Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0358/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0358/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet f'Varosha wara l-azzjonijiet illegali mit-Turkija u l-ħtieġa urġenti li jissuktaw it-taħditiet

18.11.2020 - (2020/2844(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Kati Piri, Tonino Picula, Nacho Sánchez Amor
f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0355/2020

Proċedura : 2020/2844(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0358/2020
Testi mressqa :
B9-0358/2020
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0358/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet f'Varosha wara l-azzjonijiet illegali mit-Turkija u l-ħtieġa urġenti li jissuktaw it-taħditiet

(2020/2844(RSP))

 

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija[1] u tas-17 ta' Settembru 2020 dwar it-tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran[2],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2012  dwar l-għoti tal-parti l-magħluqa ta' Famagusta lura lill-abitanti legali tagħha[3],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-21 ta' Novembru 2018 wara ż-żjara ta' ġbir ta' informazzjoni f'Famagusta, Ċipru, mis-7 sat-8 ta' Mejju 2018, fil-kuntest tal-Petizzjoni 733/2004 ppreżentata minn Loizos Afxentiou, f'isem il-Moviment tar-Rifuġjati ta' Famagusta,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2020)0660) u r-Rapport li jakkumpanjaha dwar it-Turkija tal-2020 (SWD(2020)0355),

 wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Ottubru 2020 dwar it-Turkija,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar l-iżviluppi madwar Varosha,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar Varosha,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-VP/RGħ u tal-Kummissarju Ferreira tal-20 ta' Ottubru 2020 dwar il-proċess elettorali fil-komunità Ċiprijotta Torka,

 wara li kkunsidra l-prinċipji ewlenin tad-dritt internazzjonali u l-Karta tan-NU, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) dwar Ċipru, inklużi r-Riżoluzzjonijiet 550 (1984) u 789 (1992),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-President tal-KSNU tad-9 ta' Ottubru 2019 u tad-9 ta' Ottubru 2020 dwar is-sitwazzjoni f'Ċipru,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-belt ta' Famagusta fir-Repubblika ta' Ċipru ġiet invaduta mill-forzi Torok f'Awwissu 1974, u ilha okkupata illegalment minn dak iż-żmien 'l hawn;

B. billi parti minn Famagusta kienet ġiet magħluqa u baqgħet mhix abitata, taħt il-kontroll dirett tal-militari Torok;

C. billi n-NU tqis li r-responsabilità għall-istatus quo f'Varosha taqa' fuq it-Turkija, u li t-Turkija għalhekk hija responsabbli wkoll għal kwalunkwe sforz biex jinbidel l-istatus tagħha li jmur kontra l-Ftehim ta' Livell Għoli tal-1979 u r-Riżoluzzjonijiet 550 (1984) u 789 (1992) tal-KSNU;

D. billi r-Riżoluzzjoni 550 (1984) tal-KSNU tqis "kwalunkwe tentattiv għal risistemazzjoni fi kwalunkwe parti ta' Varosha minn persuni oħra għajr l-abitanti tagħha bħala inammissibbli u titlob li din iż-żona tiġi trasferita lill-amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti", u billi r-Riżoluzzjoni 789 (1992) tal-KSNU tħeġġeġ, bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 550 (1984), li bħala miżura għall-bini tal-fiduċja Varosha għandha tiġi ttrasferita lill-abitanti legali tagħha "taħt il-kontroll tal-Forza tan-NU għaż-Żamma tal-Paċi f'Ċipru";

E. billi fit-8 ta' Ottubru 2020, wara t-tħabbira li saret f'Ankara fis-6 ta' Ottubru 2020, parti minn Varosha ġiet iddikjarata parzjalment "miftuħa", bi ksur tal-ftehimiet tal-passat u tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU;

F. billi t-Turkija ddikjarat li se tipproċedi b'mod unilaterali b'diversi proġetti f'Varosha, u heddet li tħejji ż-żona għall-insedjament illegali tagħha;

G. billi ż-żjara tal-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdoğan, fiż-żona okkupata ta' Ċipru biex "isir picnic" f'Varosha fil-15 ta' Novembru 2020 kienet tikkostitwixxi att provokattiv li qajjem ukoll reazzjonijiet fost iċ-Ċiprijotti Torok;

H. billi fin-negozjati preċedenti kollha, inkluż fl-aħħar Konferenza dwar Ċipru fi Crans-Montana fl-2017, Varosha ġiet inkluża fost iż-żoni li kellhom jiġu rritornati lill-amministrazzjoni Ċiprijotta Griega wara s-soluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru fuq il-bażi miftiehma ta' federazzjoni bikomunali u biżonali;

1. Jikkundanna l-attivitajiet illegali tat-Turkija f'Varosha, b'mod partikolari l-"ftuħ mill-ġdid parzjali" tagħha; jenfasizza li l-ħolqien ta' fait accompli ġdid idgħajjef il-fiduċja reċiproka u l-prospetti għal soluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru, billi jimmodifika b'mod negattiv is-sitwazzjoni fuq il-post, jaggrava d-diviżjoni u jintegra d-diviżjoni permanenti ta' Ċipru; iwissi kontra kwalunkwe bidla fl-istatus quo f'Varosha bi ksur tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU;

2. Iħeġġeġ lill-Gvern tat-Turkija jreġġa' lura dik id-deċiżjoni, u jevita kwalunkwe azzjoni unilaterali li tista' tqajjem aktar tensjonijiet fuq il-gżira, f'konformità mas-sejħa reċenti tal-KSNU; jistieden lit-Turkija tirtira t-truppi tagħha minn Ċipru, tittrasferixxi ż-żona ta' Varosha lill-abitanti legali tagħha taħt l-amministrazzjoni temporanja tan-NU bi qbil mar-Riżoluzzjoni 550 (1984) tal-KSNU, u ma tieħu l-ebda azzjoni li tibdel il-bilanċ demografiku fuq il-gżira permezz ta' politika ta' insedjamenti illegali; jenfasizza l-ħtieġa li l-acquis tal-UE jiġi implimentat fil-gżira kollha, wara s-soluzzjoni tal-problema ta' Ċipru;

3. Jenfasizza li taħdidiet diretti taħt l-awspiċji tan-NU jibqgħu l-unika għażla biex tinstab soluzzjoni li tgħaqqad mill-ġdid il-gżira u l-poplu tagħha, li twassal, fost affarijiet oħra, għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Ċipru u t-Turkija, prospetti mtejba għad-delimitazzjoni taż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) bejn Ċipru u t-Turkija, u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija; iħeġġeġ li n-negozjati dwar ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru taħt l-awspiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU jerġgħu jitnedew malajr kemm jista' jkun, u jkompli jħeġġeġ lit-Turkija biex tidħol f'impenn tanġibbli għal dan il-għan;

4. Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikollhom rwol aktar attiv biex in-negozjati jaslu għal konklużjoni b'suċċess u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom mal-Parlament Ewropew biex jikkonvinċu lit-Turkija treġġa' lura l-attivitajiet illegali tagħha f'Varosha;

5. Itenni l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni ġusta, komprensiva u fattibbli bbażata fuq federazzjoni bikomunali u biżonali, b'personalità ġuridika internazzjonali unika, sovranità unika u ċittadinanza unika b'ugwaljanza politika bejn iż-żewġ komunitajiet, kif definit mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, skont id-dritt internazzjonali u l-acquis tal-UE, u abbażi tar-rispett għall-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jiddispjaċih għall-fatt li l-ogħla awtoritajiet Torok approvaw is-soluzzjoni ta' żewġ stati;

6. Jiddeplora d-dikjarazzjonijiet tal-President tat-Turkija matul iż-żjara tiegħu f'Varosha fil-15 ta' Novembru 2020, li żvelat b'mod flagranti l-"pjan direzzjonali" ta' Ankara ta' insedjament illegali tal-belt magħluqa u l-appoġġ tiegħu għad-diviżjoni permanenti ta' Ċipru;

7. Jinsab konvint sew li riżoluzzjoni sostenibbli tal-kunflitt tista' tinstab biss permezz tad-djalogu, id-diplomazija u n-negozjati fi spirtu ta' rieda tajba u f'konformità mad-dritt internazzjonali;

8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.

 

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Novembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza