Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0338/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0338/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-futur tal-edukazzjoni Ewropea fil-kuntest tal-COVID-19

13.10.2020 - (2020/2760(RSP))

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali O-000052/2020 u O-000053/2020
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Sabine Verheyen
f'isem il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni


Proċedura : 2020/2760(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0338/2020
Testi mressqa :
B9-0338/2020
Testi adottati :

B9‑0338/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tal-edukazzjoni Ewropea fil-kuntest tal-COVID-19

(2020/2760(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali[1],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Achieving the European Education Area by 2025" (Il-Kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025) (COM(2020)0625),

 

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020, bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027: Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali" (COM(2020)0624),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza" (COM(2020)0274),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Jannar 2018 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (COM(2018)0022),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2017 bit-titolu "It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura" (COM(2017)0673),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar "L-edukazzjoni fl-era diġitali: sfidi, opportunitajiet u tagħlimiet għat-tfassil tal-politika tal-UE"[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-UE[4],

 wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-futur tal-Edukazzjoni Ewropea fil-kuntest tal-COVID-19 (O-000052/2020 – B9-0020/2020 u O-000053/2020 – B9-0021/2020),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

A. billi, skont il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità u inklużiva u t-tagħlim tul il-ħajja huwa dritt bażiku tal-bniedem u huwa essenzjali għall-kisba u ż-żamma tal-ħiliet, parteċipazzjoni sħiħa u attiva fis-soċjetà u aċċess effettiv għal suq tax-xogħol li qed jevolvi;

B. billi skont il-UNESCO, kważi 1.6 biljun student f'aktar minn 190 pajjiż – 94 % tal-popolazzjoni globali tal-istudenti – intlaqtu mill-għeluq tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-eqqel tal-kriżi tal-COVID-19; billi aktar minn 60 % tal-istudenti madwar id-dinja għadhom milquta; billi inqas minn 25 % tal-pajjiżi bi dħul baxx ipprovdew xi forma ta' apprendiment mill-bogħod; billi fil-pajjiżi l-aktar żviluppati l-aċċess għall-edukazzjoni diġitali kien ta' madwar 90 %, li jfisser li 10 % tal-istudenti tal-iskola kienu għadhom qed jitħallew jaqgħu lura[5];

C. billi għad hemm diskrepanzi serji fil-livell tal-UE, b'sa 32 % tal-istudenti mingħajr aċċess għall-edukazzjoni għal diversi xhur f'xi Stati Membri; billi, għal ħafna studenti, dan in-nuqqas ta' aċċess irriżulta minn nuqqas ta' tagħmir diġitali, ħiliet diġitali inadegwati jew minn żvantaġġ li kien jeżisti minn qabel; billi, anke fejn l-istudenti kellhom aċċess għall-edukazzjoni diġitali, dawn ta' spiss kellhom jitgħallmu mingħajr l-appoġġ tal-għalliema, tal-pari jew tad-dar u xi kultant f'ambjent domestiku instabbli;

D. billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat forsi l-aktar tfixkil serju fl-istorja għas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ madwar id-dinja, u b'hekk qed thedded it-telf tal-apprendiment għal ġenerazzjoni sħiħa ta' studenti, u tista' tħassar għexieren ta' snin ta' progress; billi dan it-telf ta' apprendiment x'aktarx li se jnaqqas il-livelli futuri ta' dħul għal dik il-ġenerazzjoni u potenzjalment se jkollu impatt negattiv ukoll fuq it-tkabbir tal-produttività tax-xogħol u fuq il-kompetittività għall-Unjoni kollha kemm hi; billi dik l-istess ġenerazzjoni qed taffaċċja d-dħul f'suq tax-xogħol li ntlaqat ħafna mill-kriżi ekonomika mqanqla mill-COVID-19;

E. billi l-istabbilimenti edukattivi għandhom rwol soċjali u pastorali ħafna usa' u jikkontribwixxu għas-saħħa fiżika u mentali tal-istudenti; billi n-nuqqas ta' interazzjoni diretta bejn l-għalliema u l-istudenti ntwera li ta' spiss jaffettwa l-benesseri u s-saħħa mentali tal-istudenti; billi l-pandemija enfasizzat ir-rwol kritiku li għandhom l-għalliema fl-edukazzjoni u fis-soċjetà; billi l-għalliema u persunal edukattiv ieħor spiss ġew mgħobbija żżejjed, u dan jenfasizza l-ħtieġa għal aktar appoġġ għalihom u rikonoxximent akbar għax-xogħol tagħhom;

F. billi l-kriżi aċċellerat il-bidla fid-direzzjoni lejn l-apprendiment diġitali u stimulat l-innovazzjoni fl-edukazzjoni, bħat-titjib tal-opportunitajiet ta' apprendiment elettroniku; billi l-investiment f'kumpaniji tat-teknoloġija tal-apprendiment f'dawn l-aħħar snin tejjeb is-soluzzjonijiet tal-edukazzjoni u tal-apprendiment elettroniku online; billi s-sħubijiet bejn l-istabbilimenti kummerċjali u edukattivi għandhom rwol fil-promozzjoni tal-innovazzjoni fis-settur tal-edukazzjoni; billi l-istabbiliment edukattiv għandu jibqa' dak li jieħu d-deċiżjoni finali fuq il-kontenut edukattiv;

G. billi, fl-istess ħin, il-bidla f'daqqa għall-apprendiment online u mill-bogħod fuq skala daqshekk kbira preċipitata mill-kriżi kixfet lakuni enormi fit-tfassil u fit-twassil tal-politika tal-edukazzjoni diġitali fl-Unjoni Ewropea u madwar l-Istati Membri; billi l-kriżi bl-istess mod uriet il-ħtieġa għal kooperazzjoni u koordinazzjoni akbar fost l-Istati Membri dwar il-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

H. billi t-tranżizzjoni diġitali mil-lum għall-għada seħħet f'kuntest fejn 43 % tal-Ewropej ma għandhomx ħiliet diġitali bażiċi[6]; billi teżisti korrelazzjoni diretta bejn, minn naħa, l-Istat Membru li fih jgħixu n-nies u fejn jgħixu f'kull Stat Membru, l-istatus soċjoekonomiku tagħhom, l-età tagħhom, id-dħul tagħhom, il-livell ta' edukazzjoni tagħhom u l-impjieg tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-grad ta' kompetenza diġitali tagħhom; billi t-trasformazzjoni diġitali u l-użu ta' teknoloġiji ġodda għandhom impatt fuq is-suq tax-xogħol, u jeħtieġu livelli ogħla ta' kompetenza diġitali;

I. billi l-pandemija tirrappreżenta opportunità biex naħsbu mill-ġdid il-futur tal-edukazzjoni;

J. billi l-Kummissjoni għandha l-għan li tistabbilixxi Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025;

K. billi l-ftehim politiku milħuq mill-Kunsill Ewropew dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027 jinvolvi tnaqqis kbir mill-baġit ta' programmi edukattivi emblematiċi bħal Erasmus+; billi l-Parlament talab ripetutament għal baġit ambizzjuż għall-programmi edukattivi; billi l-kriżi ekonomika attwali ma għandhiex twassal għal tnaqqis fl-infiq pubbliku fuq l-edukazzjoni;

L. billi, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-politika tal-edukazzjoni hija l-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, bl-Unjoni jkollha rwol ta' appoġġ u koordinazzjoni;

1. Ifaħħar il-kreattività u l-inġenjożità li wrew l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari l-għalliema tagħhom u l-persunal edukattiv tagħhom, kif ukoll l-istudenti u l-ġenituri fl-adattament għall-apprendiment online u mill-bogħod, speċjalment fid-dawl taċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu malajr u taż-żminijiet inċerti; ifaħħar, bl-istess mod, l-eżempji pożittivi mogħtija miċ-ċittadini, mis-soċjetà ċivili u mill-fornituri tal-edukazzjoni mhux formali fl-adattament tal-prattiki edukattivi tagħhom u fl-iżvilupp ta' inizjattivi li ppermettew li l-apprendiment ikompli; jitlob aktar sforzi biex titkabbar u tiżdied il-viżibbiltà ta' inizjattivi effettivi, u biex jiġu promossi l-aħjar prattiki fis-setturi edukattivi kollha; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi pjattaforma għall-Istati Membri biex jikkondividu prattiki tajbin u, f'dan ir-rigward, jesploraw possibilitajiet għal inizjattivi ġodda, bħall-ħolqien ta' Università Ewropea Online;

2. Jissottolinja, madankollu, li t-tranżizzjoni diġitali f'daqqa fl-edukazzjoni u fit-taħriġ żvelat ukoll qasma diġitali fir-rigward tal-aċċess għall-infrastruttura u l-apparat diġitali, il-kwalità tat-tagħlim online u l-ħiliet tal-istudenti, tal-għalliema u ta' min iħarreġ;

3. Jiddeplora l-fatt li fl-Ewropa għad għandna studenti mingħajr aċċess għall-edukazzjoni diġitali; itenni l-ħtieġa li tittejjeb il-konnettività fil-livell Ewropew, b'mod partikolari fiż-żoni rurali u remoti, u li jiżdied l-aċċess għat-tagħmir diġitali; jiġbed l-attenzjoni għall-innovazzjoni mill-aktar avvanzata fil-kompjuters, fit-tablets u fis-software edukattivi fl-Ewropa;

4. Jinsab imħasseb dwar id-differenzi fil-ħiliet diġitali fost l-għalliema u l-istudenti, li jxekklu l-edukazzjoni diġitali effettiva; ifakkar, għalhekk, fil-ħtieġa li jsir investiment fit-titjib tal-ħiliet u fl-opportunitajiet ta' żvilupp professjonali għall-għalliema u għal min iħarreġ madwar l-Ewropa biex jiġi żgurat li dawn mhux biss ikollhom, iżda wkoll ikunu jistgħu jgħallmu, ħiliet diġitali; jiġbed l-attenzjoni għall-valur tal-mobilità tal-għalliema u l-kondiviżjoni tal-għarfien bħala għodda ewlenija f'dak ir-rigward u jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja attivitajiet bħal dawn;

5. Jinnota li l-kriżi laqtet setturi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ sa livelli differenti, bl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja ħafna drabi jaħdmu aħjar bis-saħħa tal-infrastruttura, ir-riżorsi u l-esperjenza eżistenti fir-rigward ta' għodod diġitali; jenfasizza li t-tfixkil tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni fl-iskola, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni tal-adulti u l-edukazzjoni mhux formali kien aktar sever, u jitlob li jsiru aktar sforzi biex ikun provdut apprendiment mill-bogħod effettiv għal dawk is-setturi; ifakkar fil-ħtieġa għal appoġġ finanzjarju adegwat f'dak ir-rigward;

6. Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor, tivvaluta u tippubblika data minn madwar l-Istati Membri dwar l-impatt tal-pandemija fuq il-parteċipazzjoni tal-istudenti fl-edukazzjoni mill-bogħod, b'attenzjoni partikolari fuq fejn ma setgħux jipparteċipaw minħabba nuqqas ta' mezzi diġitali; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiġbor data dwar il-ħiliet diġitali tal-għalliema fl-Istati Membri kollha;

7. Jinnota bi tħassib li d-differenzi fl-edukazzjoni diġitali żiedu l-inugwaljanzi eżistenti – kemm fost l-Istati Membri kif ukoll fi ħdan – u kellhom impatt sproporzjonat fuq dawk li diġà qed ibatu minħabba żvantaġġi soċjali, ekonomiċi jew żvantaġġi oħrajn, persuni b'diffikultajiet fl-apprendiment u b'diżabilità, u persuni minn gruppi vulnerabbli jew ta' minoranza oħrajn; jisħaq li din il-qasma diġitali trid tingħalaq bħala prijorità immedjata;

8. Ifakkar, barra minn hekk, ir-rwol soċjali vitali li għandhom l-iskejjel u stabbilimenti edukattivi oħrajn, pereżempju billi jipprovdu aċċess għal ikliet regolari u appoġġ pastorali; jenfasizza l-effetti negattivi tal-miżuri tal-lockdown fuq is-saħħa u l-benesseri mentali tal-istudenti, flimkien mal-istress relatat mal-valutazzjoni, l-għoti tal-markiu l-iżolament mill-pari;

9. Jilqa', għalhekk, l-isforzi li saru mill-professjonisti tal-edukazzjoni u mill-Istati Membri biex jiżguraw li l-apprendiment b'mod fiżiku jkun jista' jerġa' jibda f'ambjent sikur mill-COVID-19; jistieden lill-Istati Membri kollha biex jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ biex jiggarantixxu apprendiment b'mod fiżiku għal kulħadd; jirrikonoxxi l-isfida inerenti fil-ftuħ mill-ġdid tal-istabbilimenti edukattivi u jiddeplora n-nuqqas ta' koordinazzjoni jew skambju tal-aħjar prattiki fil-livell Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib flimkien biex jimminimizzaw ir-riskji għas-saħħa għall-persunal u għall-istudenti u biex jimmassimizzaw l-opportunitajiet li jippermettu li l-edukazzjoni b'mod fiżiku tkompli; jemmen, fl-istess ħin, li, f'każ ta' lockdown ieħor, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jridu jkunu mgħammra biex jipprovdu apprendiment diġitali ta' kwalità lill-istudenti kollha u biex jindirizzaw is-saħħa u l-benesseri mentali b'kooperazzjoni mal-ġenituri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra;

10. Jisħaq li l-inugwaljanzi soċjali u edukattivi ta' spiss jinbtu fit-tfulija bikrija u għandhom it-tendenza li jikbru hekk kif il-persuna ssir adulta minħabba li livell edukattiv aktar baxx tipikament iwassal għal prospetti ta' impjieg agħar, li min-naħa tagħhom għandhom it-tendenza li jnaqqsu l-aċċess għal taħriġ fuq il-post tax-xogħol u għall-opportunitajiet ta' żvilupp;

11. Jinsab imħasseb dwar il-livelli mhux uniformi ta' illitteriżmu diġitali li ġabet magħha l-kriżi, b'ħafna nies jitħabtu ma' kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data online bażika, iċ-ċibersigurtà u l-litteriżmu fl-informazzjoni; jenfasizza l-isfida partikolari tad-diżinformazzjoni u tal-aħbarijiet foloz f'dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza li l-ħiliet bażiċi tal-litteriżmu diġitali u tal-informazzjoni jiġu mgħallma permezz ta' approċċ ġenwin ta' tagħlim tul il-ħajja, u jissottolinja l-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għat-tagħlim tal-ħiliet diġitali għall-anzjani u għall-persuni minn gruppi żvantaġġati; jitlob li jkun hemm inizjattivi Ewropej ta' litteriżmu diġitali fuq skala kbira, li għandhom ikunu ankrati fil-Pjan ta' Azzjoni rivedut għall-Edukazzjoni Diġitali;

12. Iqis li t-tagħlima primarja li għandna nisiltu mill-kriżi hija li l-inklużjoni u l-opportunitajiet indaqs, kemm f'termini ta' aċċess kif ukoll ta' kwalità, iridu jitqiegħdu fil-qalba tal-politiki futuri tal-Unjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ;

13. Jissottolinja li l-kriżi wriet il-ħtieġa għal approċċ ta' bosta partijiet ikkonċernati u ta' kokreazzjoni għall-politika tal-edukazzjoni, li fih, l-għalliema u min iħarreġ, l-istudenti, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ mhux formali, il-ġenituri, in-negozji, is-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-awtoritajiet lokali jiġu inklużi kemm fit-tfassil kif ukoll fit-twassil; ifakkar li l-apprendiment iseħħ f'ambjenti formali, mhux formali u informali u li t-tfassil tal-politika jrid ikun immirat lejn dan l-approċċ b'diversi kuntesti;

14. Huwa konvint li l-kriżi toffri opportunità għal riflessjoni profonda dwar l-orjentazzjoni futura tal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-post tagħha fl-aġenda usa' ta' rkupru wara l-pandemija; jissottolinja r-rwol ċentrali li għandha l-edukazzjoni fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; ifakkar li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-iskejjel, tal-istituzzjonijiet tat-taħriġ u tal-universitajiet biex jixprunaw il-bidla;

15. Jemmen, barra minn hekk, li issa wasal iż-żmien li l-kurrikuli u l-metodi ta' tagħlim jerġgħu jiġu kkunsidrati u modernizzati u li jitħaffef il-pass tal-bidla; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jħaddnu d-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni u jibnu teknoloġiji ġodda u emerġenti, bħall-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain, is-soluzzjonijiet adattivi tal-apprendiment u l-ludifikazzjoni, fis-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ b'mod intelliġenti, u ffukati fuq l-istudent; jissottolinja l-ħtieġa li l-impatt tat-teknoloġiji innovattivi fl-edukazzjoni jiġi studjat u li jiġu promossi eżempji tal-aħjar prattika fil-livell Ewropew; ifakkar fl-importanza tal-prinċipji legali u etiċi li jirfdu l-proprjetà intellettwali fil-kuntest tal-kontenut tal-edukazzjoni diġitali; jisħaq li l-użu tat-teknoloġiji diġitali għandu jiġi integrat fl-edukazzjoni minn età bikrija b'superviżjoni xierqa mill-adulti u mill-professjonisti u bl-ogħla standards ta' protezzjoni tad-data u tad-drittijiet tal-awtur;

16. Jisħaq li m'hemm l-ebda sostituzzjoni għall-interazzjoni diretta bejn l-għalliema u dawk li qed jitgħallmu u li l-apprendiment b'mod fiżiku biss jista' jiżgura b'mod effettiv l-akkwist ta' ħiliet interpersonali u soċjali; iqis, għalhekk, li filwaqt li l-pandemija x'aktarx li twassal għal bidla għal mudell aktar ibridu ta' edukazzjoni li jgħaqqad l-apprendiment b'mod fiżiku fil-klassi ma' soluzzjonijiet ta' apprendiment elettroniku, l-apprendiment b'mod fiżiku għandu jibqa' fil-qalba tal-edukazzjoni u t-taħriġ; ifakkar fl-importanza tal--istudji umanistiċi u jemmen li dawn huma essenzjali biex jikkomplementaw is-suġġetti STEAM u l-ħiliet imprenditorjali;

17. Iqis li kooperazzjoni u koordinazzjoni aħjar fost l-Istati Membri u politika tal-Unjoni aktar ambizzjuża dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ kienu jtejbu l-effikaċja tar-rispons għall-kriżi tal-COVID-19, u jħeġġeġ lill-Unjoni jkollha rwol ta' koordinazzjoni aktar attiv fil-futur;

18. Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipproponi qafas politiku kuraġġuż għall-politika Ewropea futura dwar l-edukazzjoni, li jittrasforma ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni minn viżjoni sparpaljata bbażata fuq prinċipji wesgħin fi programm ta' ħidma konkret b'sett ta' objettivi li jistgħu jitkejlu, inkluż li r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kwalifiki, diplomi u perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż isir realtà fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2025; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu approċċ kuraġġuż bl-istess mod għall-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali aġġornat, billi tibdel id-direzzjoni u minn ġabra ta' azzjonijiet differenti tmur għal strateġija sħiħa ta' ħiliet u edukazzjoni diġitali; jinsisti li l-Kummissjoni tinvolvi b'mod attiv lill-Parlament fl-istadji kollha tat-tfassil tal-politika;

19. Jinsisti li l-politika Ewropea futura tal-edukazzjoni għandha tinbena madwar qafas ta' politika konġunt li jiżgura li l-inizjattivi ta' politika rilevanti – bħall-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet, iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Garanzija għat-Tfal – huma komplementari u jappoġġjaw miri ta' politika ġenerali ċari; iqis li d-dimensjoni edukattiva għandha tifforma parti mid-djalogu maċ-ċittadini, pereżempju fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa futura;

20. Jinnota li l-progress lejn Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja huwa konsiderevolment aktar avvanzat minn proċessi simili f'setturi oħrajn tal-edukazzjoni; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni tiffoka aktar sforzi fuq setturi oħrajn tal-edukazzjoni, b'mod partikolari l-edukazzjoni bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni fl-iskola, l-edukazzjoni għall-adulti, u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, permezz ta' approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja;

21. Ifakkar li l-programm Erasmus+ huwa l-istrument ta' finanzjament primarju biex jappoġġja l-kostruzzjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; jissottolinja l-valur tal-għodod żviluppati bl-appoġġ ta' Erasmus+ għall-produzzjoni u l-kondiviżjoni tar-riżorsi tat-tagħlim, pereżempju permezz ta' ġemellaġġ elettroniku, u biex jiġi żviluppati moduli għat-taħriġ tal-għalliema, pereżempju permezz tal-iSchool Education Gateway; jemmen li dawn l-għodod għandhom jiżdiedu, jiġu ffinanzjati aħjar u jiġu promossi b'mod attiv fil-komunità edukattiva sabiex jagħmlu differenza reali fit-tagħlim u l-apprendiment online; ifakkar fl-appoġġ tiegħu għall-programm Erasmus+ biex jikkomplementa l-mobilità, iżda mhux jissostitwixxiha, b'għodod ta' apprendiment u kooperazzjoni virtwali; jiġbed l-attenzjoni għall-kontribut siewi ta' għadd ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji relatati mal-edukazzjoni (PPPAs) proposti mill-Parlament, u jitlob li l-PPPAs ta' suċċess jiġu integrati fil-politika u fil-programmi;

22. Jisħaq, barra minn hekk, fuq il-kontribut potenzjali taċ-Ċentri ta' Eċċellenza Vokazzjonali, DiscoverEU u l-inizjattivi tal-Universitajiet Ewropej għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; jiddeplora, madankollu, il-fatt li l-proposta riveduta tal-Kummissjoni dwar il-QFP, ta' Mejju 2020 – imnaqqsa saħansitra aktar mill-Kunsill Ewropew f'Lulju 2020 – tħalli lill-programm Erasmus+ mingħajr il-finanzjament meħtieġ biex jitwettqu dawn l-inizjattivi ewlenin mingħajr ma jkun hemm impatt fuq il-partijiet ewlenin tal-programm, b'mod partikolari l-espansjoni tal-opportunitajiet ta' mobilità għat-tagħlim u biex il-programm isir aktar inklużiv;

23. Jinnota li firxa ta' programmi ta' finanzjament tal-Unjoni jistgħu jappoġġjaw il-politika tal-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza investimenti mmirati fl-infrastruttura u t-tagħmir diġitali għall-istabbilimenti edukattivi u għall-istudenti sabiex tippermetti l-apprendiment mill-bogħod u online, b'referenza speċifika għall-apparat diġitali u l-aċċess għall-internet f'żoni remoti u rurali; jenfasizza li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għandhom jintużaw għal dak il-għan;

24. Jissottolinja li s-sistemi edukattivi ta' kwalità għolja jipprovdu l-bażi għall-kompetittività globali tal-UE, u jfakkar li sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ li jiffunzjonaw tajjeb jirrikjedu livelli għoljin ta' investiment pubbliku; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li politiki ambizzjużi mingħajr il-finanzjament korrispondenti stabbilit ma għandhomx kredibbiltà; jiddispjaċih ħafna li l-programmi soġġetti għal tnaqqis baġitarju fil-ftehim politiku dwar il-QFP li jmiss li ntlaħaq fil-Kunsill Ewropew ta' Lulju jinkludu speċifikament dawk li jappoġġjaw il-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ – b'mod partikolari l-Erasmus+, Orizzont Ewropa u l-Fond Soċjali Ewropew Plus; itenni s-sejħa tiegħu biex il-baġit tal-Erasmus+ jittripla meta mqabbel mal-baġit tal-QFP 2014-2020; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu ambizzjuż mill-fondi disponibbli permezz tal-pjan ta' rkupru biex jixprunaw l-investiment fl-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu b'mod sinifikanti l-infiq pubbliku fuq l-edukazzjoni;

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Ottubru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza