Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0363/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0363/2020

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-indirizzar tar-rati ta' persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea

    18.11.2020 - (2020/2802(RSP))

    skont l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Dolors Montserrat
    f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet

    Proċedura : 2020/2802(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B9-0363/2020
    Testi mressqa :
    B9-0363/2020
    Dibattiti :
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    B9‑0363/2020

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-indirizzar tar-rati ta' persuni mingħajr dar fl-Unjoni Ewropea

    (2020/2802(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra l-Artikoli 2u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 4, 9 u 151 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

     wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti adottati mill-mexxejja dinjija f'Settembru 2015 u approvati mill-Kunsill, b'mod partikolari l-SDGs 1, 3, 8 u 11,

     wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 21 dwar in-nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 26 dwar l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità u l-Artikolu 34(3) dwar ir-rikonoxximent u r-rispett tal-Unjoni tad-dritt għall-għajnuna soċjali u għall-akkomodazzjoni,

     wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f'Turin fit-18 ta' Ottubru 1961,

     wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-Prinċipju 19 tiegħu dwar l-akkomodazzjoni u l-assistenza għall-persuni mingħajr dar,

     wara li kkunsidra l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, tal-1989,

     wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-UE tal-25 ta' Mejju 2018 dwar l-akkomodazzjoni f'kull wieħed mit-28 Stat Membru,

     wara li kkunsidra l-Karta tan-NU ta' Ġinevra dwar l-Akkomodazzjoni Sostenibbli u l-għan tagħha li "tiżgura aċċess għal akkomodazzjoni diċenti, adegwata, affordabbli u tajba għas-saħħa għal kulħadd",

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward ta' linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[1],

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[2],

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-impjiegi u l-politiki soċjali taż-żona tal-euro[3],

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-4 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Plus (FSE+)[4],

     wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva l-petizzjoni 0546/2020 u diversi petizzjonijiet oħra li qajmu t-tħassib dwar is-sitwazzjoni ta' aktar minn 4 miljun ċittadin Ewropej mingħajr dar u billi l-għadd ta' persuni mingħajr dar fl-UE allegatament żdied b'aktar minn 70 % f'dawn l-aħħar 10 snin;

    B. billi l-problema ta' nuqqas ta' dar hija relatata direttament mad-diffikultà fl-eżerċitar ta' drittijiet bażiċi oħra, bħall-aċċess għall-kura tas-saħħa, u l-persuni mingħajr dar sikwit ikunu l-mira ta' reati ta' mibegħda u vjolenza, inkluża l-istigmatizzazzjoni soċjali;

    C. billi dawn il-petizzjonijiet jitolbu li l-Unjoni Ewropea ma tħalli lil ħadd lura u tadotta azzjoni urġenti u miftiehma biex tieħu miżuri preventivi biex inaqqsu r-riskju u d-daqs tal-problema ta' persuni mingħajr dar b'mod sostenibbli;

    D. billi fil-ġerarkija tal-bżonnijiet tal-bniedem, l-akkomodazzjoni tipprovdi l-ispazju għall-ħajja, u b'hekk tippermetti li jiġu ssodisfati bżonnijiet oħra bażiċi u ogħla;

    E. billi l-Unjoni Ewropea għandha tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja s-soċjali u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal;

    F. billi fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni jeħtiġilha tqis il-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, il-garanzija ta' protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, il-politiki tal-akkomodazzjoni soċjali u livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

    G. billi n-nuqqas ta' definizzjoni waħda adottata b'mod wiesa' tal-problema ta' persuni mingħajr dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni fl-UE jagħmilha diffiċli li jiġi vvalutat id-daqs tal-problema ta' persuni mingħajr dar fl-Istati Membri tal-UE;

    H. billi f'dawn l-aħħar għaxar snin, ir-rati ta' persuni mingħajr dar żdiedu f'għadd ta' Stati Membri tal-UE; billi l-kawżi ta' tali żieda huma taħlita ta' żieda fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, l-impatt tal-kriżi ekonomika, it-tnaqqis tal-ħarsien soċjali u l-inadegwatezza tal-politiki biex tiġi indirizzata l-problema ta' persuni mingħajr dar f'ħafna Stati Membri; billi l-prezzijiet tad-djar żdiedu b'5 % fiż-żona tal-euro (ŻE19) u b'5,2 % fl-UE27 fit-tieni trimestru tal-2020 meta mqabbla mal-istess trimestru tas-sena preċedenti;

    I. billi l-UE m'għandha l-ebda kompetenza diretta fuq il-politika tad-djar, iżda jista' jkollha impatt fuq il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni fl-Istati Membri b'mod indirett permezz ta' regolamenti, bħar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-liġi fiskali u l-liġi tal-kompetizzjoni u miżuri bħal rakkomandazzjonijiet u linji gwida;

    J. billi l-Fond Soċjali Ewropew ġie stabbilit sabiex itejjeb l-opportunitajiet ta' impjieg għall-ħaddiema fis-suq intern u b'hekk jikkontribwixxi biex jgħolli l-livell tal-għajxien u jgħin lill-persuni mingħajr dar biex jidħlu jgħixu f'akkomodazzjoni soċjali;

    K. billi fondi strutturali u ta' investiment Ewropej oħra bħall-FEŻR intużaw għal proġetti ta' akkomodazzjoni u għall-indirizzar tal-ħtiġijiet ta' komunitajiet fil-bżonn;

    L. billi l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn jappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jipprovdu ikel u/jew assistenza materjali bażika lill-persuni l-aktar fil-bżonn;

    M. billi l-problema ta' persuni mingħajr dar kulma jmur qed tissemma aktar fl-aktar rapporti reċenti tas-Semestru Ewropew;

    N. billi l-prezz soċjali tan-nuqqas ta' indirizzar tal-problema ta' persuni mingħajr dar huwa partikolarment għoli fl-oqsma tal-ġustizzja u tas-saħħa;

    O. billi l-politiki tal-benessri soċjali, ibbażati fuq dispożizzjonijiet universali wiesgħa flimkien ma' miżuri mmirati sew, jiżvolġu rwol importanti ħafna biex jipprevjenu li persuna tispiċċa mingħajr dar;

    P. billi l-evidenza miġbura tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq kemm il-prezz tal-akkomodazzjoni fl-UE jista' jintlaħaq tindika li fit-terminu medju, ir-reċessjoni ekonomika u t-telf ta' impjiegi u ta' introjtu jistgħu jkomplu jżidu l-piż eċċessiv tal-prezz tal-akkomodazzjoni u r-rati ta' persuni mingħajr dar fl-Ewropa;

    Q. billi l-profil tal-popolazzjoni mingħajr dar qed jinbidel u issa jinkludi aktar żgħażagħ u tfal, l-anzjani, il-migranti, ir-Roma u minoranzi żvantaġġati oħra, waqt li n-nisa u l-familji kulma jmur jinsabu f'riskju akbar li jispiċċaw mingħajr dar;

    R. billi l-aċċess għal akkomodazzjoni deċenti u li wieħed ikun parti mis-soċjetà huwa kruċjali biex persuna tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha u tikkontribwixxi għas-soċjetà;

    S. billi ġeneralment, persuna tispiċċa mingħajr dar minħabba interazzjoni kumplessa ta' fatturi strutturali, istituzzjonali u personali;

    T. billi l-problema li persuna ssib ruħha mingħajr dar u eskluża mill-akkomodazzjoni tikkostitwixxi problema soċjali li għaliha għandha tinstab soluzzjoni permanenti;

    U. billi ċerti Stati Membri jikkriminalizzaw is-sitwazzjoni tal-persuni mingħajr dar u l-imġiba assoċjata mal-persuni mingħajr dar;

    V. billi f'ċerti Stati Membri, il-persuni mingħajr dar għandhom aċċess kostanti għall-kenn matul ix-xitwa biss, u mhux kontinwament matul is-sena kollha;

    W. billi f'ċerti Stati Membri, is-servizzi tas-sigurtà soċjali lokali jiżvolġu biss rwol passiv fir-rigward tal-assistenza lill-persuni mingħajr dar biex jerġgħu jintegraw fis-soċjetà;

    1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' aktar minn 4 miljun ċittadin Ewropew mingħajr dar hekk kif il-kriżi tas-saħħa u ekonomika attwali qed tħalli aktar nies qiegħda u tagħmel lil għadd aktar ta' nies dipendenti fuq il-protezzjoni soċjali;

    2. Ifakkar li l-aċċess għall-akkomodazzjoni hu dritt fundamentali tal-bniedem għall-persuni kollha, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jtemmu l-problema ta' persuni mingħajr dar fl-Unjoni sal-2030 u jistabbilixxu dan bħala mira fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni aktar soda biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-tnaqqis u l-eradikazzjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar bħala prijorità fil-kuntest tal-pjan ta' azzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u f'konformità mal-SDGs tan-Nazzjonijiet Uniti;

    3. Jenfasizza li l-problema ta' persuni mingħajr dar hija identifikata bħala waħda mill-aktar forom severi ta' faqar u privazzjoni li jeħtieġ li jiġu aboliti permezz ta' politiki mmirati u integrati mwettqa b'mod sostenibbli permezz tal-indirizzar tal-fatturi ta' riskju personali (bħall-vulnerabbiltajiet individwali) u l-fatturi ta' riskju strutturali (bħall-akkomodazzjoni u l-qgħad);

    4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw definizzjoni ta' qafas komuni u indikaturi koerenti dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar fl-UE, li jippermettu fehim komuni, tqabbil sistematiku u valutazzjoni tal-kobor tal-problema ta' persuni mingħajr dar fl-Istati Membri differenti tal-UE;

    5. Ifakkar li matul il-kriżi tal-COVID-19, il-Parlament Ewropew ipprovda kenn lil 100 mara mingħajr dar fil-bini tiegħu;

    6. Jirrimarka l-importanza tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-ġbir tad-data, peress li r-rati ta' persuni mingħajr dar jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati b'mod sistematiku fil-livell tal-UE permezz ta' korpi bħall-Eurostat;

    7. Jilqa' l-ħidma tal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali biex tappoġġa u tindirizza din is-sitwazzjoni bħala waħda mill-inizjattivi emblematiċi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

    8. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Persuni Mingħajr Dar u jistieden ukoll lill-Istati Membri jadottaw il-prinċipju tal-Akkomodazzjoni l-Ewwel, ibbażat fuq prattiki tajba minn xi Stati Membri, li jgħin biex ir-rata ta' persuni mingħajr dar tonqos b'mod sostanzjali permezz tal-introduzzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni determinati u approċċi innovattivi; jiddikjara li approċċi innovattivi ta' dan it-tip huma bbażati fuq il-kunċett tad-dar bħala dritt fundamentali tal-bniedem u wara jiżviluppaw toroq ta' integrazzjoni soċjoprofessjonali usa';

    9. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tkompli timmira li tnaqqas il-problema ta' persuni mingħajr dar billi tintegra fiha l-politiki settorjali rilevanti tal-UE, speċjalment - iżda mhux esklussivament - fl-oqsma tal-iżvilupp reġjonali, is-saħħa, id-drittijiet tal-bniedem, iż-żgħażagħ, il-ġeneru, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni;

    10. Jistieden lill-Istati Membri jassumu r-responsabbiltà primarja tagħhom biex jindirizzaw il-problema ta' persuni mingħajr dar, jaħdmu fuq il-prevenzjoni u l-intervent bikri li huma, f'ħafna modi, l-aktar politiki kosteffikaċi u li jimminimizzaw il-ħsara għall-indirizzar tal-problema ta' persuni mingħajr dar u biex jagħtu rwol aktar proattiv lis-servizzi tas-sigurtà soċjali reġjonali u lokali biex jgħinu lill-persuni mingħajr dar jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà;

    11. Jenfasizza l-ħtieġa għal kollaborazzjoni interministerjali u intergovernattiva fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji bħal dawn, kif ukoll il-parteċipazzjoni ta' partijiet konċernati ewlenin, u jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri;

    12. Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jtejbu l-ġbir ta' data rilevanti u komparabbli bl-involviment ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi akkreditati u awtoritajiet lokali li jaħdmu fil-qasam tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u fl-għoti ta' servizzi għall-persuni mingħajr dar jew f'riskju li jispiċċaw mingħajr dar;

    13. Jappoġġa l-kompiti tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS), li fih l-Istati Membri jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni fuq kwistjonijiet relatati mal-problema ta' persuni mingħajr dar permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni;

    14. Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-monitoraġġ u l-governanza u tkompli timmobilizza l-finanzjament u l-politiki tal-UE relatati mal-problema ta' persuni mingħajr dar; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali jagħmlu użu mir-riżorsi tal-FEŻR għall-akkomodazzjoni soċjali;

    15. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu aċċess ugwali għas-servizzi pubbliċi bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali;

    16. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw l-integrazzjoni tal-persuni mingħajr dar fis-suq tax-xogħol, billi jipprovdu miżuri ta' rikonċiljazzjoni u appoġġ speċjalizzati u individwalizzati, taħriġ u programmi ta' impjieg integrati, kif ukoll skemi oħra mfassla apposta u mmirati biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ riveduta tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-problema ta' persuni mingħajr dar fost iż-żgħażagħ;

    17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jirrifletti l-kontributi riċevuti matul il-perjodu ta' konsultazzjoni dwar il-Prinċipju 19 billi jinkludu "L-Akkomodazzjoni u assistenza għall-persuni mingħajr dar" fil-Pjan ta' Azzjoni tal-2021, u jinsisti li jsir użu aħjar mis-Semestru Ewropew sabiex jiġi żgurat progress fl-indirizzar tar-rati ta' persuni mingħajr dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni;

    18. Jenfasizza li l-persuni mingħajr dar u persuni oħra f'sitwazzjonijiet ta' akkomodazzjoni prekarji jinsabu f'riskju partikolari minħabba l-kriżi tal-COVID-19; iħeġġeġ bil-qawwa lill-UE u l-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri mmirati biex jipproteġu lill-persuni mingħajr dar, jipprovdu assistenza finanzjarja lill-NGOs akkreditati u s-sħubijiet pubbliċi-privati, u biex jappoġġaw lill-awtoritajiet lokali fl-iżgurar ta' spazji sikuri u l-prevenzjoni tal-iżgumbramenti;

    19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-istrumenti eżistenti, kif ukoll l-istrumenti taħt il-QFP 2021-2027 u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex itejbu l-opportunitajiet ta' impjieg u l-integrazzjoni soċjali tal-unitajiet domestiċi li qed jesperjenzaw il-qgħad;

    20. Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-problema ta' persuni mingħajr dar billi jadottaw strateġiji nazzjonali integrati fit-tul, ibbażati fil-komunità u mmexxija mill-akkomodazzjoni, kif imħeġġeġ mill-pakkett ta' investiment soċjali tal-UE;

    21. Jistieden lill-Kunsill jirrapporta b'mod regolari dwar ir-riżultati miksuba f'dan il-qasam;

    22. Jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-parteċipazzjoni soċjali tal-partijiet ikkonċernati kollha fi strateġiji integrati għall-persuni mingħajr dar, u jippromwovu l-intraprenditorija soċjali u l-attivitajiet ta' awtoinnovazzjoni biex itejbu l-inklużjoni attiva tal-persuni mingħajr dar;

    23. Jistieden lill-Istati Membri jiddekriminalizzaw is-sitwazzjoni tal-persuni mingħajr dar;

    24. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu aċċess kostanti u kontinwu għad-djar ta' kenn ta' emerġenza fl-Unjoni kollha; jenfasizza, madankollu, li dawn għandhom ikunu biss soluzzjoni temporanja, u mhumiex alternattiva għal soluzzjonijiet strutturali bħall-prevenzjoni u l-għoti ta' akkomodazzjoni u appoġġ soċjali adegwati b'rispons għall-problema ta' persuni mingħajr dar;

    25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Novembru 2020
    Avviż legali - Politika tal-privatezza