Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0357/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0357/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet f'Varosha wara l-azzjonijiet illegali mit-Turkija u l-ħtieġa urġenti li jissuktaw it-taħditiet

18.11.2020 - (2020/2844(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Sergey Lagodinsky, Francisco Guerreiro, Thomas Waitz, Monika Vana, Gwendoline Delbos‑Corfield, Ernest Urtasun
f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0355/2020

Proċedura : 2020/2844(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0357/2020
Testi mressqa :
B9-0357/2020
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0357/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet f'Varosha wara l-azzjonijiet illegali mit-Turkija u l-ħtieġa urġenti li jissuktaw it-taħditiet

(2020/2844(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija[1],

 wara li kkunsidra r-rapporti l-aktar reċenti tal-Kummissjoni dwar it-Turkija, jiġifieri r-Rapporti tal-Kummissjoni tal-2019 u tal-2018 dwar it-Turkija,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u tal-Kummissarju Ferreira dwar il-proċess elettorali fil-komunità Ċiprijotta Torka tal-20 ta' Ottubru 2020, ir-rimarki tat-12 ta' Ottubru 2020 tal-VP/RGħ fil-Kunsill Affarijiet Barranin u d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Novembru 2020 tal-VP/RGħ dwar Varosha,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew, u b'mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Ottubru 2020 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-26 ta' April 2004,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tat-23 ta' Settembru  2008[2], tat-22 ta' April 2009[3] u tat-13 ta' Frar 2018[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU), b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 550 (1984) u r-Riżoluzzjoni 789 (1992),

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tad-9 ta' Ottubru 2020 (S/PRST/2020/9),

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Livell Għoli tal-1979 bejn il-mexxejja taż-żewġ komunitajiet f'Ċipru,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-1974, wara kolp ta' stat li falla mill-Greċja f'tentattiv biex jinħataf il-kontroll tal-gżira mill-eks President Arċisqof Makarios III, it-Turkija wieġbet billi bagħtet forzi militari lejn it-Tramuntana ta' Ċipru, li wassal biex għexieren ta' eluf ta' Ċiprijotti Griegi jaħarbu lejn in-Nofsinhar, u popolazzjoni iżgħar ta' Ċiprijotti Torok li kienu jgħixu fin-Nofsinhar ta' Ċipru biex jaħarbu lejn it-Tramuntana tal-gżira;

B. billi, mill-intervent tal-militar Tork fl-1974, Varosha, il-kwartier ta' 6 km2 fin-Nofsinhar tal-belt ta' Famagusta, ġie iżolat u baqa' diżabitat, taħt il-kontroll tal-militar Tork; billi minn dak iż-żmien 'l hawn, iċ-Ċiprijotti li ġew imġiegħla jitilqu minn Varosha ma kellhom l-ebda rimedju għal kumpens u l-ebda possibbiltà li jerġgħu lura lejn djarhom;

C. billi ż-żewġ komunitajiet Ċiprijotti esprimew l-intenzjoni tagħhom li jilħqu ftehim dwar ir-risistemazzjoni tal-abitanti leġittimi ta' Varosha bħala parti mill-Ftehim ta' Livell Għoli tal-1979, li enfasizza li r-risistemazzjoni ta' Varosha kienet prijorità Ċiprijotta unifikata, li ż-żewġ naħat kienu lesti li jwettqu atti ta' rieda tajba, u li n-NU għandu jkollhom rwol fir-riżoluzzjoni tal-kwistjoni;

D. billi r-Riżoluzzjoni 550 (1984) tal-KSNU tqis li "kwalunkwe tentattiv għal risistemazzjoni fi kwalunkwe parti ta' Varosha minn persuni oħra għajr l-abitanti tagħha bħala inammissibbli u titlob li din iż-żona tiġi trasferita lill-amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti"; billi r-Riżoluzzjoni 789 (1992) tal-KSNU tħeġġeġ ukoll li "ż-żona taħt il-kontroll tal-Forza tan-NU għaż-Żamma tal-Paċi f'Ċipru tiġi estiża biex tinkludi Varosha";

E. billi, irrispettivament mir-riżoluzzjonijiet tal-KSNU msemmija hawn fuq, parti minn Varosha reġgħet infetħet unilateralment mill-militar Tork, b'kooperazzjoni mal-mexxej tal-komunità Ċiprijotta Torka Ersin Tatar; billi l-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdoğan, żar Varosha fil-15 ta' Novembru 2020, u b'hekk kompla jaggrava t-tensjonijiet diġà qawwija bejn Ateni, Ankara u Nikosija;

F. billi l-interferenza ta' Ankara fl-affarijiet interni Ċiprijotti Torok żdiedet b'mod drammatiku matul l-elezzjonijiet reċenti għat-tmexxija Ċiprijotta Torka; billi l-kandidat nazzjonalista Ersin Tatar, li jopponi s-soluzzjoni komprensiva tal-kwistjoni ta' Ċipru bbażata fuq federazzjoni bikomunitarja u biżonali, kif previst mill-parametri tan-NU, irċieva appoġġ qawwi minn Ankara u rebaħ l-elezzjoni;

1. Jisħaq li s-sitwazzjoni f'Varosha hija tfakkira qawwija tat-tilwima li ilha u għadha għaddejja, u tar-riskju relatat ta' tensjonijiet kontinwi li qed jiżdiedu bejn il-komunitajiet Ċiprijotti u huwa konvint bis-sħiħ li soluzzjoni komprensiva tista' tinstab biss permezz ta' djalogu u diplomazija u bil-parteċipazzjoni diretta fin-negozjati kemm tar-Repubblika ta' Ċipru kif ukoll tal-komunità Ċiprijotta Torka, taħt l-awspiċji tan-NU;

2. Jikkritika bil-qawwa l-indħil dejjem akbar ta' Ankara fl-affarijiet interni Ċiprijotti Torok, li laħaq il-quċċata tiegħu bil-ftuħ mill-ġdid unilaterali tal-kosta ta' Varosha u li wassal ukoll għal protesti f'partijiet tal-komunità Ċiprijotta Torka; jinsab imħasseb ħafna dwar din l-azzjoni unilaterali bi ksur tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU; jitlob, fin-nuqqas ta' tkomplija tant meħtieġa tad-djalogu u n-negozjati dwar il-kwistjoni ta' Ċipru, li din l-azzjoni titreġġa' lura u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti biex jevitaw l-involviment f'azzjonijiet unilaterali u biex jikkonformaw mad-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-20 ta' Ottubru 2020;

3. Jinnota li r-Repubblika ta' Ċipru tinsisti fuq il-pożizzjoni tagħha li r-ritorn ta' Varosha huwa element essenzjali mill-miżuri intiżi sabiex jibnu l-fiduċja maċ-Ċiprijotti Torok, anki permezz ta' inizjattivi konġunti li jfittxu li jirriġeneraw il-belt abbandunata;

4. Jiddispjaċih li l-proposti preċedenti ta' miżuri għall-bini tal-fiduċja mmirati biex jgħaddu lil Varosha għall-kontroll tan-NU u biex jippermettu lill-port Ċiprijott Tork ta' Famagusta jiftaħ mill-ġdid ma rnexxewx; ifaħħar proġetti fil-livell lokali bħal "Famagusta Ecocity Project", li huwa mmexxi kemm minn Ċiprijotti Griegi kif ukoll minn Ċiprijotti Torok u li għandu l-għan li jibni mill-ġdid Famagusta integrata, sostenibbli u ambjentalment responsabbli li tippromwovi u tħaddan koeżistenza paċifika fost l-abitanti kollha tagħha;

5. Jappella għal involviment kostruttiv fost ir-Repubblika ta' Ċipru u l-komunità Ċiprijotta Torka, bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni komprensiva u bil-ħsieb ta' riunifikazzjoni; jenfasizza u jappoġġa d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ li tappoġġa t-tkomplija tan-negozjati, taħt l-awspiċji tan-NU;

6. Jappoġġa kemm lill-komunità Ċiprijotta Torka kif ukoll lill-komunità Ċiprijotta Griega fit-tfittxija tagħhom għall-paċi u l-istabbiltà u jistieden lill-Kummissjoni timplimenta fil-pront it-tieni Programm ta' Azzjoni Annwali għall-għajnuna lill-komunità Ċiprijotta Torka, immirat biex jappoġġa proġetti li jrawmu r-rikonċiljazzjoni u jtejbu l-infrastruttura, il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku; jappella, b'mod partikolari, li jitkompla u jiżdied l-appoġġ għas-soċjetà ċivili kemm fil-komunità Ċiprijotta Torka kif ukoll fil-komunità Ċiprijotta Griega, kemm permezz tal-Programm ta' Għajnuna tal-UE kif ukoll b'mod aktar strutturali bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, b'mod partikolari permezz tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri;

7. Jibqa' impenjat bis-sħiħ għal soluzzjoni komprensiva tal-kwistjoni, skont ix-xewqat tal-poplu Ċiprijott, u għal riunifikazzjoni bbażata fuq federazzjoni biżonali u bikomunatarja, b'personalità ġuridika internazzjonali unika, sovranità unika u ċittadinanza unika u b'ugwaljanza politika bejn iż-żewġ komunitajiet, fi ħdan il-qafas tan-NU u f'konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU, inklużi r-Riżoluzzjoni 550 (1984) u r-Riżoluzzjoni 789 (1992), u f'konformità mal-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE;

8. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jappoġġa b'mod attiv dawn in-negozjati u jappoġġa s-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex iż-żewġ naħat Ċiprijotti u s-Setgħat Garanti b'mod urġenti jerġgħu jibdew in-negozjati u jorganizzaw b'urġenza laqgħa kif maqbul f'Novembru 2019;

9. Jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta bit-Tork;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-mexxej tal-komunità Ċiprijotta Torka u lill-Assemblea tagħha tar-Repubblika, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Novembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza