagħ li għandhom impjieg part-time involontarju, ħallew il-pajjiż biex isibu xogħol deċenti, jagħmlu xogħol mhux dikjarat, jew li qegħdin jaħdmu għalkemm għadhom qed jgħixu fil-faqar;

17. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex jimplimentaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ kollha kemm hi; jenfasizza li l-finanzjament tal-Unjoni jikkomplementa l-baġits nazzjonali u ma jissostitwixxihomx;

18. Ifakkar li Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa jista' jkollha rwol importanti fl-appoġġ lill-Istati Membri biex jinvestu fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fil-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg f'ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u ċirkolari u u biex ikollhom forza tax-xogħol b'livell għoli ta' ħiliet għal dawn l-impjiegi biex b'hekk jiġi żgurat li l-ebda żagħżugħ, speċjalment dawk li jappartjenu għal gruppi żvantaġġati, ma jintesa fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima;

19. Itenni l-ħtieġa li jiżdied l-użu effikaċi tal-finanzjament; jistenna li r-regoli simplifikati tal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni fl-ambitu tal-FSE+ iwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi għall-benefiċjarji, inklużi arranġamenti ta' rappurtar simplifikati; jistenna li l-Istati Membri jonfqu b'mod diliġenti l-fondi fuq programmi taż-żgħażagħ, li se jiffaċilitaw l-impjieg taż-żgħażagħ;

20. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu mmassimizzati s-sinerġiji potenzjali bejn il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u fondi u strumenti rilevanti oħra tal-UE, inklużi l-Faċilità ta' Rkupru u ta' Reżiljenza, il-Garanzija Ewropea għat-Tfal, Erasmus+, InvestEU, Orizzont Ewropa u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, anki fil-kuntest ta' REACT-EU u l-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ f'dawn il-pjanijiet u fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom ukoll kif ukoll fil-kuntest ta' REACT-EU; jistieden lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi ta' SURE biex jappoġġjaw miżuri għal trainees u interns żgħażagħ, bħal appoġġ għall-introjtu u skemi ta' xogħol għal żmien qasir;

21. Jinsisti li l-Kummissjoni ttejjeb il-monitoraġġ tagħha tal-implimentazzjoni tal-garanzija għaż-Żgħażagħ u r-rappurtar tagħha dwar ir-riżultati, inkluż il-monitoraġġ tal-benefiċjarji fl-ambitu tal-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ u n-natura tal-offerti biex tiġi żgurata l-konformità tagħhom ma' qafas ġdid ta' standards ta' kwalità fl-ambitu tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa u d-dħul fit-tul fl-impjieg tal-benefiċjarji tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

22. Jissottolinja li l-ġbir imtejjeb tad-data huwa essenzjali għall-integrazzjoni sostenibbli tas-suq tax-xogħol tal-benefiċjarji u l-użu effiċjenti tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; iħeġġeġ lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tipproduċi rapporti ta' segwitu dwar l-implimentazzjoni tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; iqis, f'dan il-kuntest, li huwa importanti li l-Kummissjoni twettaq studju li jħares lejn ir-rabta bejn iż-żgħażagħ f'impjiegi mingħajr protezzjoni soċjali u x-xogħol prekarju;

23. Jenfasizza li l-implimentazzjoni effettiva tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-aċċess imtejjeb għal impjiegi stabbli u sostenibbli jirrikjedi sħubiji aktar b'saħħithom u koordinazzjoni effiċjenti bejn il-fornituri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-sħab soċjali (min iħaddem u t-trade unions), l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ħaddiema żgħażagħ, il-fornituri ta' solidarjetà u attivitajiet ċiviċi, il-kmamar tal-kummerċ u l-kmamar tas-snajja, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, inklużi NGOs li jaħdmu ma' persuni żvantaġġjati, speċjalment meta jiskambjaw l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri; jitlob l-involviment ta' dawn il-partijiet ikkonċernati fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ sabiex tiġi żgurata l-effettività tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-parteċipazzjoni ta' dawn is-sħab, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, fl-istadji kollha tal-ġestjoni tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-istrumenti ta' finanzjament assoċjati tal-UE fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali; huwa tal-fehma li s-sħubijiet għandhom jiddeskrivu b'mod ċar l-istrutturi u l-mekkaniżmi għal parteċipazzjoni sinifikanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluża l-kondiviżjoni trasparenti tal-informazzjoni;

24. Huwa konvint li kampanji ta' sensibilizzazzjoni mmirati sew f'formati aċċessibbli - inkluż għal persuni b'diżabilità - u mezzi ta' komunikazzjoni li jappellaw għaż-żgħażagħ jista' jkollhom rwol deċiżiv biex jilħqu liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u biex iżidu l-profil tal-inizjattiva, u li din tista' tkun partikolarment ta' benefiċċju ffokata b'mod speċjali fuq dawk li jitilqu mill-iskola kmieni; jenfasizza li għandhom imorru kemm jista' jkun fondi direttament għaż-żgħażagħ; jisħaq li politiki ta' sensibilizzazzjoni effettivi jeħtieġu finanzjament u kapaċità tal-persunal adegwati, b'mod partikolari fis-servizzi tal-impjieg pubbliku (PES) li għandhom rwol kruċjali biex jintlaħqu b'mod effettiv l-in-NEETss iżda xorta qegħdin ibatu l-konsegwenzi tal-miżuri ta' awsterità introdotti wara l-aħħar kriżi finanzjarja; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri jinvestu fil-PES tagħhom sabiex jipprovdu biżżejjed riżorsi umani u appoġġ finanzjarju għat-taħriġ u t-tagħmir tal-persunal għal dan il-għan;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-idea ta' portal tal-web tal-UE ddedikat speċifikament għall-iskemi ta' taħriġ u l-apprendistati fl-UE, filwaqt li tiġbor flimkien l-inizjattivi eżistenti kollha tal-UE, f'portal viżibbli, aċċessibbli u faċli biex jintuża; iqis li dan il-portal għandu jkun ippubbliċizzat b'mod adegwat permezz ta' mezzi xierqa biex ikun immirat lejn l-udjenzi tiegħu, bil-għan li jsir punt ta' referenza magħruf sew għaż-żgħażagħ Ewropej, l-istituti edukattivi, u l-kumpaniji madwar l-UE; huwa tal-fehma li l-portal għandu jidderieġi t-talent żgħażugħ fejn huwa l-aktar meħtieġ, jindika liż-żgħażagħ il-bżonnijiet speċifiċi fis-suq tax-xogħol, jippromwovi l-aċċess għal opportunitajiet ta' tagħlim marbuta, itejjeb l-impjegabbiltà futura ġenerali ġewwa l-UE u jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u biex inaqqas id-differenzi fil-ħiliet;

26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

 

[1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

[2] ĠU L 126, 21.5.2015, p. 1.

[3] ĠU L 185, 11.7.2019, p. 44.

[4] ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

[5] ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1.

[6] Testi adottati, P9_TA(2020)0206.

[7] ĠU C 458, 19.12.2018, p. 57.

[8] ĠU C 346, 27.9.2018, p. 105.

[9] ĠU C 440, 30.12.2015, p. 67.

[10]"The impact of the economic crisis on euro area labour markets" (L-impatt tal-kriżi ekonomika fuq is-swieq tax-xogħol taż-żoni tal-ewro), fil-Bullettin ta' kull xahar tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' Ottubru 2014, pp. 49-68.

[11] Re-inVEST Europe (2019). Policy Brief "Towards more inclusive social protection and active labour market policies in the EU:a social investment perspective" (Lejn protezzjoni soċjali aktar inklużiva u politiki attivi tas-suq tax-xogħol fl-UE: perspettiva ta' investiment soċjali).

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Ottubru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza